Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0085 - 0086
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi aġenzija esekuttiva, l-"Aġenzija Esekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti", biex timmaniġġa l-azzjoni tal-Komunità fis-settur ta' l-enerġija bl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (2004/20/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji esekuttivi li jkunu fdati b'ċerti xogħlijiet fl-immaniġġjar tal-programmi tal-Komunità [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu, Billi: (1) Fil-qafas ta' l-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli, l-Unjoni Ewropea ħadet miżuri bil-għan li ġġib ‘il quddiem u tiżviluppa l-enerġija li tista' tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija sabiex tikkontribwixxi b'mod ibbilanċat biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin: is-sigurtà fil-provvista ta' l-enerġija, il-kompetittività u l-ħarsien ta' l-ambjent. (2) Dawn il-miżuri jinkludu d-Deċiżjoni Nru 1230/2003/.KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 li tadotta programm ta' ħafna snin għall-azzjoni fis-settur ta' l-enerġija: (2003-2006) [2], li l-oqsma ta' azzjoni tiegħu huma l-iżvilupp ta' l-enerġija li tista' tiġġedded u l-effiċjenza ta' l-enerġija, inkluż is-settur tat-trasport, u l-promozzjoni tagħhom fil-pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw (3) Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti l-poter lil-Kummissjoni li tistabbilixxi aġenziji esekuttivi skond l-istatut ġenerali stabbilit minn dak ir-Regolament u jafdahom b'ċerti xogħlijiet ta' mmaniġġjar konnessi ma' wieħed jew aktar programmi tal-Komunità. (4) Il-għan li l-Kummissjoni tingħata l-poter li tistabbilixxi l-aġenziji esekuttivi huwa sabiex hija titħalla tikkonċentra fuq l-atttivitajiet u l-funzjonijiet tal-qalba li ma jistgħux jingħataw barra, mingħajr ma tabbanduna l-kontroll fuq l-attivitajiet immaniġġjati minn dawk l-aġenziji esekuttivi u r-responsabbiltà aħħarija għalihom. (5) Il-ġestjoni tal-programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa tinvolvi l-implimentazzjoni ta' proġetti tekniċi li ma ġġibx magħha t-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura politika u li titlob livell għoli ta' kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett. (6) Id-delega lil aġenzija esekuttiva ta' xogħlijiet konnessi ma' l-implimentazzjoni tal-programm tista' ssir b'separazzjoni ċara bejn l-istadji ta' l-ipprogrammar, id-definizjoni tal-prijoritajiet u l-valutazzjoni tal-programm, li għandhom isiru mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni tal-proġett, li tkun fdata lill-aġenzija esekuttiva. (7) Analiżi tal-prezz b'relazzjoni mal-benefiċċju magħmula għal dak il-għan tkun uriet illi ċerti xogħlijiet ta' mmaniġġjar, bħal ma huma l-implimentazzjoni tal-budget, il-monitoraġġ tekniku u finanzjarju tal-proġetti u t-tixrid u l-użu tar-riżultati jistgħu jsiru b'aktar effiċjenza minn aġenzija esekuttiva waqt li tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa mill-Kummissjoni skond id-Deċiżjoni li tadotta l-programm, kif ukoll il-programm ta' xogħol tal-programm u l-linji ta' gwida adottati mil-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat ta' Ġestjoni li jipprovdi għalih l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni. (8) L-użu ta' aġenzija esekuttiva jkun ifisser illi l-programm il-ġdid, li hu akbar b'mod sinifikanti minn dak ta' qablu, jkun jista' jkun immaniġġjat b'iktar effiċjenza. (9) L-eżekuzzjoni minn aġenzija esekuttiva tax-xogħlijiet identifikati tħalli lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq kwistjonijiet strateġiċi u regolatorji, waqt li żżid l-għajnuna tal-Komunità lill-azzjonijiet multinazzjonali fl-Istati Membri.. Dan huwa l-aħjar mod biex jintlaħqu l-għanijiet dwar l-enerġija stabbiliti fid-diversi testi leġislattivi u miżuri oħra fis-setturi ta' l-enerġija li tista' tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija, inkluż is-settur tat-trasport. (10) L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Komunità u, b'mod partikolari, l-istrateġija għal żvilupp sostenibbli tista' twassal biex ikunu adotti miżuri bħala parti mill-politika tal-Komunità fis-setturi kkwotati illi jġibu magħhom azzjoni mill-Komunità li tkun tista' tiġi implimentata mill-aġenzija. Għandu jkun hemm provvediment għall-possibbiltà li jkunu assenjati lill-aġenzija xogħlijiet addizzjonali ta' mmaniġġjar u implimentazzjoni. (11) Il-miżuri li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Aġenziji Esekuttivi. IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: Artikolu 1 Twaqqif ta' l-Aġenzija 1. B'dan qed tkun stabbilita aġenzija esekuttiva (hawn aktar ‘il quddiem imsejħa "l-Aġenzija") għall-immaniġġjar ta' l-azzjoni tal-Komunità fis-settur ta' l-enerġija, li l-istatut tagħha huwa mniżżel fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, 2. L-isem ta' l-aġenzija għandu jkun l-"Aġenzija Esekuttiva għall-Enerġija intelliġenti". Artikolu 2 Lokalità L-aġenzija għandha jkollha l-uffiċċju tagħha fi Brussel. Artikolu 3 Tul ta' żmien L-Aġenzija hija b'dan stabbilita għal perijodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2004 u jispiċċa fil-31ta' Diċembru 2008. Artikolu 4 Ġħanijiet u dmirijiet 1. Taħt il-programm tal-Komunità Enerġija Intelliġenti – Ewropa, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE, l-Aġenzija hija responsabbli għall-implimentzzjoni tax-xogħlijiet li jikkonċernaw l-għajnuna tal-Komunità taħt il-programm, ħlief għall-valutazzjoni tal-programm, il-monitoraġġ tal-leġislazzjoni u l-istudji strateġiċi, jew kull azzjoni oħra li taqa' b'mod esklussiv taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni.. Hija għandha tkun responsabbli għax-xogħlijiet li ġejjin: (a) l-immaniġġjar ta' l-istadji kollha matul iċ-ċiklu ta' proġetti speċifiċi fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità Enerġija Intelliġenti - Ewropa fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 1230/2003/KE u tal-programm ta' xogħol li tipprovdi għalih din id-Deċiżjoni u adott mill-Kummissjoni fuq il-parir tal-kumitat esekuttiv tal-programm, kif ukoll il-kontrolli kollha meħtieġa għal dak il-għan, billi jkunu adottati d-deċiżjonijiet rilevanti meta l-Kummissjoni tkun tatha l-poter li tagħmel dan; (b) l-adozzjoni tad-dokumenti għall-implimentazzjoni tal-budget għad-dħul u l-ħruġ ta' finanzi u t-twettiq, meta l-Kummissjoni tkun tatha l-poter li tagħmel dan, ta' l-operazzjonijiet kollha meħtieġa biex timmaniġġja l-programm tal-Komunità u, b'mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti ta' kuntratti u għotjiet ta' flus; (ċ) il-ġbir, l-analiżi u t-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta' l-informazzjoni kollha meħtieġa biex titmexxa l-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità, kif ukoll ta' kull informazzjoni oħra jew rapport lill-Kummissjoni li jipprovdi għalihom il-programm ta' xogħol jew id-dokument ta' delega. 2. L-Aġenzija tista' titqabbad mill-Kummissjoni fuq l-opinjoni tal-kumitat kif stabbilit mill-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, biex twettaq xogħlijiet ta' l-istess xorta taħt programmi oħra tal-Komunità, fil-kuntest ta' l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, bħall-programm li jirreferi għalih il-paragrafu 1, sakemm dawn il-programmi jew proġetti jibqgħu fil-limiti ta' l-iżvilupp ta' l-enerġija li tista' tiġġedded u l-effiċjenza ta' l-enerġija, inkluż is-settur tat-trasport, u l-promozzjoni tagħhom u sakemm huma ma jikkostitwixxux żjieda sinifikanti fix-xogħlijiet ta' l-Aġenzija. 3. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija għandha tiddefinixxi fid-dettal ix-xogħlijiet kollha fdati lilha u għandha tkun adattata fid-dawl ta' kull xogħol addizzjonali li jista' jkun fdat lill-Aġenzija. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun trasmessa, bħala informazzjoni, lill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 24 tar-regolament (KE) Nru 58/2003. Artikolu 5 Struttura ta' l-organizzazzjoni 1. L-Aġenzija għandha tkun immaniġġjata minn Kumitat Direttiv u minn Direttur maħtur mill-Kummissjoni. 2. Il-membri tal-Kumitat Direttiv għandhom jinħatru għal tliet snin. 3. Id-Direttur għandu jinħatar għal ħames snin. Artikolu 6 Għotjiet ta' flus L-Aġenzija għandha tirċievi għotja ta' flus li għandha tiddaħħal fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej mill-fondi allokati għall-programm tal-Komunità Enerġija Intelliġenti – Ewropa u, meta jkun xieraq, minn programmi jew azzjonijiet oħra tal-Komunità li l-implimentazzjoni tagħhom tkun fdata lill-Aġenzija skond l-Artikolu 4(2). Artikolu 7 Sorveljanza u ħtieġa ta' rappurtaġġ L-Aġenzija għandha tkun suġġetta għas-sorveljanza tal-Kummissjoni u għandha tirrapporta b'mod regolari fuq il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi li tkun responsabbli għalihom skond l-arranġamenti u fl-intervalli stipulati fid-dokument ta' delega. Artikolu 8 Implimentazzjoni tal-budget amministrattiv L-Aġenzija għandha timplimenta l-budget amministrattiv tagħha skond il-provvedimenti tar-Regolament Finanzjarju standard. Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Diċembru 2003. Għall-Kummissjoni Loyola De Palacio Viċi-President [1] ĠU L 11, 16.01.03, p. 1. [2] ĠU L 176, 15.07.03, p. 29. --------------------------------------------------