30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

191


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 Lulju 2004

dwar in-notifika lir-Repubblika tal-Korea ta' l-irtirar tal-Komunità Ewropea mill-Ftehim dwar l-akkwisti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

(2004/589/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 8(5) tal-Ftehim dwar l-akkwisti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (1) (“il-Ftehim”) kif adottat mid-Deċiżjoni 97/784/KE (2),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 8(5) tal-Ftehim kull parti tista' tirtira mill-Ftehim billi tinnotifika lill-parti l-oħra.

(2)

Il-Ftehim, ma' l-irtirar ta' l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet tal-Komunità, mal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet Korean u mal-privatizzazzjoni tal-Korea Telekom, tilef kull skop.

(3)

Il-Korea wkoll tikkunsidra li l-Ftehim tilef kull skop.

(4)

Huwa xieraq li l-Komunità għandha tirtira mill-Ftehim.

(5)

Il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnotifika l-irtirar mill-Ftehim.

(6)

Il-Memorandum dwar l-akkwisti ta' operaturi privati tat-telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (3) għandu jinżamm fis-seħħ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Komunità tirtira b'dan mill-Ftehim dwar l-akkwisti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill qed jiġi b'dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna(i) li għandha s-setgħa biex tinnotifika lir-Repubblika tal-Korea bl-irtirar.

Magħmula fi Brussell, fid-19 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

P. H. DONNER


(1)  ĠU L 321, tat-22.11.1997 p. 32.

(2)  ĠU L 321, tat-22.11.1997 p. 30.

(3)  ĠU L 321, tat-22.11.1997, p. 41.