32003R1486



Official Journal L 213 , 23/08/2003 P. 0003 - 0006


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1486/2003

tat-22 ta' Awwissu 2003

li jistabbilixxi proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili [1], u b'mod partikolari Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1) Sabiex tkun monitorata l-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 il-Kummissjoni għandha tmexxi spezzjonijiet li jibdew minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament. L-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet taħt is-supervizjoni tal-Kummissjoni hi meħtieġa sabiex tkun verifikata l-effettivita' ta' programmi nazzjonali li jikkontrollaw il-kwalita' tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili.

(2) Il-Kummissjoni għandha tikkoordina ma' l-Istati Membri l-iskeda u l-preparazzjoni ta' l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-gruppi ta' spezzjoni għandhom jinkludu awdituri nazzjonali kwalifikati li jkunu provduti mill-Istati Membri.

(3) L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu skond proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard.

(4) L-informazzjoni sensittiva li għandha x' taqsam ma' l-ispezzjonijiet għandha tkun meqjusa bħala informazzjoni klassifikata.

(5) Il-Kummissjoni għandha tqis l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u teżamina l-attivitajiet, proċeduri, programmi ta' tħarrig u faċilitajiet ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi sabiex isir l-aktar użu effiċjenti ta' tagħrif u rizorsi tekniċi, u sabiex jinkiseb metodu armonizzat u ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili, kull fejn ikun possibli.

(6) Il-miżuri provduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit milArtikolu 9(1) tar- Regolament (KE) Nru 2320/2002,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Il-KAPITOLU I SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabilixxi l-proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni sabiex tkun iċċekjata l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' Regolament (KE) Nru 2320/2002 fuq il-livell ta' kull Stat Membru u kull ajruport individwali.

L-ispezzjonijiet għandhom jitmexxew b'mod trasparenti, effettiv, armonizzat u konsistenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijet li ġejjin għandhom japplikaw:

1. "awtorita' xierqa" tfisser l-awtorita' nazzjonali maħtura minn Stat Membru skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002;

2. "Spezzjoni tal-Kummissjoni" tfisser eżaminazzjoni minn spetturi tal-Kummissjoni ta' kontrolli ta' kwalita' eżistenti u miżuri, proċeduri u strutturi ta' sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili sabiex tkun determinata il-konformita' mar- Regolament (KE) Nru 2320/2002;

3. "Spettur tal-Kummissjoni" tfisser persuna li ghandha kwalifiki xierqa impjegata mill-Kummissjoni jew awditur nazzjonali ikkummissjonat mill-Kummissjoni sabiex imexxi spezzjonijiet dwar is-sigurta' fl-avjazzjoni ċivili;

4. "Kumitat" tfisser il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 9(1) ta' Regolament (KE) Nru 2320/2002;

5. "Nuqqas" ifisser nuqqas ta' konformita' mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2320/2002;

6. "Awditur nazzjonali" tfisser persuna mpjegata minn Stat Membru u kwalifikata bħala awditur tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili skond l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1217/2003 [2];

7. "Eżami" tfisser prova ta' miżuri tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili, fejn l-intenzjoni biex tigi kommessa azzjoni kontra l-liġi tigi simulata sabiex tkun eżaminata l-effiċjenza fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurta' eżistenti.

Il-KAPITOLU II REKWIŻITI ĠENERALI

Artikolu 3

Kooperazzjoni ta' l-Istati Membri

1. Mingħajr preġudizzju lejn ir-responsabilitajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tax-xogħolijiet tagħha ta' spezzjoni. Din il-kooperazzjoni għandha tkun effettiva matul il-fażijiet ta' preparazzjoni, kontroll u rappurtagg.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li n-notifikazzjoni ta' spezzjoni tinżamm kunfidenzjali sabiex ikun żgurat li l-proċess ta' spezzjoni ma jkunx kompromess.

Artikolu 4

Eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu kapaċi jeżerċitaw l-awtorita' tagħhom li jispezzjonaw l-attivitajiet ta' sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili ta' l-awtorita' xierqa taħt Regolament (KE) Nru 2320/2002 u ta' kwalunkwe entita' oħra suġġetta għal dan ir-Regolament.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li, meta ssir talba, spetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha li ġejja:

(a) il-programm nazzjonali fuq is-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili, inkluż il-programm nazzjonali ta' taħriġ fuq is-sigurta ta' l-avjazzjoni ċivili;

(b) il-programm nazzjonali fuq il-kontroll tal-kwalita' tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili;

(ċ) programmi jdentifikati ta' sigurta' fl-ajruport u trasportaturi ta' l-ajru;

(d) ir-riżultati ta' verifiki msemmija fl-Artikolu 7(1) ta' Regolament (KE) Nru 2320/2002.

3. Kull fejn spetturi tal-Kummissjoni jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, l-Istati Membri konċernati għandhom juzaw kwalunkwe mezz fil-limiti tas-setgħat legali tagħhom biex jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dmirijiet kollha tagħha.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni t'awdituri nazzjonali f'ispezzjonijiet tal-Kummissjoni

1. L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni awdituri nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem f'ispezzjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll fil-fażijiet preparatorji u ta' rappurtagg relatati.

2. Awditur nazzjonali m'għandux jipparteċipa fi spezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istat Membru fejn hu impjegat.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'lista ta' awdituri nazzjonali li l-Kummissjoni tista' titlob sabiex jipparteċipaw f'ispezzjoni tal-Kummissjoni.

Dik il-lista għandha tkun aġġornata, ta' l-anqas sa l-aħħar ta' Ġunju ta' kull sena, u għall-ewwel darba fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Kumitat il-listi msemmija fil-paragrafu 3.

5. Il-Kummissjoni għandha, minn ta' l-anqas xahrejn qabel l-ispezzjoni tal-Kummissjoni tkun ser tibda, titlob mingħand l-awtorita' xierqa informazzjoni dwar id-disponibbilita' ta' awdituri nazzjonali għat-tmexxija ta' dik l-ispezzjoni.

6. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta' l-awdituri nazzjonali fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom, skond ir-Regoli tal-Komunita', jitħallsu mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Kriterji ta' kwalifika għal spetturi tal-Kummissjoni

1. Sabiex wieħed jikkwalifika għal spezzjoni tal-Kummissjoni, spetturi tal-Kummissjoni għandhom ikunu lestew b'suċċess it-taħriġ meħtieġ.

Dan it-taħriġ għandu:

(a) jkun akkreditat mill-Kummissjoni;

(b) jkun inizjali u rikorrenti;

(ċ) jiżgura livell ta' andament xieraq għall-iskop li jigi kkontrollat jekk miżuri ta' sigurta' jkunux implimentati skond Regolament (KE) Nru 2320/2002.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li spetturi tal-Kummissjoni jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu I u li jkollhom biżżejjed esperjenza fit-teorija u fil-pratika.

Il-KAPITOLU III PROĊEDURI GĦALL-KONDOTTA TA' SPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 7

Notifikazzjoni ta' spezzjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tavża ta' l-anqas xahrejn qabel spezzjoni lill-awtorita' xierqa li tkun sa ssir fit-territorju tagħha.

2. Meta ajruport ikun ser jiġi spezzjonat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtorita' xierqa skond il-kaz.

3. Meta jingħata avviż ta' spezjoni lill-awtorita' xierqa, il-Kummissjoni għandha tikkomunika kwestjonarju ta' qabel l-ispezzjoni, sabiex jintela' mill-awtorita' xierqa, u talba għad-dokumenti enumerati fl-Artikolu 4(2).

Il-kwestjonarju mitmum u d-dokumenti mitluba għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-irċevuta ta' l-avviż ta' spezzjoni.

Artikolu 8

Preparazzjoni ta' spezzjonijiet

1. Spetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu attivitajiet ta' preparazzjoni sabiex jiżguraw effiċjenza, akkuratezza u konsistenza fl-ispezzjonijiet.

2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorita' xierqa bl-ismijiet ta' l-ispetturi tal-Kummisjoni li jkunu kummissjonati sabiex iwettqu spezzjoni, u dettalji oħra kif xieraq.

3. Għal kull spezzjoni l-awtoritàxierqa għandha taħtar koordinatur li għandu jieħu ħsieb li jagħmel l-arranġamenti prattiċi assoċjati ma' l-attivita' ta' spezzjoni li tkun ser issir.

Artikolu 9

Tmexxija ta' spezzjonijiet

1. Gϋandha tintuża metodoloġija standard sabiex tkun verifikata l-konformita' mar-rekwiżiti tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu akkompanjati il-ħin kollu matul l-ispezzjoni.

3. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iġorru karta ta' l-identita' li tawtorizza spezzjonijiet f'isem il-Kummissjoni u karta t'identifikazzjoni tal-ajruport li tippermetti aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta' l-ispezzjoni.

4. L-eżamijiet għandhom isiru biss wara notifikazzjoni bil-quddiem u ftehim, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-awtorita', sabiex ikunu żgurati s-sigurta', is-saħħa u l-effettivita' tagħhom.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, kull fejn ikun xieraq u prattikabbli, jagħtu taqsira informali orali tas-sejbiet tagħhom fuq il-post. F'kull każ, l-awtorita' xierqa għandha tkun informata mill-ewwel dwar in-nuqqasijiet serji kollha jdentifikati minn spezzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Rapport ta' spezzjoni

1. Fi żmien sitt xhur mit-tmiem ta' spezzjoni, gϋandu jiġi komunikat rapport ta' spezzjoni mill-Kummissjoni lill-awtorita' xierqa.

L-awtorita' xierqa għandha twassal is-sejbiet relevanti lill-entitajiet spezjonati.

2. Ir-rapport għandu jidentifika s-sejbiet stabbiliti matul l-ispezzjoni u n-nuqqasijiet.

Ir-rapport jista' jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju.

3. Meta tkun qedha tiġi stmata l-implimentazzjoni ta' Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-klassifikazzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) konformi totalment;

(b) konformi, iżda titjib hu mixtieq;

(ċ) mhux konformi, b'nuqqasijiet minimi;

(d) mhux konformi, b'nuqqasijiet serji;

(e) ma japplikax;

(f) mhux konfermat.

Artikolu 11

Risposta ta' l-awtorita' xierqa

Fi żmien tliet xhur tad-data ta' meta jintbagħat ir-rapport ta' spezzjoni, l-awtorita' xierqa għandha tissottometti bil-miktub lill-Kummissjoni risposta għar-rapport li:

(a) jindirizza s-sejbiet u rakkomandazzjonijiet;

(b) tipprovdi pjan ta'azzjoni, li jispeċifika azzjonijiet u żminijiet stipulati, sabiex ikunu rimedjati kwalunkwe nuqqasijiet identifikati.

Fejn ir-rapport ta' spezzjoni ma jidentifika l-ebda nuqqasijiet, l-ebda risposta ma' għanda tkun meħtiega.

Artikolu 12

Azzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe minn dawn il-passi li ġejjin f'każ ta' nuqqasijiet u wara li tirċievi risposta mill-awtorita' xierqa:

(a) tissottometti kummenti lill-awtorita' xierqa jew titlob spjegazzjoni ulterjuri sabiex tiċċara r-risposta kollha jew parti minnha;

(b) twettaq kontrolli wara l-ispezzjoni sabiex tivverifika l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni ta' rimedju, il-perjodu minimu ta' avviż ta' dawn il-kontrolli għandu jkun ta' ġimgħatejn;

(ċ) tibda proċedura ta' infrazzjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru kkonċernat.

Il-KAPITOLU IV DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 13

Informazzjoni sensittiva

Mingħajr preġudizzju lejn l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni għandha tittratta materjal sensittiv relatat ma dawn l-ispezzjonijiet bħala informazzjoni klassifikata.

Artikolu 14

Programm ta' spezzjoni tal-Kommissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tieħu parir mill-Kumitat dwar il-prioritajiet għall-implimentazzjoni tal-programm ta' spezzjoni tagħha.

2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' spezzjoni tagħha kif ukoll dwar ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet.

Artikolu 15

Informazzjoni lill-awtoritajiet xierqa dwar nuqqasijiet serji

Jekk spezzjoni turi nuqqas serju li jkun meqjus li għandhu impatt serju fuq il-livell ġenerali tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili fil-Komunita', il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-awtoritajiet xierqa.

Artikolu 16

Koordinazzjoni ma' organizzazzjonijiet intergovernattivi

Meta tippjana l-programm ta' spezzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra il-verifiki ta' sigurta' ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi li jkunu ippjanati jew li jkunu saru recentement sabiex tkun żgurata l-effettivita' ġenerali tad-diversi spezzjonijiet ta' sigurta' u l-attivitajiet ta' verifika.

Artikolu 17

Revizjoni

Sal-31 ta' Lulju 2005 u b'mod regolari minn hemm il' quddiem il-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sistema ta' spezzjonijiet tagħha, u b'mod partikolari l-effettivita' ta' dik is-sistema u l-konsistenza tagħha ma' l-attivitajiet ta' organiazzjonijiet intergovernattivi f'dan il-qasam.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Awwissu 2003.

Għall-Kummisjoni

Loyola De Palacio

Viċi-President

[1] ĠU L 355, tat-30.12.2002, p. 1.

[2] ĠU L 169, tat-8.7.2003, p. 44.

--------------------------------------------------