12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

109


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Awwissu 2004

li temenda d-Deċiżjoni 1999/815/KE dwar miżuri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u affarijiet għat-tfal li huma maħsubin biex jiddaħħlu f'ħalq tfal taħt it-tliet snin u li jkunu magħmula minn PVĊ artab li jkun fih ċerti phtalates

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 3071)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2004/624/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (1) u partikolarment l-Artikolu 13(2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat, fis-7 ta' Diċembru 1999, id-Deċiżjoni 1999/815/KE (2) ibbażata fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/59/KEE (3), li teħtieġ lill-Istati Membri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u affarijiet għat-tfal li huma maħsuba biex jiddaħħlu f'ħalq tfal taħt it-tliet snin u li jkunu magħmula minn PVĊ artab li jkun fih waħda jew aktar mis-sustanzi di-iso-nonyl phthalate (DINP), di(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP), dibutyl phthalate (DBP), di-iso-deċyl phthalate (DIDP), di-n-oċtyl phthalate (DNOP), u butylbenzyl phthalate (BBP).

(2)

Il-validità tad-Deċiżjoni 1999/815/KE kienet limitata għal tliet xhur, fi qbil mad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/59/KEE. Għalhekk, il-validità tad-Deċiżjoni kellha tiskadi fit-8 ta' Marzu 2000.

(3)

Meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 1999/815/KE, kien tbassar li, jekk meħtieġ, tittawwal il-validità tagħha. Il-validità tal-miżuri adottati skond id-Deċiżjoni 1999/815/KE ittawlet taħt bosta Deċiżjonijiet għal perjodu addizzjonali ta' tliet xhur kull darba, u għall-aħħar darba għal perjodu addizzjonali ta' sitt xhur, u issa għandha tiskadi fl-20 ta' Awwissu 2004.

(4)

Seħħew xi żviluppi importanti dwar il-validazzjoni tal-metodi għall-verifika taċ-ċaqliq tal-phthalates, il-valutazzjoni tas-sigurtà tas-sustanzi sostituti, u l-valutazzjoni komprensiva tar-riskju ta' dawn il-phthalates taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (4). Il-Parlament u l-Kunsill qegħdin jikkunsidraw miżuri permanenti sabiex jiġu affrontati r-riskju ta' dawn il-prodotti, iżda aktar ħin huwa meħtieġ sabiex jitlestew id-deliberazzjonijiet dwar is-suġġett, l-aktar sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi ġodda kollha.

(5)

Sakemm jiġu adottati miżuri permanenti mill-Parlament u l-Kunsill, u sabiex jiġu garantiti l-għanijiet tad-Deċiżjoni 1999/815/KE u t-titwil tagħha, huwa meħtieġ li tinżamm il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija.

(6)

Xi Stati Membri implimentaw id-Deċiżjoni 1999/815/KE b'miżuri applikabbli sa l-20 ta' Frar 2004. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi żgurata li tittawwal il-validità ta' dawn il-miżuri.

(7)

Huwa għalhekk meħtieġ li tittawwal il-validità tad-Deċiżjoni 1999/815/KE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri iżommu l-projbizzjoni prevista f'dik id-Deċiżjoni.

(8)

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, li rrevoka u ssostitwixxa d-Direttiva 92/59/KE mill-15 ta' Jannar 2004, jistqarr li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jeħtieġu li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprevjenu riskji serji minn ċerti prodotti se jkunu validi għal perjodi li ma jaqbżux sena u li jistgħu jiġu kkonfermati b'perjodi addizzjonali li l-ebda wieħed minnhom ma jaqbeż sena. Huwa xieraq li tittawwal il-validità tad-Deċiżjoni 1999/815/KE għal perjodu ta' tlett xhur, sabiex ikun hemm ħin biżżejjed għall-progress bil-miżuri permanenti msemmija taħt ir-reċitazzjoni (4), filwaqt li tiġi żgurata l-possibbilità ta' eżami mill-ġdid, fi żmien xieraq, tat-tul tal-validità tad-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE.,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIZJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/815/KE il-kliem “l-20 ta' Awwissu 2004” huma mibdula mill-kliem “l-20 ta' Novembru 2004”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Għandhom minnufih jgħarfu lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Mmebri.

Magħmula fi Brussell, fid-19 ta' Awwissu 2004.

Ghall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 011, tal-15.01.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 315, tad-09.12.1999, p. 46. Deċiżjoni kif emendat l-aħħar mid-Deċiżjoni 2003/819/KE (ĠU L 308, tal-25.11.2003, p. 23)

(3)  ĠU L 228, tal-11.08.1992, p. 24. Direttiva emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284 tal-31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 84, tal-05.04.1993, p. 1. Regolament emandat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.