32004D0214



Official Journal L 067 , 05/03/2004 P. 0023 - 0023


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-3 ta' Marzu 2004

li temenda d-Deċiżjoni 2000/40/KE rigward il-perjodu ta' validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għall-friġġijiet

(notifikata bid-dokument numru C(2004) 310)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2004/214/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema riveduta għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja(1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6 [1] tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Bord ta' l-itikkettjar ekoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi għall-għoti ta' eko-tikketta lil prodott li jkollu l-karatteristiċi, li jippermettulu li jikkontribwixxi sinifikament għal titjib in relazzjoni ma' aspetti ambjentali ewlenin u jipprovdi biex kriterji ta' l-eko-tikettjar speċifiċi jiġu stabbiliti skond il-gruppi ta' prodotti.

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/40/KE tas-16 ta' Diċembru 1999 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għal friġġijiet [2] tagħlaq fl-1 ta' Diċembru 2003.

(3) Wara r-reviżjoni ta' dik id-Deċiżjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000, jixraq li l-perjodu ta' validità ta' dawk il-kriterji ekoloġiċi jiġi estiż għal perjodu ta' 12-il xahar, b'mod partikolari biex jippermetti dawk il-kumpanniji li ngħataw l-eko-tikketta biex ikomplu jużawha għall-anqas sakemm ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Nru 2000/40/KE tkun tlestiet.

(4) Id-Deċiżjoni Nru 2000/40/KE għaldaqstant għandha tiġi emendata skond dan.

(5) Il-miżuri maħsuba f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 2000/40/KE hu mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Id-definizzjoni tal-grupp u l-kriterji għall-prodotti tal-grupp għandhom ikunu validi sa l-1 ta' Diċembru 2004. Jekk, madankollu, sa dik id-data ma tkunx ittieħdet deċiżjoni li tistabbilixxi d-definizzjoni tal-grupp u l-kriterji għal dan il-grupp ta' prodotti u ma tkunx għadha ġiet adottata, l-perjodu ta' validità għandu jintemm jew fl-1 ta' Diċembru 2005 jew fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida, skond liema minnhom tkun l-aktar kmieni."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, Nhar it-3 ta' Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 237, tal-21.9.2000, p. 1.

[2] ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 22.

--------------------------------------------------