32004D0015



Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0076 - 0077


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Diċembru 2003

li temenda l-punt 1.2 tal-Parti II ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u tikteb l-Anness ġdid għaliha

(2004/15/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva għall-Kunsill poteri (setgħat) ta' implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati u proċeduri prattiċi biex ikunu eżaminati applikazzjonijiet ta' viża [1],

Wara li kunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,

Billi:

(1) Il-possibbilta li Stat Membru jkun irrappreżentat minn Stat Membru ieħor f'pajjiż terz, kif jipprovdi għaliha l-punt 1.2 tal-Parti II ta' l-Istituzzjonijiet Konsulari Komuni (IKK), hija preżentement ristretta għal sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru li jitlob li jkun irrappreżentat m'għandu ebda rappreżentazzjoni f'dak il-pajjiż terz.

(2) Minħabba ż-żieda kbira fl-applikazzjonijiet ta' viżas ta' dħul fiż-żona Schengen hemm issa l-ħtieġa, rigward il-ħruġ ta' viżas uniformi f'pajjiżi terzi, għal sinerġija fil-mezzi użati mill-Istati Membri u għal kordinazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-lokalita tas-servizzi li x-xogħol tagħom huwa li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta' viżas. Jidher hekk meħtieġ li jkun ipprovdut għall-possibbilta ta' Stat Membru li jkun irrappreżentat f'pajjiż terz minn Stat Membru ieħor ukoll jekk huwa diġa jkollu rappreżentazzjoni f'dak il-pajjiż terz, suġġetta għal distribuzzjoni ġusta bejn l-Istati Membri.

(3) Huwa barra minn dan xieraq, għal raġunijiet ta' trasparenza, li jinkiteb l-Anness ġdid ma' dawn l-IKK, dwar tabella ta' rappreżentazzjonijiet għall-ħruġ ta' viżas uniformi.

(4) Skond Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni żżid ma' (tibni fuq) l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu Title IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk għandhiex tittrasponiha fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(5) Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [2], li jaqgħu fiż-żona li jirreferi għaliha Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [3].

(6) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [4]. Ir-Renju Unit għalhekk mhux jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda m'hix tieħu sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [5]. L-Irlanda għalhekk mhix tieħu sehem fl-adozjoni tagħha u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8) Din id-Deċiżjoni tikkositiwixxi att ta' żieda ma' (bini fuq) l-acquis ta' Schengen jew b'xi mod ieħor konnessa magħhom fit-tifsira ta' Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Punt 1.2 tal-Parti II ta' l-Istituzzjonijiet Konsulari Komuni għandu jkun emendat kif ġej:

1. Il-Punti (a) sa (d) għandhom ikunu ssostituti b'li ġej:

"(a) Jekk l-Istat responsabbli m'għandu ebda missjoni diplomatika jew post (uffiċċju) konsulari fi Stat speċifiku, il-viża uniformi tista' tinħareġ mill-missjoni jew post (uffiċċju) ta' l-Istat li jirrapreżenta l-Istat responsabbli. Il-viża tinħareġ f'isem l-Istat li jkun qiegħed ikun irrappreżentat, suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu, u fejn meħtieġ, għall-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali. Jekk wieħed mill-Istati Benelux għandu missjoni diplomatika jew post (uffiċċju) konsulari, huwa għandu fi prinċipju awtomatikament jirrappreżenta l-Istati Benelux l-oħra, ħlief jekk l-Istat Benelux ikkonċernat ma jkun jista' fil-prattika jirrappreżenta lill-Istati Benelux l-oħra, f'liema każ dawn ta' l-aħħar jistgħu jitolbu Stat partenitarju ieħor biex jirrappreżenthom fil-pajjiż terz in kwestjoni.

(b) Ukoll jekk Stat ikollu missjoni diplomatika jew post (uffiċċju) konsulari f'pajjiż terz, huwa jista' jitlob Stat ieħor li għandu post (uffiċċju) konsulari f'dak il-pajjiż terz biex jirrapreżentah. Il-viża uniformi tinħareġ f'isem l-Istat li jkun qiegħed ikun irrappreżentat, suġġetta għall awtorizzazzjoni minn qabel, u fejn meħtieġ, għall-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali.

(ċ) Meta jinħarġu viżas uniformi skond l-(a) u l-(b), l-għamla ta' rappreżentazzjoni għandha tkun maqbula bejn l-Istat jew Stati li jkunu qegħdin ikunu rappreżentati u l-Istat li jirrappreżenta lil dak jew dawk l-Istat(i), u għandha tispeċifika:

- t-tul ta' żmien ta' rappreżentanza tali u l-kondizzjonijiet għat-terminazzjoni tagħha;

- u, għall-applikazzjoni tal-punt (b), l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' rappreżentanza tali, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvediment ta' bini mill-Istat li jirrappreżenta jew il-provvediment ta' staff mill-Istat li jirrapreżenta u l-Istat li jkun qiegħed ikun irrappreżentat, u jekk possibbli il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-Istat li jkun qiegħed ikun irrappreżentat għall-ispejjeż involuti fil-ħruġ ta' viżas minfuqa mill-Istat li jirrappreżenta.

(d) Meta jinħarġu viżas uniformi skond l-(a) u l-(b), ir-rappreżentanza għandha tkun riflessa fit-tabella ta' rappreżentanza għall-ħruġ ta' viżas miġjuba fl-Anness 18."

2. Fil-punt (e), il-kliem "f'pajjiżi mhux membri li fihom mhux l-Istati Schengen kollha huma rappreżentati" għandhu jkun issostitwit bi "fil-każ ta' rappreżentanza skond l-(a) u l-(b)".

3. L-aħħar inċiż tal-punt (e) għandu jkun issostitwit b'li ġej:

"— f'livell lokali, l-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet (uffiċċji) konsulari għandhom, fil-qafas tal-koperazzjoni konsulari lokali, jiżguraw li informazzjoni xierqa dwar ir-responsabbiltajiet li joħorġu mill-użu ta' rappreżentanza skond l-(a) u l-(b) issir disponibbli lill-applikanti għal viża."

Artikolu 2

L-Anness, innumerat 18 u bit-titolu "Tabella ta' rappreżentanzi għall-ħruġ ta' viżas uniformi", għandha tinżdied ma' l-IKK. Dan l-Anness għandu jinkiteb u jkun aġġornat fuq il-bażi ta' informazzjoni komunikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skond il-proċedura li jirreferi għaliha Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 789/2001 għal emendi għall-manwal dwar il-ħruġ ta' viżas Schengen lill-Istati terzi li fihom mhux l-Istati Schengen kollha huma rappreżentati u għandu jissostitwixxi l-manwal.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istat Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, it- 22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] ĠU L 116, 26.04.01, p. 2.

[2] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36.

[3] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31.

[4] ĠU L 131, 01.06.00, p. 43.

[5] ĠU L 64, 07.03.02, p. 20.

--------------------------------------------------