32004D0130



Official Journal L 037 , 10/02/2004 P. 0032 - 0033


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-30 ta’ Jannar 2004

li tipprovdi biex ikun hemm it-tpoġġija temporanja fis-suq ta’ ċerti żrieragħ ta’ l-ispeċi Vicia faba L. li ma jkunux jilħqu l-kriterji tad-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 161)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/130/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 fuq it-tpoġġija fis-suq taż-żerriegħa tal-pjanta tat-tiben [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/61/KE [2], u l-aktar l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Billi:

(1) Fir-Renju Unit il-kwantità ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet tal-favetta tar-rebbiegħa (Vicia faba L.) disponibbli, li hija tajba għall-kondizzjonijiet klimatiċi lokali u li tissodisfa l-kriterji tal-kapaċità tal-ġelbin tad-Direttiva 66/401/KEE, mhix biżżejjed, u għalhekk mhix tajba biex tilħaq il-bżonnijiet ta’ dak l-Istat Membru.

(2) Mhuwiex possibbli li tintlaħaq b’mod tajjeb id-domanda għaż-żerrigħa ta’ dik l-ispeċi, bl-importazzjoni ta’ żerriegħa minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, li tkun tilħaq il-kriterji kollha li hemm stabbiliti fid-Direttiva 66/401/KEE.

(3) Għalhekk, ir-Renju Unit għandu jkun awtorizzat biex jippermetti t-tpoġġija fis-suq ta’ żerriegħa ta’ dik l-ispeċi, suġġett għal kriterji inqas stretti għal perjodu li jintemm fil-15 ta’ Frar 2004.

(4) Barra minn hekk, Stati Membri oħra, irrispettivament minn jekk iż-żerriegħa tkunx inħasdet fi Stat Membru jew f’pajjiżi terzi li jkunu koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fuq l-ekwivalenza taż-żerriegħa [3], li jkunu jistgħu jipprovdu lir-Renju Unit biż-żerriegħa ta’ dik l-ispeċi, għandhom ikunu awtorizzati li jippermettu t-tpoġġija fis-suq ta’ din iż-żerriegħa.

(5) Ikun xieraq li r-Renju Unit jaġixxi bħala koordinatur biex jiżgura li l-ammont sħiħ ta’ żerriegħa li tkun ġiet awtorizzata fi qbil ma din id-Deċiżjoni ma jkunx jaqbeż l-ogħla kwantità koperta b’din id-Deċiżjoni.

(6) Il-miżuri li hemm f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Foresti,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

It-tpoġġija fis-suq tal-Komunità taż-żerriegħa tal-favetta tar-rebbiegħa (Vicia faba L.) li ma tkunx tilħaq il-kriterji minimi tal-kapċità tal-ġelbin stabbiliti fid-Direttiva 66/401/KEE għandha tkun permessa, għal perjodu li jintemm fil-15 ta’ Frar 2004, fi qbil mat-termini mwaqqfa fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kapaċità tal-ġelbin tkun mill-inqas dik stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni;

(b) it-tikketta uffiċjali għandha turi l-ġelbin li jkun ġie kkonfermat fl-eżami uffiċjali li jkun sar fi qbil ma’ l-Artikolu 2(1)(Ċ)(d) tad-Direttiva 66/401/KEE;

(ċ) Iż-żerriegħa trid tkun l-ewwel tpoġġiet fis-suq fi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Kull persuna li tforni ż-żerriegħa u li tkun tixtieq tpoġġi fis-suq iż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1, din għandha tapplika għall-awtorizzazzjoni mingħand l-Istat Membru li fih din tkun imwaqqfa jew li fih tkun qed timporta.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza lil min iforni biex dan ipoġġi ż-żerriegħa fis-suq, kemm-il darba:

(a) min iforni ikun jista’ tabilħaqq ipoġġi fis-suq l-ammont ta’ żerriegħa li għaliha jkun applika għall-awtorizzazzjoni; jew

(b) il-kwantità sħiħa awtorizzata biex titpoġġa fis-suq skond id-deroga kkonċernata tkunx aktar mill-ogħla kwantità msemmija fl-Anness.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin b’mod amministrattiv fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Ir-Renju Unit għandu jaġixxi bħala Stat Membru koordinatur dwar l-Artikolu 1 biex jiżgura li l-ammont sħiħ awtorizzat ma jkunx jaqbeż l-ogħla kwantità speċifikata fl-Anness.

Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni fi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandu javża minnufih lill-Istat Membru koordinatur dwar l-ammont kopert bl-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lill-Istat Membru li qed jinnotifika dwar jekk l-awtorizzazzjoni tkunx twassal biex tinqabeż l-ogħla kwantità.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-kwantitajiet li dwarhom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni biex dawn jitpoġġew fis-suq skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fit-30 ta’ Jannar 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66.

[2] ĠU L 165, 03.07.03, p. 23.

[3] ĠU L 8, ta’ l-14.1.2003, p. 10. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/403/KE (ĠU L 141, tas-7.6.2003, p. 23).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Speċi: | Tip ta' varjetà | L-ogħla kwantità (tunnellati) | Ġerminazzjoni minima (% ta' żerriegħa pura) |

Vicia faba L. | Ashleigh, Compass, Hobbit, Lobo, Maris Bead, Meli, Nile, Oena, Quattro, Syncro, Victor | 4 035 | 75 |

--------------------------------------------------