32004D0030



Official Journal L 006 , 10/01/2004 P. 0053 - 0054


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Diċembru 2003

li jniżżel kondizzjonijiet speċifiċi għall-importazzjoni ta’ molluski bivalvi pproċessati u ħajjin, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini mill-Peru u li jħassar id-Deċiżjonijiet 2001/338/KE u 95/174/KE

(notifikata taħt dokument numru K (2003) 5053)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2004/30/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/492/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tniżżel il-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ molluski bivalvi [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3)(b) tagħha,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tat-22 ta’ Lulju 1991 li tniżżel il-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mis-sajd [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/174/KE tas-7 ta’ Marzu 1995 tniżżel kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini li joriġinaw fil-Peru [3], tipprovdi għall-kondizzjonijiet sanitarji li għandhom jitħarsu meta jiġu importati molluski bivalvi ħajjin mill-Peru.

(2) Wara d-defiċjenzi osservati matul żjara ta’ spezzjoni fil-Peru f’April ta’ l-2001 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/338/KE tas-27 ta’ April 2001 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta’ molluski bivalvi minn jew li joriġinaw fil-Peru [4]. Il-missjoni identifikat ukoll li ebda molluski ħajjin ma kienu esportati mill-Peru u li ebda miżuri ta’ kontroll għall-mard tal-molluski ma kienu promulgati mill-awtorità kompetenti tal-Peru.

(3) Żjara ġdida ta’ spezzjoni tweqqet fil-Peru f’Mejju 2002 żvelat titjib sodisfaċenti fil-kondizzjonijiet sanitarji u r-retifikazzjoni ta’ wħud min-nuqqasijiet relattati mal-kontroll sanitarju applikat mill-awtoritajiet Peruvjani. Dawn is-sejbiet jippermettu lill-Kummissjoni li tadotta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/509/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 2003 li temenda d-Deċiżjoni 2001/338/KE li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta’ molluski bivalvi li joriġinaw fil-Peru [5].

(4) Il-garanziji issa provduti mill-awtoritajiet kompetenti, sostnuti minn xhieda dokumentata, juri li huma ratifikaw in-nuqqasijiet misjuba matul il-missjoni ta’ spezzjoni. Għalhekk, billi l-miżuri protettivi previsti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/338/KE m’għadhomx aktar meħtieġa, dik id-Deċiżjoni għandha titħassar.

(5) B’żieda, l-Peru jixtieq li jesporta lejn il-Komunità biss molluski bivalvi iffriżati jew ipproċessati, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini li jkunu ġew sterilizzati jew ittrattati bis-sħana skond il-ħtiġiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/774/KE tat-30 ta’ Ottubru 2003 li tapprova ċerti trattamenti li jimpedixxu l-iżvilupp ta’ organiżmi patoġeniċi f’molluski bivali u gastropodi marini [6]. B’konsegwenza, l-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ importazzjoni għandhom jikkonċernaw biss molluski bivalvi friżati u proċessati, u għandhom jiġu nominati żoni ta’ produzzjoni li minnhom molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini jistgħu jinġabru, skond l-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 91/493/KEE. Għalhekk kondizzjonijiet ġodda speċifiċi ta’ importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti u d-Deċiżjoni 95/174/KE tiġi hekk imħassra.

(6) Il-kondizzjonijiet l-oħra ta’ importazzjoni għandhom ikunu dawk diġà preskritti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/173/KE li tniżżel kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti mis-sajd u l-akwakultura li joriġinaw fil-Peru [7].

(7) Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

Il-"Ministerio de la Salud, Direccion General de Salud Ambiental (DIGESA)" għandu jkun l-awtorità kompetenti fil-Peru biex jivverifika u jiċċertifika li molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini jħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva 91/492/KEE.

Artikolu 2

1. Molluski bivalvi friżati, ekinodermi, tunikati u gastropodi marini li joriġinaw fil-Peru u maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom joriġinaw miż-żoni ta’ produzzjoni awtorizzati elenkati fl-Anness li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni.

2. Il-kunsinni għandhom jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 95/173/KE.

Artikolu 3

Id-Deċiżjonijiet 95/174/KEE u 2001/338/KE huma mħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mit-13 ta’ Jannar 2004.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fi Brussel, fit-23 ta’ Diċembru 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 1, kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

[2] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 15, kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003.

[3] ĠU L 116, tat-23.5.1995, p. 47.

[4] ĠU L 120, 28.04.01, p. 45.

[5] ĠU L 174, 12.07.03, p. 40.

[6] ĠU L 283, 31.10.03, p. 78.

[7] ĠU L 116, tat-23.5.1995, p. 41, kif emendata bid-Deċiżjoni 95/311/KE (ĠU L 186, tal-5.8.1995, p. 78).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ŻONI TA’ PRODUZZJONI LI JIKKONFORMAW MAD-DISPOSIZZJONIJIET TAD-DIRETTIVA 91/492/KEE

Numru | Isem | Post | Kategorija |

001 | Pucusana | Pucusana-Lima | a |

002 | Guaynuna | Casma-Ancash | a |

003 | La Mina/Bahía de Lagunillas | Pisco-Ica | a |

004 | Isla Tortuga | Casma-Ancash | a |

005 | Bahía de Independencia | Pisco-Ica | a |

006 | Bahía de Paracas | Pisco-Ica | a |

007 | Playa Jaguay | Chincha-Ica | a |

008 | Playa La Antena | Chincha-Ica | a |

--------------------------------------------------