Official Journal L 003 , 07/01/2004 P. 0033 - 0033
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2003 li temenda d-Deċiżjoni 2001/528/KE li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2004/8/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Billi: (1) F'Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2001/527/KE [1] u 2001/528/KE [2] li jistabbilixxu l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej u l-Kumitat tat-Titoli Ewropej rispettivament. (2) Id-Deċiżjoni 2002/528/KE stabbiliet il-Kumitat tat-Titoli Ewropej fil-kapaċità konsultattiva tiegħu. Skond id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar in-negozjati minn ġewwa u l-manipulazzjoni tas-swieq (l-abbuż tas-swieq) [3], il-Kumitat tat-Titoli Ewropej jista' jaġixxi bħala kumitat regolatorju fit-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jeżerċita l-poteri ta' l-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [4]. (3) Fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Frar u tal-21 ta' Novembru 2002, il-Parlament Ewropew endorsja l-qafas regolatorju fuq erba' livelli mitkellem favuru fir-Rapport Finali tal-Kumitat ta' l-Għorrief dwar ir-regolazzjoni tas-swieq tat-titoli Ewropej u sejjaħ għalbiex jiġu estiżi ċerti aspetti ta' dan l-avviċinament għas-setturi tal-banek u ta' l-assigurazzjoni, bla ħsara għal impenn ċar mill-Kunsill li jiġi ggarantit bilanċ istituzzjonali xieraq. (4) Fit-3 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni għalbiex tieħu passi sabiex tittraferixxi lill-istrutturi diġà stabbiliti fil-kamp tat-titoli l-funzjonijiet u l-poteri preżenti miżmuma mill-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-UCITS (l-impriżi għall-investiment kollettiv fit-tiroli trasferibbli), stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-kordinament tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-impriżi għall-investimnt kolletiv fit-titoli trasferibbli (l-UCITS) [5] kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [6]. (5) Il-Kummissjoni pproponiet direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, li temenda, fost ħwejjeġ oħra, id-Direttiva 85/61/KE sabiex tħassar il-funzjonijiet tal-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-UCITS skond l-Artikolu 53 ta' din id-Direttiva u sabiex tittrasferixxi dawk stabbiliti skond l-Artikolu 53a ta' l-istess Direttiva lill-Kumitat tat-Titoli Ewropej. (6) Din l-emenda trid teħtieġ emenda korrispondenti u simultanja dwar il-kompetenza tal-Kumitat tat-Titoli Ewropej, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/528/KE, IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 2001/528/KE hija emendata kif ġej: L-Artikolu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 2 Ir-rwol tal-Kumitat għandu jkun li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-politika kif ukoll dwar l-abbozzi ta' proposti li l-Kummissjoni tista' tadotta fil-kamp tat-titoli, inklużi l-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbi (l-UCITS)." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ ta' kull direttiva li temenda l-funzjonijiet tal-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-Assigurazzjonijiet ta' l-UCITS sabiex tittrasferihom lill-Kumitat tat-Titoli Ewropej. Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Novembru 2003. Għall-Kummissjoni Frederik Bolkestein Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 43. [2] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 45. [3] ĠU L 96, tat-12.4.2003, pġ. 16. [4] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23. [5] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. [6] ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 35 --------------------------------------------------