32004D0007



Official Journal L 003 , 07/01/2004 P. 0032 - 0032


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-5 ta' Novembru 2003

li temenda d-Deċiżjoni 2001/527/KE li tistabbilixxi l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2004/7/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1) F'Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2001/527/KE [1] u 2001/528/KE [2] li jistabbilixxu l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej u l-Kumitat tat-Titoli Ewropej rispettivament.

(2) Fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Frar u tal-21 ta' Novembru 2002, il-Parlament Ewropew endorsja l-qafas regolatorju fuq erba' livelli mitkellem favuru fir-Rapport Finali tal-Kumitat ta' l-Għorrief dwar ir-regolazzjoni tas-swieq tat-titoli Ewropej u sejjaħ għalbiex jiġu estiżi ċerti aspetti ta' dan l-avviċinament għas-setturi tal-banek u ta' l-assigurazzjoni, bla ħsara għal impenn ċar mill-Kunsill li jiġi ggarantit bilanċ istituzzjonali xieraq.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 83/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-kordinament tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-impriżi ta' l-investimenti kollettivi fit-titoli trasferibbli (l-UCITS) [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/198/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4], stabbiliet il-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-UCITS sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata ta' din id-Direttiva permezz ta' konsultazzjonijiet regolari dwar kull problema prattika li tinħoloq mill-applikazzjoni tagħha u li dwarha hu meqjus utli l-iskambju tal-veduti, sabiex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u sabiex jingħataw pariri lill-Kummissjoni, jekk meħieġa, dwar l-emendi li jridu jsiru lil din id-Direttiva.

(4) Fit-3 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tittrasferixxi dawn il-funzjonijiet u poteri lill-istrutturi diġà stabbiliti fil-kamp tat-titoli.

(5) Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li temenda, fost ħwejjeġ oħra, id-Direttiva 85/61/KE sabiex tħassar il-funzjonijiet tal-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-UCITS skond l-Artikolu 53 ta' din id-Direttiva u sabiex tittrasferixxi dawk stabbiliti skond l-Artikolu 53a ta' l-istess Direttiva lill-Kumitat tat-Titoli Ewropej, stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/528/KE.

(6) Din l-emenda trid teħtieġ emenda korrispondenti u simultanja dwar il-kompetenzi tal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/527/KE,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/527/KE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 2

Ir-rwol tal-Kumitat għandu jkun li jagħti pariri lill-Kummissjoni, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, fil-limitu taż-żmien li l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja, jew fuq l-inizjattiva tal-Kumitat innifsu, b'mod partikolari rigward it-tħejjija ta' l-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni fil-kamp tat-titoli, inklużi dawk li jkollhom x'jaqsmu ma' l-impriżi ta' l-investimenti kollettivi fit-titoli trasferibbli (l-UCITS)."

2. Fl-Artikolu 3, l-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu tiġi mibdula b'li ġej:

"Il-Kumitat għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta' livell għoli mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti fil-kamp tat-titoli, inklużi l-UCITS."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ ta' kull direttiva li temenda l-funzjonijiet tal-Kumitat tal-Kuntratti ta' l-Assigurazzjonijiet ta' l-UCITS sabiex tittrasferihom lill-Kumitat tat-Titoli Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Novembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 43.

[2] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 45.

[3] ĠU L 375, tal-31.12.1985, pġ. 3.

[4] ĠU L 41, tat-13.2.2002, pġ. 35.

--------------------------------------------------