32004D0037



Official Journal L 008 , 14/01/2004 P. 0012 - 0016


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Diċembru 2003

li tniżżel kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw importazzjonijiet ta’ prodotti mis-sajd mis-Serbja u Montenegro

(notifikata taħt dokument numru K(2003) 5008)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/37/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tat-22 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1) Twettqet spezzjoni għan-nom tal-Kummissjoni fis-Serbia u Montenegro biex jiġu verifikati l-kondizzjonijiet li taħthom prodotti mis-sajd huma prodotti, maħżuna u mibgħuta lejn il-Komunità.

(2) Il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jirrelatawx mal-Kosovo, kif definit bir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999, li huwa suġġett għall-amministrazzjoni ċivili internazzjonali mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK). M’huwiex għalhekk possibbli li jiġu nklużi importazzjonijiet ta’ prodotti mis-sajd mill-Kosovo f’din id-Deċiżjoni.

(3) Il-ħtiġiet fil-leġislazzjoni tas-Serbja u Montenegro dwar l-ispezzjoni tas-saħħa u l-immonitorjar ta’ prodotti mis-sajd jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 91/493/KEE.

(4) B’mod partikolari, il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, Forestrija u l-Amministrazzjoni ta’ l-Ilma tar-Repubblika ta’ Montenegro (MAFWM), huwa kapaċi li effettivament jivverifika l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fis-seħħ.

(5) L-MAFWM ipprovdiet assigurazzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-konformità ma’ l-istandards għall-kontrolli tas-saħħa u l-immonitorjar ta’ prodotti selvaġġi mis-sajd, sħaħ ta’ l-ilma ħelu kif stipulat fil-Kapitolu V ta’ l-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/493/KEE u fir-rigward tal-konformità mal-ħtiġiet iġjeniċi ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(6) Huwa xieraq li jiġu preskritti dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw prodotti mis-sajd importati fil-Komunità mis-Serbja u Montenegro, skond id-Direttiva 91/493/KEE. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu li prodotti mis-sajd selvaġġi, sħaħ ta’ l-ilma ħelu biss jistgħu jiġu awtorizzati għall-importazzjonijiet fil-Komunità.

(7) Huwa wkoll meħtieġ li titħejja lista ta’ stabbilimenti approvati, bastimenti, fabbriki, jew imħażen tal-friża, u lista tal-bastimenti tal-friża mgħammra skond il-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/48/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tniżżel ir-regoli minimi għall-iġjene applikabbli għall-prodotti mis-sajd maqbuda fuq ċerti bastimenti skond l-Artikolu 3(1)(a)(i) tad-Direttiva 91/493/KEE [2]. Dawn il-listi għandhom jitħejjew fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni mill-MAFWM lill-Kummissjoni.

(8) Huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tiġi applikata wara 45 jum mill-pubblikazzjoni tagħha biex tipprovdi għall-perjodu transitorju meħtieġ.

(9) Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, Forestrija u Amministrazzjoni ta’ l-Ilma tar-Repubblika ta’ Montenegro (MAFWM), għandu jkun l-awtorità kompetenti fis-Serbja u Montenegro [3] identifikat għall-għanijiet tal-verifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità ta’ prodotti mis-sajd mal-ħtiġiet tad-Direttiva 91/493/KEE.

Artikolu 2

Prodotti mis-sajd importati fil-Komunità mis-Serbia u Montenegro għandhom jikkonformaw mal-ħtiġiet stipulati fl- l-Artikoli 3, 4 u 5.

Artikolu 3

1. Il-prodotti mis-sajd għandhom ikunu hut sħiħ frisk minn qabdiet selvaġġi mill-ilma baħar.

2. Kull kunsinna għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat oriġinali numerat tas-saħħa skond il-mudell muri fl-Anness I u magħmul minn paġna waħda, debitament mimlija iffirmata u datata.

3. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jitħejja f’ta’ l-anqas waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn jitwettqu l-verifiki.

4. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun fih l-isem, il-kariga u l-firma tar-rapprezentant tal-MAFWM, u t-timbru uffiċjali ta’ dan imsemmi l-aħħar, f’kulur differenti minn dak ta’ l-accettar.

Artikolu 4

Il-prodotti mis-sajd għandhom ikunu ġejjin minn stabbilimenti approvati, bastimenti fabbrika, jew imħażen tal-friża, jew mill-bastimenti tal-friża elenkati fl-Anness II.

Artikolu 5

Il-pakketti kollha għandhom iġorru l-kliem "SERBIA i MONTENEGRO" u n-numru ta’ approvazzjoni/reġistrazzjoni ta’ l-istabbiliment, bastiment fabbrika, maħżen tal-friża jew bastiment friża ta’ oriġini f’ittri li ma jitħassrux, ħlief fil-każ ta’ prodotti mis-sajd iffriżati fi kwantità u maħsuba għall-manifattura ta’ ikel priservat.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mit-28 ta’ Frar 2004.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Diċembru 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 15; Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

[2] ĠU L 187, 07.07.92, p. 41.

[3] Ma jinkludix il-Kosovo kif definit bir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Siguraà tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

LISTA TA' STABBILIMENTI U BASTIMENTI

PP : Impjant ta' l-ipproċessar.

Nru ta' approvazzjoni | Isem | Belt/reġjun | limitu ta' approvazzjoni | Kategorija |

79 | Antivari d.o.o | Bar | | PP |

331 | Albamont Rozafa d.o.o | Bar | | PP |

--------------------------------------------------