32004D0573



Official Journal L 261 , 06/08/2004 P. 0028 - 0035


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' April 2004

dwar l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iktar, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma suġġetti ta' ordnijiet individwali ta' tneħħija

(2004/573/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Taljana [1],

Billi:

(1) Il-Pjan komprensiv għall-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali u t-traffikar fil-bnedmin fl-Unjoni Ewropea [2], approvat mill-Kunsill fit-28 ta' Frar 2002, li bena fuq il-Komunikazzjoni tal-15 ta' Novembru 2001 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar politika komuni dwar immigrazzjoni illegali jiddikjara li l-ammissjoni mill-ġdid u l-politika ta' ritorn huma komponent integrali u vitali tal-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali. Għal dak l-iskop, il-Pjan Komprensiv jemfasizza n-neċessita li jiġu emfasizzati numru ta' miżuri prattiċi li jinkludu l-istabbiliment ta' approċċ konġunt u kooperazzjoni bejn Stati Membri fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ritorn. Standards komuni għandhom għalhekk jiġu adottati għal proċeduri ta' ritorn.

(2) Il-Pjan għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea, approvat mill-Kunsill fit-13 ta' Ġunju 2002, li bena fuq il-Komunikazzjoni tas-7 ta' Mejju 2002 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Lejn ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea", jipprovdi għal operazzjonijiet razzjonali ta' ripatrijazzjoni bħala wieħed mill-miżuri u azzjonijiet għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

(3) Il-Programm ta' Azzjoni ta' Ritorn, approvat mill-Kunsill fit-28 ta' Novembru 2002, li bena fuq il-Karta l-Ħadra tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' April 2002 dwar politika ta' ritorn tal-Kummissjoni dwar residenti illegali, kif ukoll dwar il-Komunikazzjoni ta' l-14 ta' Ottubru 2002 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar politika Komunitarja ta' ritorn dwar residenti illegali jirrakkomanda, bħala waħda mill-miżuri u azzjonijiet fir-rigward ta' kooperazzjoni operazzjonali mtejjba fost Stati Membri, li r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiż terz residenti b'mod illegali fi Stat Membru għandu jkun magħmul effiċjenti kemm jista' jkun permezz tat-tqassim ta' kapaċitajiet eżistenti għall-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti.

(4) Huwa importanti li jiġi evitat vakwu tal-Komunità fil-qasam ta' l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti.

(5) Mill-1 ta' Mejju 2004 il-Kunsill ma jistax iktar jaġixxi fuq inizjattiva ta' Stat Membru.

(6) Il-Kunsill uża l-possibiltajiet kollha sabiex jottjeni fil-ħin l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

(7) Taħt dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata mingħajr l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

(8) Stati Membri għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni b'rispett dovut għal drittijiet tal-bniedem u libertajiet fondamentali, u b'mod partikolari għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali ta' l-4 ta' Novembru 1950, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-tortura u trattament jew punizzjonijiet oħra krudili, inumani jew ta' degradazzjoni ta' l-10 ta' Diċembru 1984, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll ta' New York miegħu tal-31 ta' Jannar 1967, li jirrelata għall-istatus ta' refuġjati, il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989, u l-Karta dwar drittijiet fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Diċembru 2000 [3].

(9) Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-istrumenti rilevanti internazzjonali fil-qasam ta' tneħħija bl-ajru, bħall-Anness 9 mal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u d-dokumenti rilevanti tal-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili (ECAC).

(10) Il-Linji Gwida Komuni li ma jorbtux dwar dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru għandhom jipprovdu gwida utli fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Madankollu, minħabba l-fatt li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, għandha tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni, jekk timplimentahiex fil-liġi nazzjonali tagħha.

(12) Fir-rigward tar-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż fit-18 ta' Mejju 1999 bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt Ċ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arrangamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [5]. Bħala riżultat tal-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim imsemmi, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni għandhom ukoll japplikaw għal dawn iż-żewġ Stati u fir-relazzjonijiet bejn dawk iż-żewġ Stati u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li lilhom hija indirizzata din id-Deċiżjoni.

(13) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fl-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawn l-Istati Membri innotifikaw ix-xewqa tgahhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iskop

L-Iskop ta' din id-Deċiżjoni huwa li tikkoordina t-tneħħija konġunta bl-ajru, minn żewġ Stati Membri jew iktar, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma suġġetti ta' ordnijiet ta' tneħħija individwali (hawnhekk iżjed 'il quddiem magħrufa bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' din id-Deċiżjoni:

(a) "ċittadin ta' pajjiż terz", ifisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Iżlanda jew ir-Renju tan-Norveġja;

(b) "Stat Membru li jorganizza", ifisser Stat Membru, li huwa responsabbli għall-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti;

(ċ) "Stat Membru parteċipanti", ifisser Stat Membru li jipparteċipa f'titjiriet konġunti organizzati minn Stat Membru li jorganizza;

(d) "titjira konġunta", tfisser it-trasport ta' ċittadini ta' pajjiż terz imwettaq minn trasportatur ta' l-ajru magħżul għal dak l-iskop;

(e) "operazzjonijiet ta' tneħħija" u "tneħħija konġunt bl-ajru", ifissru l-attivitajiet kollha li huma neċessarji sabiex iċ-ċittadini kkonċernati tal-pajjiż terz jiġu ritornati, inkluż it-trasport fuq titjiriet konġunti;

(f) "skorta(i)", tfisser il-personal ta' sigurtà responsabbli sabiex jakkumpanja ċittadini ta' pajjiż terz fuq titjira konġunta u l-persuni inkarigati mill-kura medika u interpreti.

Artikolu 3

Awtorità Nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni u/jew il-parteċipazzjoni f'titjiriet konġunti u jikkomunika l-informazzjoni rilevanti lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 4

Kompiti ta' l-Istat Membru li jorganizza

1. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jorganizza titjira konġunta għat-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiż terz li hija miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri l-oħra, għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri.

2. L-Awtorità nazzjonali ta' l-Istat Membru li jorganizza għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tassigura li t-titjira konġunta titmexxa kif meħtieġ. B'mod partikolari, għandha:

(a) tagħżel it-trasportatur ta' l-ajru u tiddetermina mat-trasportatur ta' l-ajru l-ispejjeż rilevanti kollha tat-titjira konġunta, tassumi l-obbligi kontrattwali rilevanti u tassigura li tieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-twettieq tat-titjira konġunta, inkluż il-provviżjoni ta' l-assistenza approprjata liċ-ċittadini tal-pajjiż terz u lill-iskorti;

(b) titlob u tirċievi, mill-pajjiżi terzi ta' transitu u destinazzjoni, l-awtorizzazzjonijiet li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-titjira konġunta;

(ċ) tagħmel użu ta' kuntatti u tagħmel l-arranġamenti approprjati għall-organizzazzjoni tat-titjira knġunta ma' l-Istati Membri parteċipanti;

(d) tiddefinixxi d-dettalji u l-proċeduri operazzjonali u tiddetermina, bi ftehim ma' l-Istati Membri parteċipanti, in-numru ta' l-eskorts li huwa approprjat fir-rigward tan-numru ta' ċittadini tal-pajjiż terz li għandhom jiġu spustjati;

(e) tikkonkludi l-arranġamenti finanzjarji kollha approprjati ma' l-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 5

Kompiti ta' l-Istat Membru parteċipanti

Meta jiddeċiedi li jipparteċipa f'titjira konġunta, Stat Membru parteċipanti għandu:

(a) jinforma lill-awtorità nazzjonali ta' l-Istat Membru li jorganizza bl-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa fit-titjira konġunta, u jispeċifika n-numru ta' ċittadini ta' pajjiż terz li għandhom jiġu spustjati;

(b) jipprovdi numru suffiċjenti ta' skorti għal kull ċittadin ta' pajjiż terz li għandu jiġi spustjat. Fil-każ li l-iskorti għandhom jiġu pprovduti biss mill-Istat Membru li jorganizza, kull Stat Membru parteċipanti għandu jassigura l-preżenza ta' mill-inqas żewġ rappreżentanti abbord. Dawn ir-rappreżentanti, li għandu jkollhom l-istess status bħall-iskorti, għandhom ikunu inkarigati milli jgħaddu liċ-ċittadini tal-pajjiż terz li għalihom huma responsabbli lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni.

Artikolu 6

Kompiti komuni

L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandu:

(a) jassigura li kull ċittadin ta' pajjiż terz u l-eskorts għandhom dokumenti validi ta' l-ivvjaġġar u kwalunkwe dokumenti neċessarji addizzjonali oħra, bħal visi ta' dħul u/jew transitu, ċertifikati jew reġistri;

(b) jinforma, malajr kemm jista' jkun, ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari tagħhom fil-pajjiżi terzi ta' transitu u destinazzjoni bl-arranġamenti li jikkonċernaw it-titjira konġunta, sabiex tiġi ottenuta l-assistenza neċessarja.

Artikolu 7

Klawżola finali

Fit-twettieq tat-tneħħija konġunta bl-ajru, Stati Membri għandhom jieħdu kont tal-Linji gwida Komuni dwar dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru annessi hawnhekk.

Artikolu 8

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat.

Magħmula l-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 223, tad-19.9.2003, p. 3.

[2] ĠU C 142, ta' l-14.6.2002, p. 23.

[3] ĠU C 364, tat-18.12.2000, p. 1.

[4] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

LINJI GWIDA KOMUNI DWAR DISPOSIZZJONIJIET TA' SIGURTÀ GĦAT-TNEĦĦIJA KONĠUNTA BL-AJRU

1. IL-FAŻI TA' QABEL IR-RITORN

1.1. Ħtiġiet għal persuni fuq ritorn

1.1.1. Sitwazzjoni legali

Titjiriet konġunti huma organizzati għal residenti illegali, li huma persuni li ma jissodisfawx jew m'għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonjiet għal dħul, presenza fi, jew residenza fit-territorju ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parterċipanti għandhom jassiguraw li s-sitwazzjoni legali ta' kull waħda mill-persuni fuq ritorn li għalihom huma responsabbli jippermettu t-tneħħija.

1.1.2. Il-Kondizzjoni medika u records mediċi

L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jassiguraw li l-persuni li qegħdin fuq ritorn li għalihom huma responsabbli huma fi stat approprjat tas-saħħa, li jippermetti legalment u fattwalment għal spostament sigur bl-ajru. Reġistri mediċi għandhom jiġu pprovduti għal persuni fuq ritorn b'dispożizzjoni medika magħrufa jew meta huwa meħtieġ trattament mediku. Dawn ir-reġistri mediċi għandhom jinkludu r-riżultati ta' eżamijiet mediċi, djanjożi u l-ispeċifikazzjoni ta' medikazzjoni possibilment meħtieġa sabiex ikunu possibbli l-miżuri mediċi neċessarji. Verżonijiet multilingwistiċi ta' reġistri mediċi għandhom jiġu pprovduti, jekk il-personal mediku li jakkumpanja mhuwiex fil-pożizzjoni li jifhem sewwa l-lingwa oriġinali. Stati Membri li jorganizzaw u li jipparteċipaw huma inkoraġġiti jużaw formoli standardizzati komuni għal reġistri mediċi jew dikjarazzjonijiet ta' possibiltà ta' titjir. Stati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li jorganizza bil-quddiem b'operazzjoni ta' tneħħija bi kwalunkwe kondizzjoni medika li tista' teffettwa t-tneħħija ta' persuna fuq ritorn. L-Istat Membru li jorganizza għandu jirriserva d-dritt li jirrifjuta aċċess għal titjira konġunta lil kwalukwe persuna fuq ritorn b'kondizzjoni medika li tista' tfisser li r-ritorn tagħha ma kienx kompatibbli mal-prinċipji ta' sigurtà u dinjità.

1.1.3. Dokumentazzjoni

L-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jassiguraw li għal kull persuna fuq ritorn huma disponibbli dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi, u dokumenti addizzjonali neċessarji oħra, ċertifikati jew reġistri. Persuna awtorizzata għandha żżomm din id-dokumentazzjoni sal-wasla fil-pajjiż ta' destinazzjoni.

Hija r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat parteċipanti ieħor li jassiguraw li skorti u rappreżentanti jkollhom il-visi tad-dħul meta neċessarju għall-pajjiż(i) ta' transitu u destinazzjoni tat-titjira konġunta.

1.1.4. Notifiki

L-Istat Membru li jorganizza għandu jassigura li l-linji ta' l-ajru, l-istati ta' transitu, meta applikabbli, u l-pajjiż ta' destinazzjoni huma notifikati u kkonsultati kuljum bil-quddiem dwar l-operazzjoni ta' tneħħija.

1.2. Ħtiġiet għal skorti

1.2.1. Skorti mill-Istat Membru li jorganizza

Meta l-Istat Membru li jorganizza jipprovdi l-iskorti għall-persuni kolha fuq ritorn, kull Stat Membru parteċipanti għandu jassenja mill-inqas żewġ rappreżentanti sabiex ikunu preżenti abbord l-inġenju ta' l-ajru; għandhom ikunu inkarigati milli jagħtu lura lill-persuni fuq ritorn li għalihom huma responsabbli lill-awtoritajiet lokali fil-pajjiż ta' destinazzjoni.

1.2.2. Skorti minn Stati Membri parteċipanti

Meta l-Istat Membru li jorganizza jkollu l-ħsieb jiġi inkarigat biss minn persuni fuq ritorn mill-pajjiż proprju, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jipprovdu skorti għall-persuni fuq ritorn, li għalihom huma responsabbli. F'Dawn il-każijiet, il-parteċipazzjoni ta' l-unitajiet nazzjonali varji teħtieġ ftehim reċiproku bejn l-Istat Membru li jorganizza u l-Istati Membri parteċipanti dwar ir-regoli ta' sigurtà kif stabbiliti f'dawn il-Linji gwida Komuni jew fi ftehim ieħor bejn Stati Membri, u għandu jkun hemm konsultazzjoni minn qabel dwar kwalunkwe dettalji oħra ta' l-operazzjoni.

1.2.3. L-Użu ta' skorti tas-settur privat

Meta Stat Membru parteċipanti jagħmel użu minn skorti tas-settur privat, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom jipprovdu għal mill-inqas rappreżentant uffiċjali wieħed abbord it-titjira.

1.2.4. Kapaċitajiet u taħriġ ta' skorti

Skorti assenjati abbord it-titjiriet konġunti għandhom ikunu rċevew taħriġ speċjali a priori sabiex iwettqu dawn il-missjonijiet; għandhom ikunu pprovduti bis-sostenn mediku neċessarju skond il-missjoni.

Skorti użati għal titjiriet konġunti għandhom preferibbilment ikunu familjari ma' l-istandards ta' tneħħija ta' l-Istat Membru li jorganizza u l-Istati Membri parteċipanti. Stati Membri huma nkoraġġiti għaldaqstant, jiskambjaw informazzjoni dwar il-korsijiet ta' taħriġ rispettivi tagħhomgħal escorts u joffru korsijiet ta' taħriġ lil skorti minn Stati Membri oħra.

1.2.5. Kodiċi ta' kondotta għal skorti

L-iskorti m'għandhomx ikunu armati. Dawn jistgħu jilbsu lbies ċivili li għandu jkollu emblema distinta għal skopijiet ta' identifikazzjoni. Personal ieħor akkreditat kif dovut li jakkumpanja għandu wkoll jilbes emblema distintiva.

Il-Membri ta' l-iskorta għandhom jiġu pożizzjonati b'mod strateġiku fl-inġenju ta' l-ajru sabiex jipprovdu sigurtà ottima. Barra minn hek, għandhom jitqiegħdu bil-qiegħda mal-persuni fuq ritorn li għalihom huma responsabbli.

1.2.6. Arranġamenti li jirrigwardaw in-numru ta' skorti

In-Numru ta' skorti għandu jiġi determinat fuq bażi ta' każ b'każ wara analiżi tar-riskji potenzjali u wara konsultazzjoni reċiproka. Huwa rakkomandat fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li jkunu mill-inqas ekwivalenti għan-numru ta' persuni fuq ritorn abbord. Għandu jkun disponibbli unità ta' back up għal sostenn, meta neċessarju (eż. f'każijiet ta' destinazzjonijiet fuq distanza twila).

2. IL-FAŻI TA' QABEL IT-TLUQ F'AJRUPORTI TA' TLUQ JEW TA' STOPOVER

2.1. Trasport lejn l-ajruport u waqfa fl-ajruport

Fir-rigward tat-trasport lejn u l-qagħda fl-ajrupost dan li ġej għandu japplika:

(a) fil-prinċipju, l-iskorti u l-persuni fuq ritorn għandhom ikunu l-ajruport mill-inqas tliet sigħat qabel it-tluq;

(b) il-persuni fuq ritorn għandhom jingħataw informazzjoni fil-qosor fir-rigward ta' l-applikazzjoni tat-tneħħija tagħhom u jingħataw il-parir li huwa fl-interess tagħhom li jikkooperaw kompletament ma' l-iskorti. Għandu jkun magħmul ċar li kwalunkwe atteġġjament ta' disturb ma jiġix ittollerat u ma jwassalx għall-eliminazzjoni ta' l-operazzjoni ta' tneħħija;

(ċ) L-Istat Membru li joriganizza għandu jipprovdi żona sigura fl-ajruport tat-tluq sabiex jassigura ġbir diskret u tlugħ sikur tal-persuni fuq ritorn. Din iż-żona għandha wkoll tassigura l-wasla ta' l-inġenju ta' l-ajru ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, li jkun qiegħed jittrasporta persuni fqu ritorn sabiex jingħaqdu mat-titjira konġunta;

(d) fil-każ li titjira konġunta jkollha tieqaf fl-ajruport ta' Stat Membru ieħor għall-ġbir tal-persuni fuq ritorn, hija r-responsabbiltà ta' dak l-Istat Membru li jipprovdi għal żona sigura fl-ajruport;

(e) ir-rappreżentanti ta' l-Istat Membru parteċipanti għandhom jagħtu lil persuni fuq ritorn, li għalihom huma responsabbbli, lil uffiċjali ta' l-Istat Membru tal-post preżenti, li s-soltu jkunu mill-Istat Membru li jorganizza. Ir-Rappreżentanti ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom jindikaw, f'dak il-każ, minn mill-persuni fuq ritornikun esprima l-intenzjoni tiegħu li ma jitilgħux fuq l-inġenju ta' l-ajru u b'mod partikolari min minnhom jeħtieġ attenzjoni speċjali minħabba l-kondizzjoni fiżika jew psikoloġika tiegħu;

(f) l-Istat Membru tal-post preżenti ta' l-operazzjoni ta' tneħħija huwa responsabbli għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe setgħa sovrana (eż. miżuri koersivi). Is-setgħat ta' l-iskorti minn Stati Membri parteċipanti oħra huma limitati għal difiża proprja. Barra minn hekk, fl-assenza ta' uffiċjali għall-applikazzjoni tal-liġi mill-Istat Membru tal-post preżenti, jew bl-iskop ta' sostenn ta' l-uffiċjali ta' applikazzjoni tal-liġi, l-iskorti jistgħu jieħdu azzjoni raġjonevoli u proporzjonata bi tweġiba għal riskju immedjat u serju sabiex persuna fuq ritorn tiġi pprevenuta milli taħrab, tikkawża ħsara lilha nfisha jew lil parti terza, jew tagħmel ħsara lil proprjetà.

2.2. Check-in, tlugħ u kontroll ta' sigurtà qabel take off

L-Arranġamenti fir-rigward ta' check in, tlugħ u kontroll ta' sigurtà qabel it-take off għandhom ikunu kif ġej:

(a) l-iskorti ta' l-Istat Membur tal-post preżenti huma responsabbli għal check in u sabiex jassistu passaġġi miż-żona ta' kontroll;

(b) persuni kollha fuq ritorn għandhom jgħaddu minn tfittxija ta' sigurtà metikoluża qabel ma jitilgħu fuq titjira. L-Oġġetti kollha li jistgħu ikunu ta' theddida għas-sigurtà ta' individwi u għas-sigurtà tat-titjira konġunta għandhom jinqabdu u jitqiegħdu fl-istiva tal-bagalji;

(ċ) "il-bagalji tal-persuni fuq ritorn m'għandhomx jitqiegħdu fil-kabina tal-passiġġieri". Il-Bagalji kollha mqiegħda fl-istiva għandhom jgħaddu minn kontroll ta' sigurtà u jiġu ttikketatti bl-isem tas-sid. Kwalunkwe ħaġa li hija kkunsidrata bħala perikoluża skond ir-regoli ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għandha titneħħa mill-bagalji;

(d) flus u oġġetti ta' valur għandhom jitqiegħdu f'kopertura trasparenti ttikkettata bl-isem tas-sid. Il-Persuni fuq ritorn għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura fir-rigward ta' oġġetti u flus li twarrbu;

(e) għal kull operazzjoni ta' tneħħija l-Istat Membru li jorganizza għandu jiddetermina l-piż massimu awtorizzat ta' bagalji għal kull persuna fuq ritorn;

(f) Il-Persuni kollha fuq ritorn għandhom jittieħdu fuq it-titjira konġunta mill-personal ta' l-Istat Membru tal-post preżenti u, meta approprjat, jiġu assistiti mill-iskorti għall-operazzjoni ta' tneħħija.

3. PROĊEDURA MATUL IT-TITJIRA

3.1. Miżuri ta' sigurtà abbord l-inġenju ta' l-ajru

Tul it-titjira l-miżuri ta' sigurtà li ġejjin għandhom japplikaw abbord l-inġenju ta' l-ajru:

(a) il-kap ta' l-operazzjoni ta' tneħħija ta' l-Istat Membru li jorganizza għandu jiddefinixxi sigurtà ġenerali u pjan ta' sorveljanza li għandu jiġi implimentat abbord l-inġenju ta' l-ajru (movimenti fil-kabina, ikliet, eċċ.). L-Iskorti kollha għandhom ikunu infurmati dwar il-pjan ta' sigurtà u sorveljanza qabel il-bidu ta' l-operazzjoni ta' tneħħija;

(b) f'każijiet meta persuni fuq ritorn huma ta' ċittadinanzi differenti, għandhom jitqiegħdu fil-kabina tal-passiġġieri skond l-Istat Membru responsabbli sabiex jeffettwa t-tneħħija tagħhom u skond id-destinazzjonijiet finali tagħhom;

(ċ) ċintorini ta' sigurtà għandhom jinżammu maqfula tul id-durata intiera tat-titjira;

(d) fil-każ ta' inċident maġġuri abbord (jiġifieri atteġġjament ta' disturb li x'aktarx jipperikola l-kompletazzjoni ta' l-operazzjoni jew is-sigurtàta' dawk abbord it-titjira), il-kap ta' l-operazzjoni ta' l-Istat Membru li jorganizza, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' jew taħt istruzzjoni tal-kaptan tat-titjira, għandu jkun inkarigat mill-kmand operazzjonali sabiex jirrestawra l-ordni.

3.2. L-Użu ta' miżuri koersivi

Miżuri koersivi għandhom jintużaw kif ġej:

(a) miżuri ta' koersjoni għandhom jiġu implimentati b'rispett dovut għad-drittijiet individwali tal-persuni fuq ritorn;

(b) il-koersjoni tista' tintuża fuq individwi li jirrifjutaw jew jirreżistu t-tneħħija. Il-miżuri kollha ta' koersjoni għandhom ikunu proporzjonali u m'għandhomx jaqbżu forza raġjonevoli. Id-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuna fuq ritorn għandhom jinżammu. B'konsegwenza, fil-każ ta' dubju, l-operazzjoni ta' tneħħija inkluża l-implimentazzjoni ta' koersjoni legali bbażata fuq reżistenza u l-perikolu tal-persuna fuq ritorn għandhom jitwaqqfu skond il-prinċipju "ebda tneħħija affattu";

(ċ) ebda miżuri ta' koersjoni m'għandhom jikkompromettu jew jheddu l-kapaċità tal-persuna fuq ritorn li tieħu n-nifs b'mod normali. Fil-każ li tintuża forza ta' koersjoni, għandu jiġi assigurat li s-sider tal-persuna fuq ritorn jibqa' fil-pożizzjoni dritta u li xejn ma jeffettwah jew jeffettwa lill-sidru sabiex tinżamm il-funzjoni respiratorja normali;

(d) l-immobilizzazzjoni ta' persuni fuq ritorn li jimponu resistenza tista' tiġi ottenuta permezz ta' limitazzjonijiet li ma jipperikolawx id-dinjità jew l-integrità fiżika tagħhom;

(e) l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jaqblu dwar lista ta' limitazzjonijiet awtorizzati qabel l-operazzjoni ta' tneħħija. L-Użu ta' sedative għall-faċlitazzjoni tat-tneħħija huwa pprojbit mingħajr preġudizzju għal miżuri ta' emerġenza sabiex tiġi assigurata s-sigurtà fuq it-titjira;

(f) l-iskorti kollha għandhom jiġu infurmati u jkunu magħmula konxji mil-limitazzjonijeit awtorizzati u pprojbiti;

(g) persuni fuq ritorn illimitati għandhom jibqgħu taħt sorveljanza kostanti tul it-titjira;

(h) id-deċiżjoni temporanja sabiex jitneħħa mezz ta' limitazzjoni għandha ssir mill-kap jew mill-kap deputat ta' l-operazzjoni ta' tneħħija.

3.3. Personal mediku u interpreti

L-Arranġamenti fir-rigward ta' personal mediku u interpreti għandhom ikunu kif ġej:

(a) mill-inqas tabib mediku wieħed għandu jkun preżenti f'titjira konġunta;

(b) it-tabib għandu jkollu aċċess għal kwalunkwe reġistri mediċi rilevanti u għandu jiġi infurmat qabel it-tluq dwar il-persuni fuq ritorn u għandu jiġi infurmat dwar persuni fuq ritorn b'disposizzjonijeit mediċi partikolari. Disposizzjonijeit mediċi preċedentement mhux magħrufa, li huma skoperti immedjatament qabel it-tluq u li jistgħu jeffettwaw l-applikazzjoni tat-tneħħija, għandhom jiġu stmati ma' l-awtoritajiet responsabbli;

(ċ) tabib biss jista', wara djanjożi medics preċiża, jamministra medikamenti lill-persuni fuq ritorn. Mediċina meħtieġa minn persuna fuq ritorn tul titjira għandha tinżamm abbord;

(d) kull persuna fuq ritorn għandha tkun tista' tindirizza lit-tabib jew lil-iskorti direttament, jew permezz ta' interpretu f'lingwa li fiha hu jew hi jistgħu jesprimu ruħhom;

(e) l-Istati Membri li jorganizzaw għandhom jassiguraw li hu disponibbli personal approprjat mediku u tal-lingwa għall-operazzjoni ta' tneħħija.

3.4. Dokumentazzjoni u monitoraġġ ta' operazzjoni ta' tneħħija

3.4.1. Reġistrazzjoni u osservaturi minn partijiet terzi

Kwalunkwe reġistrazzjoni fuq video u/jew awdjo jew monitoraġġ minn osservaturi ta' parti terza f'titjiriet konġunti għandhom ikunu soġġetti għal kunsens minn qabel bejn l-Istat Membru li jorganizza u l-Istati Membri parteċipanti.

3.4.2. Rapporti interni dwar l-operazzjoni ta' tneħħija

L-Istat Membru li jorganizza u Stati Membri parteċipanti għandhom jiskambjaw ir-rapporti interni tagħhom dwar l-operazzjoni ta' tneħħija, fil-każ li m'għandux jiġi ppreparat rapport ta' tneħħija. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ li l-operazzjoni ta' tneħħija tkun falliet. Ir-rapporti tal-missjoni kollha huma strettament kunfidenzjali u għal użu intern biss. Rapporti għandhom jinkludu dikjarazzjonijiet dwar inċidenti, u miżuri ta' koersjoni u mediżi, fil-każ li jkunu seħħu.

3.4.3. Kopertura mill-Media

L-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti għandhom jiftiehmu qabel operazzjoni ta' tneħħija dwar in-natura u l-ħin ta' pubbliċità (jekk ikun hemm) li għandhom jingħataw lill-operazzjoni ta' tneħħija. Informazzjoni dwar l-operazzjoni ta' tneħħija normalment toħroġ biss wara l-kompletazzjoni tagħha. Il-Pubblikazzjoni ta' ritratti jew dettallji personali ta' l-iskorti għandha tiġi evitata.

4. IL-FAŻI TA' TRANSITU

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar assistenza f'każijiet ta' transitu għall-iskopijiet ta' tneħħija bl-ajru [1] għandha tapplika tul transitu fi Stat Membru.

5. IL-FAŻI TAL-WASLA

Mal-wasla:

(a) l-Istat Membru li jorganizza għandu jkun responsabbli sabiex jikkuntattja lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni; Stati Membri parteċipanti għandhom jiġu involuti f'dan il-proċess;

(b) il-kap ta' l-operazzjoni ta' spustajr ta' l-Istat Membru li jorganizza għandu jkun il-kelliem li jistabilixxi l-ewwel kuntatt ma' l-awtoritajiet lokali mal-wasla, sakemm kelliem ieħor ma jkunx ġie determinat fost l-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti qabel il-wasla;

(ċ) l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru pareteċipanti għandu jagħti lura il-persuni fuq ritorn, li għalihom huma responsabbli, lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni, bil-bagalji tagħhom u kwalunkwe oġġetti li ttieħdu qabel ma telgħu abbord. Ir-rappreżentanti prinċipali ta' l-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti jkunu responsabbli sabiex jagħtu lura l-persuni fuq ritorn lill-awtoritajiet lokali mal-wasla. L-Iskorti normalment ma jitilqux l-inġenju ta' l-ajru;

(d) meta approprjat u prattiku, l-Istati Membri li jorganizzaw u parteċipanti għandhom jistiednu personal konsulari, uffiċjali ta' koordinazzjoni ta' immigrazzjoni jew partijiet avvanzati ta' l-Istati Membri kkonċernati sabiex jiffaċilitaw il-handover tal-persuni fuq ritorn lill-awtoritajiet lokali sa fejn dan huwa konsistenti mal-prattiki u l-proċedura nazzjonali;

(e) il-persuni fuq ritorn m'għandux ikollhom manetti jew kwalunkwe limitazzjoni oħra meta jingħataw lura lill-awtoritajiet lokali;

(f) il-handover tal-persuni fuq ritorn għandu jsir barra l-inġenju ta' l-ajru (jew isfel mit-taraġ jew f'post adegwat ta' l-ajruport, kif ikkunsidrat approprjat). Sa fejn possibbli l-awtoritajiet lokali għandhom jinżammu milli jitilgħu abbord l-inġenju ta' l-ajru;

(g) il-ħin imqatta' fl-ajruport ta' destinazzjoni għandu jinżamm għal minimu;

(h) hija r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li jorganizza u ta' kull Stat Membru parteċipanti li jkollhom stabbiliti arranġamenti ta' kontinġenza għal skorti u r-rappreżentanti tagħhom (u persuni fuq ritorn li l-ammissjoni mill-ġdid taghhom ma kienitx permessa) fil-każ li t-tluq ta' l-inġenju ta' l-ajru jittardja wara l-isbark tal-persuni fuq ritorn. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu l-provviżjoni ta' akkomodazzjoni tul il-lejl, jekk neċessarju.

6. IL-FALLIMENT TA' L-OPERAZZJONI TA' TNEĦĦIJA

Fil-każ li l-awtoritajiet tal-pajjiż ta' destinazzjoni jirrifjutaw dħul fit-territorju, jew l-operazzjoni ta' tneħħija ikollha titħalla għal raġunijiet oħra, l-Istat Membru li jorganizza u kull Stat Membru parteċipanti għandhom jieħdu responsabbiltà, a spejjeż proprji, għar-ritorn tal-persuni, li għalihom huma responsabbli, lejn it-territorji rispettivi tagħhom.

[1] ĠU L 321, tas-6.12.2003, p. 26.

--------------------------------------------------