Official Journal L 336 , 23/12/2003 P. 0027 - 0028
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2270/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jiftaħ għas-sena 2004 kwota ta' tariffa applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità Ewropea ta' ċerti oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali li japplikaw għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 7(2) tiegħu, Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/753/KE tas-6 ta' Diċembru 1996 li tikkonċerna l-konklużjoni ta' Ftehim fil-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa l-waħda, u r-Renju tan-Norveġja [3], minn naħa l-oħra, dwar il-Protokoll 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u, partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu, Billi: (1) Il-Ftehim fil-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa l-waħda, u r-Renju tan-Norveġja, minn naħa l-oħra, dwar il-Protokoll 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, approvat bid-Deċiżjoni 96/753/KE, jipprovdi għal kwoti ta' tariffa annwali għall-importazzjoni ta' ċikkulata u preparazzjonijiet oħrajn ta' l-ikel li jkun fihom il-kawkaw u li joriġinaw fin-Norveġja. Huwa meħtieġ li tkun miftuħa dik il-kwota għall-2004. (2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1335/2003 [5], jistabbilixxi regoli għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffa. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment li l-kwota ta' tariffa miftuħa b'dan ir-Regolament għandha tkun amministrata bi qbil ma' dawk ir-regoli. (3) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar kwistjonijiet orizzontali li jirrigwardaw il-kummerċ fi prodotti ipproċessati mhux elenkati fl-Anness I, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2004, l-oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li huma elenkati fl-Anness għandhom ikunu suġġetti għad-dazji kif stabbiliti f'dak l-Anness fi ħdan il-limiti tal-kwota annwali indikata hemmhekk. Artikolu 2 Il-kwota ta' tariffa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun amministrata mill-Kumissjoni bi qbil ma' l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2004. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003. Għall-Kummissjoni Erkki Liikanen Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 318, ta' l-20.12.1993, pġ. 18. [2] ĠU L 298, tal-25.11.2000, pġ. 5. [3] ĠU L 345, tal-31.12.1996, pġ. 78. [4] ĠU L 253, tal-11.10.1993, pġ. 1. [5] ĠU L 187, tas-26.7.2003, pġ. 16. -------------------------------------------------- ANNESS Ordni Nru | Kodiċi NM | Deskrizzjoni | Kwota | Rata tad-dazju applikabbli | 09.0764 | ex1806180620180631180632180690 | ċikkulata u preparazzjonijiet oħrajn ta' l-ikel li jkun fihom il-kawkaw bl- eċċezzjoni ta' trab tal-kawkaw li jkun fih zokkor miżjud jew materja oħra ta' ħlewwa li tidħol taħt il-kodiċi 180610 | 5500 tunnellata | EUR 35,15/100 kg | --------------------------------------------------