32003R1787



Official Journal L 270 , 21/10/2003 P. 0121 - 0122


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1787/2003

tad-29 ta’ Settembru 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1255/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u prodotti magħmulin mill-ħalib

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1].

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi imposta għas-settur tal-ħalib u prodotti magħmulin mill-ħalib [2] joħloq regoli operazzjonali għall-introduzzjoni ta’ imposta fuq prodotti tal-ħalib u prodotti magħmulin mill-ħalib immirati biex inaqqsu l-iżbilanċ bejn il-fornitura u d-domanda fuq is-suq u li jitneħħew l-eċċessi strutturali li jirriżultaw; dawn l-arranġamenti jgħoddu għal ħdax-il perjodu konsekuttiv ieħor ta’ tnax-il xahar kull wieħed u li jibdew mill-1 ta’ April 2004.

(2) Sabiex ikun irreklamat il-konsum tal-ħalib u tal-prodotti magħmulin mill-ħalib ġewwa l-Komunità’ u titjieb il-kompetittivita’ tagħhom fis-swieq internazzjonali, għandu jitnaqqas il-livell ta’ għajnuna fuq is-suq, b’mod speċifiku permezz ta’ tnaqqis gradwali mill-1 ta’ Lulju 2004 tal-prezzijiet ta’ tneħħija mis-suq għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1255/1999 [3]. Għal dan il-għan, għandhom jiġu aġġustati l-livelli relattivi tal-prezzijiet ta’ tneħħija mis-suq.

(3) Il-prezz li jrid jintlaħaq, stabbilit b’mod speċjali permezz tal-prezzijiet ta’ tneħħija mis-suq għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, serva bħala indikazzjoni għall-livell ta’ għajnuna; billi t-tneħħija mis-suq taż-żewġ prodotti hija issa applikata biss għal kwantita’ massima u matul perjodu limitat tas-sena, inħasset il-ħtieġa li jkun abolit il-prezz li jrid jintlaħaq.

(4) Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ żbokk artifiċjali li jippermetti li jsir rikors sostanzjali għat-tneħħija mis-suq, għandu jiġi stabbilit l-ogħla limitu fiss tal-kwantita’ għax-xiri ta’ tneħħija mis-suq tal-butir.

(5) Wara li ġew aġġustati l-miżuri tal-pagamenti diretti li jingħataw bħala għajnuna finanzjarja lill-produtturi tal-ħalib u li ġew stipulati fir-Regolament (KE) Nru. 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ għajnuna diretta taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ għajnuna lill-bdiewa [4], jeħtieġ għalhekk li dawn ikunu irtirati mir-Regolament (KE) Nru. 1255/1999.

(6) Huwa meħtieġ, għalhekk, li jkun emendat ir-Regolament (KE) Nru. 1255/1999,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru. 1255/1999 huwa permezz tal-preżenti emendat kif ġej:

1) L-Artikolu 3 jiġi mħassar.

2) L-Artikolu 4(1) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. Il-prezzijiet ta’ tneħħija mis-suq fil-Komunità’ irrappreżentati bħala euros għal kull 100 kg, għandhom ikunu kif ġej:

(a) butir:

- mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’Ġunju 2004: 328,20

- mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005: 305,23

- mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006: 282,44

- mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2007: 259,52

- mill-1 ta’ Lulju 2007: 246,39

(b) trab tal-ħalib xkumat:

- mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2004: 205,52,

- mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005: 195,24,

- mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006: 184,97,

- mill-1 ta’ Lulju 2006: 174,69."

3) L-Artikolu 6(1) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. Jekk il-prezzijiet tas-suq tal-butir f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri, matul perjodu rappreżentattiv, huma inqas minn 92 % tal-prezz ta’ tneħħija mis-suq, aġenziji ta’ tneħħija mis-suq għandhom jixtru għall-ħażna butir kif jidher fil-paragrafu 2, bid-90 % tal-prezz ta’ tneħħija mis-suq matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awissu ta’ kull sena, fl-Istat jew Stati Membri konċernati fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet li jridu jiġu deċiżi.

Fejn il-kwantitajiet mogħtija għat-tneħħija mis-suq matul il-perjodu msemmi hawn fuq jeċċedu s-70000 tunnellata metrika fl-2004, is-60000 tunnellata metrika fl-2005, il-50000 tunnellata metrika fl-2006, l-40000 tunnellata metrika fl-2007 u t-30000 tunnellata metrika fl-2008 u minn hemm ’l quddiem, il-Kummissjoni tista’ tissospendi x-xiri tat-tneħħija mis-suq.

F’każijiet bħal dawn xiri għall-ħażna mill-aġenzija ta’ tneħħija mis-suq jista’ jsir billi tintuża proċedura permanenti ta’ tfigħ ta’ offerti fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet li jridu jiġu deċiżi.

Fejn il-prezzijiet tas-suq tal-butir fl-Istat jew Stati Membri msemmija, fuq perjodu rappreżentattiv huma ta’ 92 % jew aktar tal-prezz ta’ tneħħija mis-suq, il-Kummissjoni għandha tissospendi x-xiri għall-ħażna."

4) L-Artikolu 14(3) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"3. Fil-każ ta’ ħalib sħiħ kif inhu, l-għajnuna Komunitarja għandha tkun:

- EUR 23,24/100 kg għall-perjodu sat-30 ta’ Ġunju 2004,

- EUR 21,69/100 kg għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005,

- EUR 20,16/100 kg għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006,

- EUR 18,61/100 kg għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2007,

- EUR 18,15/100 kg mill-1 ta’ Lulju 2007.

Fil-każ ta’ prodotti tal-ħalib oħrajn, l-ammonti ta’ l-għajnuna għandhom jiġu deċiżi billi jkunu kkunsidrati l-komponenti tal-ħalib tal-prodotti konċernati."

5) L-Artikoli 16 sa 25 jiġu mħassra.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, fl-Artikolu 1, punt nru. 1 għandu jgħodd mill-1 ta’ April 2004; punt nru. 3 għandu jgħodd mill-1 ta’ Marzu 2004 u punt nru. 5 għandu jgħodd mill-1 ta’ Jannar 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-kumplessità tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Settembru 2003.

F’isem il-Kunsill

G. Alemanno

Il-President

[1] Opinjoni mogħtija fil-5 ta’ Ġunju 2003 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Ara paġna 123 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[3] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 509/2002 (ĠU L 79, tat-22.3.2002, p. 15).

[4] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------