32004D0274



Official Journal L 086 , 24/03/2004 P. 0027 - 0028


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta' Marzu 2004

dwar il-miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza ta' l-għasafar li hija patoġenika ħafna fl-Istati Uniti ta' l-Amerika

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 1097)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2004/274/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontroll veterinarju fuq l-annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [1], u l-aktar l-Artiklu 18(6) u (7) tiegħua,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontroll veterinarju fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [2], u l-aktar l-Artiklu 22(1) u (6) tiegħua,

Billi:

(1) L-influwenza ta' l-għasafar hija marda fid-demm li tittieħed ħafna fit-tjur u l-għasafar, u din tista' takkumula fi żmien qasir proporzjonijiet epiżotiċi li jistgħu jkunu ta' theddida serja għall-annimali u s-saħħa pubblika, u b'hekk it-trobbija tat-tjur issir waħda mhux profittabbi.

(2) Hemm riskju li l-mikrobu tal-marda jista' jiddaħħal minħabba l-kummerċ internazzjonali ta' tjur ħajjin u prodotti tat-tjur.

(3) Fit-23 ta' Frar 2004 l-Istati Uniti ta' l-Amerika kkonfermaw it-tifqigħa ta' każ wieħed ta' influwenza ta' l-għasafar li hija patoġenika ħafna. Din il-marda ġiet aċċertata f'qatgħa tjur fl-Istat ta' Texas (id-Distrett ta' Gonzales) minn stħarriġ li kien sar fis-17 ta' Frar 2004.

(4) Dan il-mikrobu ta' l-influwenza ta' l-għasafar li nstab huwa tas-sotto-tip H5N2, u għalhekk differenti minn dak li bħalissa qed jikkawża l-marda fl-Asja. It-tagħrif li hemm bħalissa juri li r-riskju għas-saħħa pubblika kkawżat minn dan is-sotto-tip ta' mikrobu huwa ferm inqas minn dak li hemm fl-Asja, li huwa mikrobu tas-sotto-tip H5N.

(5) Madankollu, minħabba r-riskju għas-saħħa ta' l-annimali li din il-marda tista' tidħol fil-Komunità, l-importazzjoni ta' tjur ħajjin, għasafar li ma jtirux, għasafar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet u dawk salvaġġi, u l-bajd għat-tfaqqis ta' dawn l-ispeċi, u ta' laħam frisk tat-tjur, ta' għasafar li ma jtirux, ta' għasafar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet u dawk salvaġġi, ta' qatgħat ta' laħam u prodotti tal-laħam magħmula minn, jew li fihom ikun hemm il-laħam ta' dawk l-ispeċi, li jkunu nkisbu minn għasafar li jkunu nqatlu wara s-27 ta' Jannar 2004, u l-importazzjoni ta' bajd għall-konsum tal-bniedem, ġiet sospiża mill-Istati Uniti ta' l-Amerika mill-25 ta' Frar 2004 bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/187/KE [3] u 2004/256/KE [4].

(6) Fi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/666/KE [5], l-importazzjoni ta' għasafar, ħlief it-tjur, hija awtorizzata mill-pajjiżi membri kollha ta' l-OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali), suġġetta għall-garanziji tas-saħħa ta' l-annimali li jagħtu l-pajjiż ta' l-oriġini, u għal miżuri stretti ta' kwarantina ta' wara l-importazzjoni li jiġu implimentati fl-Istati Membri.

(7) Madankollu, l-importazzjoni ta' għasafar ħlief it-tjur, inklużi għasafar domestiċi li jkunu jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom, twaqqfet ukoll mill-Istati Uniti ta' l-Amerika bid-Deċiżjoni 2004/187/KE bħala miżura addizzjonali biex ikun eskluż kull riskju li tfaqqa' din il-marda f'ċentri ta' kwarantina li jkunu taħt l-awtorità ta' l-Istati Membri.

(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/222/EC [6] tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, u tistabbilixxi r-reġimi ta' trattament biex ikun evitat ir-riskju ta' tixrid ta' mard b'dawn il-prodotti. It-trattament li għandu jkun applikat għall-prodott jiddependi mill-istat ta' saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġini, b'rabta ma' l-ispeċi li minnha jinkiseb il-laħam; biex ikun evitat kull piż mhux mixtieq fuq il-kummerċ, l-importazzjoni fuq il-prodotti ta' laħam tat-tjur li jkunu ġejjin mill-Istati Uniti ta' l-Amerika, li jkunu ġew ittrattati f'temperatura ta' mill-inqas 70 °Celsius tul iż-żmien kollu, għandha tissokta tkun awtorizzata.

(9) Il-miżuri ta' kontroll sanitarju li jgħoddu għal materjal mhux maħdum għall-produzzjoni ta' għalf u prodotti farmaċewtiċi jew tekniċi għall-annimali jippermettu l-esklużjoni mill-għan ta' din id-Deċiżjoni ta' importazzjonijiet magħżula ta' dawn il-prodotti.

(10) L-Istati Uniti ta' l-Amerika iffirmaw Ftehim mal-Komunità Ewropea fuq il-miżuri sanitarji biex titħares is-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali fil-kummerċ ta' annimali ħajjin u ta' prodotti mill-annimali [7].

(11) L-Istati Uniti ta' l-Amerika għaddew xi ftit tagħrif addizzjonali fuq is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll meħuda dwar din bil-ħsieb li tinkiseb l-implimentazzjoni mill-Komunità ta' miżuri ta' reġjonalizzazzjoni fi qbil mad-dispożizzjonijiet li hemm fil-Ftehim Veterinarju; madankollu, it-tagħrif disponibbli bħalissa għadu ma jippermettix li l-miżuri ta' protezzjoni li ġew stabbiliti b'din id-Deċiżjoni jitnaqqsu għal xi żona ristretta.

(12) Għalhekk, il-miżuri ta' protezzjoni li jgħoddu għat-territorju kollu ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika għandhom jittawlu u d-Deċiżjoni 2004/256/KE għandha titħassar.

(13) Il-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artiklu 1

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu l-importazzjoni mit-territorju ta' l-Istati Uniti ta':

- tjur ħajjin, għasafar li ma jtirux, għasafar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet u dawk salvaġġi, u bajd tat-tfaqqis ta' dawn l-ispeċi,

- għasafar ħlief għat-tjur, inklużi għasafar domestiċi li jkunu jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom,

- bajd għall-konsum mill-bniedem.

Artiklu 2

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu l-importazzjoni mit-territorju ta' l-Istati Uniti ta':

- laħam frisk ta' tjur, ta' għasafar li ma jtirux, ta' għasafar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet u dawk salvaġġi,

- qatgħat ta' laħam u prodotti ta' laħam li jkunu magħmula, jew li jkun fihom il-laħam ta' dawk l-ispeċi.

Artiklu 3

1. B'deroga mill-Artiklu 2, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti koperti minn dak l-Artiklu li jkunu nkisbu minn għasafar maqtula qabel is-27 ta' Jannar 2004.

2. Fiċ-ċertifikati veterinarji li jkunu flimkien mal-kunsinna tal-prodotti msermmija fil-paragrafu 1, il-kelmiet li ġejjin għandhom jiddaħħlu kif xieraq għall-ispeċi kkonċernata:

"Laħam frisk tat-tjur/Laħam frisk ta' għasafar li ma jtirux/Laħam frisk ta' għasafar tal-priża salvaġġi bir-rix/Laħam frisk ta' għasafar tal-priża bir-rix li trabbew fl-irziezet/Prodotti tal-laħam magħmula minn, jew li fihom ikun hemm il-laħam tat-tjur, ta' għasafar li ma jtirux, jew ta' għasafar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet jew li jkunu salvaġġi/qatgħat ta' laħam magħmula minn, jew li fihom ikun hemm il-laħam tat-tjur, ta' għasafar li ma jtirux, jew ta' għasfar tal-priża bir-rix li jkunu trabbew fl-irziezet jew li jkunu salvaġġi [8], li jkun inkiseb minn għasfar li jkunu nqatlu qabel is-27 ta' Jannar 2004, fi qbil ma' l-Artiklu 3(1) tad-Deċiżjoni 2004/274/KE."

3. B'deroga mill-Artiklu 2, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam magħmula minn, jew li fihom ikun hemm il-laħam tat-tjur, ta' għasafar li ma jtirux, jew ta' għasafar tal-priża bir-rix li jkun trabbew fl-irżiezet jew li jkunu salvaġġi, meta l-laħam ta' dawn l-ispeċi jkun għadda minn wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija taħt il-punti B, ¬ jew D fil-parti IV ta' l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/222/KE.

Artiklu 4

Id-Deċiżjoni 2004/256/KE qed tiġi mħassra.

Artiklu 5

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li huma japplikaw għall-importazzjonijiet biex iġibuhom fi qbil ma' din id-Deċiżjoni, u dawn għandhom minnufih jagħtu pubbliċità xierqa għall-miżuri addottati. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dawn.

Artiklu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tkun riveduta fid-dawl ta' kif tiżviluppa l-marda u tat-tagħrif li jingħata mill-awtoritajiet veterinarji ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Artiklu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tkun tgħodd sat-23 ta' April 2004.

Artiklu 8

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/43/KE (ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1).

[2] ĠU L 24, tal-31.1.98, p. 9.

[3] ĠU L 57, tal-25.2.4, p. 35.

[4] ĠU L 80, tat-18.3.4, p. 31.

[5] ĠU L 278, tal-31.10.2000, p. 26, kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/279/KE (ĠU L 99, tas-16.4.2002, p. 17).

[6] ĠU L 98, ta’ l-4.4.1997, p. 39, kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/826/KE (ĠU L 311, tas-27.11.2003, p. 29).

[7] Deċiżjoni tal-Kunsill 98/258/KE tas-16 ta’ Marzu 1998 ippubblikata fil-ĠU L 118, tal-21.4.1998, p. 1.

[8] Ħassar kif jixraq.

--------------------------------------------------