Official Journal L 250 , 02/10/2003 P. 0017 - 0019
Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2003 li jemenda r-Regolament BĊE/2001/13 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2003/10) IL-KUNSILL REGOLATORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar il-ġbir ta' l-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew [1], partikolarment l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(4), Billi: (1) Ir-Regolament BĊE/2001/13 tat-22 ta' Novembru, 2001, dwar il-karta tal-bilanċikkonsolidata tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji [2] jeżiġi li d-data statistika kklassifikata skond il-pajjiż u l-valuta, l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFMi) jirrappurtawha kull trimestru. Madankollu, fil-preżent din id-data jeżiġiha biss dwar dawk l-Istati li jkunu Membri ta' l-Unjoni Ewropea (UE) meta jiġi addottat. Għalhekk għandu jiġi emendat biex l-obbligi tar-rappurtaġġ jiġu estiżi għal data dwar il-pajjiżi li se jissieħbu fl-UE fl-1 ta' Mejju, 2004. (2) Bħalissa, ħafna mid-data dwar il-pajjiżi msemmija hija x'aktarx insinifikanti. Il-benefiċċju li jirriżulta milli tidentifika separatament id-data insinifikanti x'aktarx ikun inqas mill-ispejjeż assoċjati mal-ġbir tagħha. B' konformita' mal-flessibbiltà li teżisti diġà u li hija permessa bir-Regolament BĊE/2001/13, fil-kalkulazzjoni tal-figuri ta' kull trimestru fejn wieħed jistà juri li d-data involuta aktarx ma tkunx sinifikanti minn figuri miġbura f'livell ogħla ta' aggregazzjoni, il-prinċipju tal-flessibbiltà għandu wkoll jiġi applikat fil-każ tar-rappurtaġġ ta' data ġdida. Għal dan il-għan, il-banek ċentrali nazzjonali jevalwaw regolarment jekk id-data hijiex sinifikanti jew le. (3) Ir-Regolament BĊE/2001/13 jeħtieġ isirulu emendi oħra minħabba l-kodifikazzjoni tar-Regolament BĊE/1998/15 ta' l-1 ta' Diċembru, 1998, dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi [3], ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament BĊE/2001/13 huwa emendat kif ġej: 1. Fl-Artikolu 4, qed tiżdied is-sentenza li ġejja mal-paragrafu 2: "B'referenza għall-paragrafi 6a u 7a ta' l-ewwel parti 1, is-sezzjoni IV ta' l-anness I, kull BĊN għandu jeżamina jekk id-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#", fit-tabelli 3 u 4 tat-tieni parti ta' l-anness I, hijiex insinifikanti, u għandu jinforma lill-aġenti tar-rappurtaġġ meta ma jkunx jeħtieġ li din tiġi rrappurtata." 2. L-Artikolu 5(2) huwa rrevokat. 3. L-Annessi I u V huma emendati skond l-Anness ma' dan ir-Regolament. 4. L-Anness II huwa emendat skond l-Anness ma' dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 1(1) u (3) għandu japplika mill-1 ta' Mejju, 2004. L-Artikolu 1(2) u (4) għandu japplika mill-10 ta' Marzu, 2004. Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Settembru, 2003. Għall-Kunsill Regolatorju tal-BĊE Willem F. Duisenberg [1] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 8. [2] ĠU L 333, tas-17.12.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament BĊE/2002/8 (ĠU L 330, tas-6.12.2002, p. 29). [3] ĠU L 356, tas-30.12.1998, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament BĊE/2002/3 (ĠU L 106, tat-23.4.2002, p. 9). -------------------------------------------------- ANNESS L-annessi I, II u V għar-Regolament BĊE/2001/13 huma emendati kif ġej: (1) L-anness I huwa emendat kif ġej: (a) L-ewwel parti, is-sezzjoni IV hija emendata kif ġej: (i) Jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej: "6a. L-aġenti tar-rappurtaġġ jirrappurtaw id-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mhux immarkati bis-simbolu "#" fit-tabella 3 tat-tieni parti. L-aġenti tar-rappurtaġġ jirrappurtaw ukoll id-data li għandha x' taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#". Madankollu, jekk il-figuri miġbura f'livell ogħla ta' aggregazzjoni juru li din id-data hija insinifikanti, il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li din tiġi rrappurtata. Kull BĊN jinforma lill-aġenti tar-rappurtaġġ b'din id-deċiżjoni." (ii) Jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej: "7a. L-aġenti tar-rappurtaġġ jirrappurtaw id-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mhux immarkati bis-simbolu "#" fit-tabella 4 tat-tieni parti. L-aġenti tar-rappurtaġġ jirrappurtaw ukoll id-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#". Madankollu, jekk il-figuri miġbura f'livell ogħla ta' aggregazzjoni juru li din id-data hija insinifikanti, il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu biex ma jitolbux li din tiġi rrappurtata. Kull BĊN jinforma lill-aġenti tar-rappurtaġġ b'din id-deċiżjoni." (iii) Jiżdied il-paragrafu 9a li ġej: "9a. Meta d-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#" hija insinifikanti imma l-BĊNi xorta jiġbruha, din tistà tintbagħat mill-BĊNi lill-BĊE b'dewmien ta' xahar ieħor mill-egħluq tan-negozju fit-28 jum ta' xogħol li jiġi wara t-tmiem tat-trimestru li miegħu din id-data jkollha x'taqsam. Huma l-BĊNi li jiddeċiedu meta jkollhom bżonn jirċievu d-data mill-aġenti tar-rappurtaġġ biex ikunu jistgħu jissodisfaw din l-iskadenza." (b) It-tieni parti hija emendata kif ġej: (i) Fit-tabella 3 (Klassifikazzjoni skond il-pajjiż): - Taħt l-intestatura "B. Stati Membri parteċipanti oħra (i.e. eskluż is-settur domestiku) + parti minn Ċ. Il-bqija tad-dinja (Stati Membri)", il-kolonni huma mdaħħla biex jirrappreżentaw kull pajjiż li se jissieħeb fl-UE fl-1 ta' Mejju, 2004. Kull kaxxa f'kull waħda mill-kolonni msemmija hija mmarkata bis-simbolu "#". - Fl-intestatura ta' l-aħħar kolonna, il-kliem "(esklużi l-Istati Membri)" huma mibdula b' "(esklużi DK, SE, GB)". - Tiżdied in-"Nota Ġenerali" li ġejja mat-tabella: "Jekk il-figuri miġbura f'livell ogħla ta' aggregazzjoni juru li d-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#" hija insinifikanti, il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li din tiġi rrappurtata." (ii) Fit-tabella 4 (Klassifikazjoni skond il-valuta): - Taħt l-intestatura "Il-valuta ta' Stati Membri oħra", jiddaħħlu kolonni biex jirrappreżentaw kull pajjiż li se jissieħeb fl-UE fl-1 ta' Mejju, 2004. Kull kaxxa f'kull waħda minn dawn il-kolonni msemmija hija mmarkata bis-simbolu "#". - L-ewwel filliera tinbidel b'dan li ġej: "ELEMENTI FIL-KARTA TAL-BILANC | Il-valuti kollha flimkien | Ewro | Il-valuta ta' Stati Membri oħra | Valuti oħra | [Kaxxi li jirrappreżentaw il-valuta ta' kull Stat Membru] | Total | USD | JPY | CHF | Il-valuti li jifdal flimkien | (…) | - Tiżdied in-"Nota Ġenerali" li ġejja mat-tabella: "Jekk il-figuri miġbura f'livell ogħla ta' aggregazzjoni juru li d-data li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#" huma insinifikanti, il-BĊNi jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li din tiġi rrappurtata." (2) Fl-anness II, l-ewwel parti 1, il-paragrafu 2, jitħassar il-kliem "(xahar wieħed)". (3) Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin, 1a, 1b u 2a, fl-anness V: "1a. Minkejja l-paragrafu 1, l-ewwel rappurtaġġ skond dan ir-Regolament li għandu x'jaqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#" jibda bid-data ta' kull trimestru għall-perjodu li jispiċċa f'Ġunju 2004. 1b. Jekk il-BĊN relevanti jiddeċiedi li ma jitlobx l-ewwel rappurtaġġ tad-data insinifikanti li jibda bid-data ta' kull trimestru għall-perjodu li jispiċċa f'Ġunju 2004, ir-rappurtaġġ jibda 12-il xahar wara li jinforma lill-aġenti tar-rappurtaġġ li d-data tkun meħtieġa. 2a. Għall-ewwel 12-il xhar li tkun rrappurtata, id-data sinifikanti li għandha x'taqsam mal-kaxxi mmarkati bis-simbolu "#" tista' tiġi rrappurtata lill-BĊE, b'dewmien ta' xahar ieħor mill-egħluq tan-negozju fit-28 jum ta' xogħol li jiġi wara t-tmiem tat-trimestru li miegħu jkollha x'taqsam din id-data. Huma l-BĊNi li jiddeċiedu meta jkollhom bżonn li jirċievu d-data mill-aġenti tar-rappurtaġġ biex ikunu jistgħu jissodisfaw din l-iskadenza." --------------------------------------------------