12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

173


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Settembru 2004

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/145/KE dwar l-għajnuna finanzjarja għal laboratorju wieħed ta' referenza tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa veterinarja pubblika (riskji bijoloġiċi) fir-Renju Unit għas-sena 2004.

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 3547)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2004/667/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 fuq in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u l-aktar l-Artikolu 28(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/145/KE dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għat-tħaddim ta' ċerti laboratorji ta' referenza tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa veterinarja pubblika (riskji bijoloġiċi) għas-sena 2004 (2), tagħtihom għajnuna finanzjajra tal-Komunità biex dawn iwettqu ċerti funzjonijiet u obbligi.

(2)

Bħala parti mill-programm ta' ħidma annwali għas-sena 2003, il-laboratorju ta' referenza tal-Komunità għat-TSE (enċifalopatiji sponġiformi li jittieħdu), il-Weybridge, Renju Unit (LRK) żviluppa, fuq il-bażi ta' l-analiżi tar-riżultati tal-programm ta' monitoraġġ tal-Komunità fuq il-BSE, metodu integrat għall-valutazzjoni tal-bidu u ta' l-issuktar dwar l-istat tal-pajjiż fejn għandu x'jaqsam il-BSE. Dan jinkludi mudell epidemjoloġiku għall-valutazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-BSE ta' pajjiżi individiwali.

(3)

Għandha tiġi organizzata laqgħa ta' diskussjoni ma' l-esperti ta' l-Istati Membri biex dawn jitgħallmu kif jużaw il-mudell. Minħabba l-kumplessità tal-mudell u l-ħtieġa għall-esperjenza kemm fl-istatistika u fl-epidemjoloġija veterinarja, għandhom ikunu mistiedna żewġ esperti minn kull Stat Membru. Fi stat bikri l-għajnuna ta' l-esperti mil-LRK tista' tkun ukoll meħtieġa meta l-Istati Membri jkunu qed jużaw il-mudell fil-valutazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza tagħhom stess. Għalhekk, l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għall-pjan ta' ħidma annwali tal-LRF għandha tiżdied biex ikunu koperti l-ispejjeż żejda għal din il-laqgħa ta' diskussjoni u għall-għajnuna li tingħata mill-esperti.

(4)

Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 156/2004 tad-29 ta' Jannar 2004 fuq l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità lil-laboratorji ta' referenza tal-Komunità skond l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE (3) għandhom ikunu jgħoddu.

(5)

Id-Deċiżjoni 2004/145/KE għandha, għalhekk, tiġi emendata kif jixraq,

(6)

Il-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2004/145/KE, qed tiġi emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 6, il-paragrafu 2 qed jinbidel b'dan:

“2.   L-għajnuna finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tilħaq mhux aktar minn 417 000 Ewro għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004.”

2.

L-Artikolu 6, il-paragrafu 3 qed jinbidel b'dan:

“3.   L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għall-organizzazzjoni ta' laqgħat tekniċi ta' diskussjoni għandha tilħaq mhux aktar minn 105 000 Ewro. Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 156/2004 u b'deroga, il-laboratorju li ssemma fil-paragrafu 1 fuq huwa intitolat li jagħmel talba għall-għajnuna finanzjarja b'rabta ma' l-attendenza għal-laqgħat ta' diskussjoni organizzati minnu, liema għajnuna tkun tkopri 50 parteċipant.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit ta' l-Ingilterra u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmula fi Brussell, fis-27 ta' Settembru 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19, kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2001/572/KE (ĠU L 203, tat-28.7.2001, p. 16).

(2)  ĠU L 47, tat-18.2.2004, p. 35.

(3)  ĠU L 27, tat-30.1.2004, p. 5.