12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

180


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar-29 ta' Settembru 2004

li tawtorizza Stati Membri biex jippermettu temporanjament it-tqegħid fis-suq ta' żrieragħ ta' l-ispeċi Ċedrus libani, Pinus brutia u nebbiet li jkun ġej minn dawn iż-żrieragħ li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 3138)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2004/678/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal forestali riproduttiv (1), u partikolarment l-Artikolu (1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fi Franza, il-produzzjoni taż-żerriegħa u n-nebbiet prodotta minn din iż-żerriegħa ta' l-ispeċi Ċedrus libani, Pinus brutia fil-preżent mhix biżżejjed, bir-riżultat li ma tistax tintlaħaq il-ħtieġa tagħha għal materjal riproduttiv fi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/105/KE.

(2)

Il-pajjiżi terzi mhumiex f'qagħda li jfornu biżżejjed żerriegħa u nebbiet li ġejjin miż-żrieragħ ta' l-ispeċi msemmija u li jistgħu joffru l-istess garanziji bħall-materjal riproduttiv Komunitarju u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/105/KE

(3)

Għalhekk, Franza talbet lill-Kummissjoni, in segwitu għal din id-Direttiva, li tawtorizzaha taċċetta għat-tqegħid fis-suq żrieragħ u nebbiet prodott minn din iż-żerriegħa li ma jkunux soġġetti għal ħtiġijiet rigorużi daqs dawk stipulati mid-Direttiva.

(4)

Sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas, Franza għandha għalhekk tiġi awtorizzata tippermetti, għal żmien limitat, it-tqegħid fis-suq ta' żrieragħ u nebbiet prodotti minn din iż-żerriegħa ta' l-ispeċi msemmija li ma jkunux soġġetti għal ħtiġijiet daqshekk rigorużi.

(5)

Iż-żerriegħa trid tinġabar, jekk hu possibbli, f'postijiet ta' l-oriġini li jkunu qegħdin fil-medda naturali ta' l-ispeċi mesemmija u għandhom jingħataw l-iktar garanziji stretti possibbli sabiex tiġi żgurata l-identità tal-materjal. Barra minn hekk, iż-żrieragħ u nebbiet prodotti minn din iż-żerriegħa għandhom jitqiegħdu fuq is-suq biss jekk akkumpanjati minn dokument li jkollu ċerti dettalji dwar il-materjal riproduttiv in kwistjoni.

(6)

Stati Membri oħra għandhom ukoll ikunu awtorizzati li jqiegħdu fis-suq, fuq it-territorju tagħhom, iż-żrieragħ u nebbiet prodotti minn din iż-żerriegħa kif definit fid-Direttiva 1999/105/KE li jissodisfaw ħtiġijiet anqas rigorużi fir-rigward tat-tikkettar u l-identifikazzjoni, jekk it-tqegħid fis-suq ikun ġie awtorizzat fl-Istati Membri l-oħra taħt din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żerriegħa u l-Materjal Riproduttiv għal-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Agrikoltura Forestali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

1.   Għandu jiġi permess, sal-31 ta' Mejju 2005, it-tqegħid fis-suq Komunitarju taż-żerriegħa maħsuba għall-proudzzjoni ta' nebbiet għal Ċedrus libaniPinus brutia li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet fir-rigward ta' l-identifikazzjoni u t-tikkettar stipolati fl-Artikolu 13 u 14 tad-Direttiva 1999/105/KE, fi qbil mal-ħtiġijiet stipulati fl-Annessi għal din id-Deċiżjoni.

2.   It-tqegħid fis-suq ta' nebbiet prodott miż-żerriegħa msemmija fuq hija awtorizzata fi ħdan il-Komunità sal-31 ta' Mejju 2010, dejjem jekk jitwettqu l-ħtiġijiet stipolati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE se japplikaw.

Artikolu 2

Kull fornitur li jixtieq iqiegħed fis-suq iż-żerriegħa msemmija f'Artikolu 1 għandu japplika għall-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru li huwa stabilit fih jew li jimporta fih. L-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza l-fornitur iqiegħed iż-żerriegħa fis-suq, minbarra:

a)

jekk ikun hemm biżżejjed evidenza biex ikun hemm dubju dwar jekk il-fornitur jistax iqiegħed fis-suq l-ammont ta' żerriegħa li applika għall-awtorizzazzjoni għalija, jew

b)

jekk il-ħtiġijiet speċifikati fl-Annessi għal din id-Deċiżjoni ma jkunux twettqu.

Artikolu 3

L-Istati Membri se jassistu ‘l xulxin amministrattivament fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Franza se taġixxi bħala Stat Membru koordinatur fir-rigward ta' l-Artikolu 1 sabiex tiżgura li l-ammont totali awtorizzat ma jaqbiżx il-kwantità massima speċifikata fl-Anness I.

Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni taħt l-Artikolu 2 għandu jgħarraf minnufih lill-Istat Membru koordinatur bl-ammont kopert mill-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lill-Istat Membru li qed jinnotifika dwar jekk l-awtorizzazzjoni tirriżultax f'li l-kwantità massima tkun qed tinqabeż.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minnufih bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq in segwitu għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-29 ta' Settembru 2004.

Ghall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 11, tal-15.1.2000, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (ĠU L 268, tat-18.10.2003, p. 1).


ANNESS I

Kwantità massima ta’ żerriegħa autorizzata

Stat Membru

Cedrus libani

Pinus brutia

kg

Minn fejn ġejja

kg

Minn fejn ġejja

Franza

15

It-Turkija

30

It-Turkija


ANNESS II

Kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u t-tikkettar taż-żrieragħ u n-nebbiet prodotti minn din iż-żerriegħa

1.

It-tagħrif li ġej huwa meħtieġ fir-rigward ta' l-identifikazzjoni:

a)

Kodiċi ta' identifikazzjoni għall-“materjal bażiku”, jekk disponibbli;

b)

isem botaniku;

ċ)

“kategorija”;

d)

għan;

e)

tip ta' “materjal bażiku”;

f)

“reġjuni minn fejn ġejja ż-żerriegħa” jew kodiċi ta' identità

g)

“oriġini” jekk meħtieġ, jekk l-oriġini tal-materjal hijiex awtoktona jew indiġena, mhux awtoktona jew mhux indiġena, jew mhux magħrufa;

h)

il-post minn fejn ġejja jew iż-żona ġeografika definita skond il-latitudni u l-lonġitudni;

i)

l-altitudni jew il-medda altitudinali;

j)

is-sena tal-maturazzjoni

2.

Fir-rigward tat-tikkettar, dan it-tagħrif għandu jkun inkluż fit-tikketta jew fid-dokument tal-fornitur:

a)

it-tagħrif taħt punt 1 flimkien ma';

b)

isem il-fornitur;

ċ)

il-kwantità fornuta

d)

semma li ż-żrieragħ u n-nebbiet prodotti minn din iż-żerriegħa jissodisfaw kundizzjonijiet inqas rigorużi.