32003R1452



Official Journal L 206 , 15/08/2003 P. 0017 - 0021


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1452/2003

ta’ l-14 ta’ Awissu 2003

li jżomm id-deroga pprovvduta fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 rigward ċerti speċji ta’ żerriegħa u ta’ materjal veġetattiv tal-propagazzjoni u li jistabbilixxi regoli proċedurali u kriterji li għandhom x’ jaqsmu ma’ din id-deroga

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2003 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jipprovdi deroga li biha l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, matul perjodu transitorju taż-żmien li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2003, l-użu fil-produzzjoni organika taż-żerriegħa u tal-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni mhux prodotti bil-metodu organiku, meta l-produtturi ma jkunux kapaċi jiksbu l-materjal tal-propagazzjoni bil-metodu tal-produzzjoni organika.

(2) Il-leġislazzjoni Komunitarja rigward ir-rilevanza taż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni tapplika wkoll skond l-Artikolu3 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

(3) Iż-żamma tal-bijodiversità hija pronċipju importanti fil-biedja organika u għandu għalhekk jiġi żgurat illi l-bdiewa jkollhom firxa kbira ta’ varjetajiert imnissla bil-kultivazzjoni u varjetajiet minn fejn jagħżlu, inklużi l-varjietajiet imnissla bil-kultivazzjoni u varjietajiet lokali.

(4) Huwa ċar illi għal ċerti speċji imkabbra ġewwa l-Komunità, mhux sejjer ikun hemm ammonti adegwati ta’ żerriegħa u ta’ materjal veġetattiv għall-propagazzjoni prodotti b’mod organiku disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2003.

(5) Huwa għalhekk meħtieġ illi tinżamm il-possibbiltà li jintużaw iż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv għall-propagazzjoni mhux miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika jekk ma jkunx possibbli li jinkisbu ż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv bil-metodu tal-produzzoni organika.

(6) Għall-ispeċji li għalihom irid ikun hemm disponibbli ammonti adegwati ta’ żerriegħa u ta’ materjal veġetattiv għall-propogazzjoni prodotti b’mod organiku ta’ numru sinifikanti ta’ varjetajiet għandu jkun possibbli li jintużaw iż-żerriegħa jew il-materjal veġetattiv għall-propagazzjoni mhux miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita lista ta’ l-ispeċji esklużi mill-iskop tad-deroga.

(7) L-applikazzjoni tad-deroga rigward il-materjal veġetattiv għall-propagazzjoni, għajr il-patata taż-żrigħ, għandha taqa’ taħt id-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, sakemm ikunu jistgħu jiġu adottati l-kriterji xierqa fil-livell Komunitarju.

(8) Huwa importanti li l-provvista u d-domanda għaż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv tal-propagazjoni prodotti bil-metodu tal-produzzjoni organika jsiru iktar trasparenti sabiex jistimulaw il-produzzjoni u l-użu miżjuda taż-żerriegħa u tal-materjal veġettattiv tal-propagazzjoni prodotti b’dan il-metodu.

(9) Kull wieħed mill-Istati Membri għandu għalhekk jiżgura illi jiġi stabbilit database li fih ikunu jistgħu jiġu rreġistrati ż-żerriegħa u l-patata taż-żrigħ prodotti bil-metodu tal-produzzjoni organika u li jirrispetta l-kriterji ġenerali tal-produzzjoni taż-żerriegħa u tal-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni, u jsir disponibbli għall-utenti. F’dan il-kuntest, u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-tagħrif, huwa xieraq li jiġi żviluppat mudell armonizzat għall-formola tar-reġistrazzjoni li trid tintuża mill-fornitur taż-żerriegħa għar-reġistrazzjoni taż-żerriegħa u tal-patata taż-żrigħ fid-database.

(10) Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar il-konċessjoni ta’ l-awtorizzazzjnijiet min-naħa tiegħu, għall-informazzjoni ta’ dawk kollha li għandhom interessi fix-xogħol, ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

(11) Is-sistema għandha tiġi eżaminata mill-ġdid bir-reqqa wara l-ewwel sentejn ta’ l-esperjeza sabiex jiġi stmat safejn u sakemm iż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni prodotti b’mod organiku intużaw mill-bdiewa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-opportunità li tiżviluppa database fil-livell Komunitarju.

(12) Il-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Iż-żamma tad-deroga

1. Id-deroga pprovvduta fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, skond liema l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu taż-żerriegħa jew tal-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni li ma jinkisbux bil-metodu tal-produzzjoni organika, bla ħsara għall-kondizzjonijiet iddikjarati f’ dan l-Artikolu, tinżamm sal-31 ta’ Diċembru 2003 rigward l-ispeċji mhux elenkati fl-Anness ma dan ir-Regolament.

Għall-applikazzjoni tad-deroga li tirrigwarda ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ imsemmija fl-ewwel subparagrafu, ir-regoli proċedurali u l-kriterji huma ddikjarati fl-Artikoli minn 3 sa 14.

2. L-ispeċji li ghalihom huwa stabbilit, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, illi ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ prodotti organikament huma disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u għal numru sinifikanti ta’ varjetajiet fil-partijiet kollha tal-Komunità huma ddikjarati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

L-ispeċji ddikjarati fl-Anness mhumiex intitolati għall-awtorizzazzjonijiet skond id-deroga imsemmija fil-paragrafu 1 għajr jekk iġġustifikati b’wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(d).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a) għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (KEE) Nru 2092/91;

(b) "fornitur" ifisser operatur li jqiegħed fis-suq iż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ lil operturi oħra.

IL-KAPITOLU II

APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Artikolu 3

L-użu taż-żerriegħa jew tal-patata taż-żrigħ mhux meħuda bil-metodu tal-produzzjoni organika

L-Istati Membri jistgħu, skond il-proċedura ddikjarata fl-Artikolu 5, jawtorizzaw l-użu taż-żerriegħa jew tal-patata taż-żrigħ mhux miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika, sakemm iż-żerriegħa u l-patata taż-żrigħ:

(a) ma jkunux ittrattati bil-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti, għajr dawk aċċettati għat-trattament taż-żerriegħa fil-parti B ta’ l-Anness II mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, għajr jekk it-trattament kimiku ikun stabbilit skond id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE [3] għall-għanijiet fitosanitarji mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għal-varjetajiet kollha ta’ speċje mgħotija fiż-żona fejn ikunu sejrin jintużaw iż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ, u

(b) huma prodotti mingħajr l-użu ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u/jew kull prodott ieħor idderivat minn dawn l-organiżmi.

Artikolu 4

L-awtoritajiet jew il-korpi responsabbli mill-konċessjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet

L-awtoritajiet jew il-korpi ta’ l-ispezzjon imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huma responsabbli mill-konċessjoni ta’ l-awtorizzazzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti, għajr jekk l-Istat Membru jinnomina awtoritajiet jew korpi oħra ssorveljati mill-Istat Membru intertessat.

Artikolu 5

Il-kondizzjonijiet għall-konċessoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet

1. L-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw iż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ mhux miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika jistgħu jiġu konċessi biss fil-każijiet li ġejjin:

(a) jekk l-ebda varjetà ta’ l-ispeċji li l-utent irid jikseb ma tkun irreġistrata fid-database ipprovvdut fl-Artikolu 6;

(b) jekk l-ebda fornitur ma jkun kapaċi jikkunsinna ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ qabel iż-żrigħ jew it-tħawwil f’sitwazzjonijiet meta l-utent ikun ordna ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ fi żmien raġjonevoli;

(ċ) jekk il-varjetà li l-utent irid jikseb ma tkunx irreġistrata fid-database, u l-utent ikun kapaċi juri illi l-ebda waħda mill-alternattivi rreġistrati ta’ l-istess speċji ma hija xierqa u illi għalhekk l-awtorizzazzjoni hija sinifikanti għall-produzzjoni tagħha;

(d) jekk ikun iġġustifikat għall-użu tar-riċerka, it-testijiet tal-provi fuq il-post fuq skala żgħira jew għall-għanijiet tal-konservazzjoni tal-varjetà mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.

2. L-awtrorizzazzjoni għandha tingħata qabel ma jinżera’ l-wiċċ.

3. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi konċessa biss lil utenti individwali fi staġun wieħed kull darba u l-awtorità jew il-korp responsabbli mill-awtorizzazzjoni għandhom jirreġistraw il-kwantitajiet taż-żerriegħa jew tal-patata taż-żrigħ awtorizzati.

4. Bħala deroga mill-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tista’ tikkonċedi lill-utenti kollha awtorizzazzjoni ġenerali

- għal speċje mogħtija meta u safejn u sakemm tiġi mwettqa l-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a), jew

- għal varjetà mogħtija meta u safejn u sakemm jiġu mwettqa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(ċ).

Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu indikati biċ-ċar fid-database.

5. Awtorizzazzjoni tista’ tiġi konċessa biss matul il-perjodi taż-żmien li għalihom id-database jiġi aġġornat skond l-Artikolu 7(3).

IL-KAPITOLU III

IR-REGOLI DWAR IR-REĠISTRAZZJONI TAŻ-ŻERRIEGĦA JEW TAL-PATATA TAŻ-ŻRIGĦ MIKSUBA BIL-METODU TAL-PRODUZZJONI ORGANIKA

Artikolu 6

Id-database

1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura illi jiġi stabbilit database ikkomputerizzat sabiex jiġu elenkati l-varjetajiet li għalihom ikunu disponibbli fit-territorju tiegħu ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/01.

2. Id-database għandu jiġi ġestit jew mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru jew minn awtorità jew korp innominati għal dan il-għan mill-Istat Membru, minn issa ‘l quddem imsemmija bħala "il-manager tad-database". L-Istati Membri jistgħu jinnominaw ukoll awtorità jew korp privat f’pajjiż ieħor.

3. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-awtorità jew il-korp privat li jkun innomina biex jiġġestixxi d-database.

Artikolu 7

Ir-Registrazzjoni

1. Il-varjetajiet li għalihom ikunu disponibbli ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ prodotti bil-metodu tal-produzzjoni organika għandhom jiġu rreġistrati fid-database fuq it-talba tal-fornitur.

2. Kull varjetà li ma tkunx ġiet irreġistrata fid-database għandha tiġi kkunsidrata mhux disponibbli rigward l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti.

3. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedu f’liema perjodu taż-żmien tas-sena d-database irid jiġi aġġornat regolarment għal kull speċje jew grupp ta’ speċji kkultivati fit-territorju tiegħu. Id-database għandu jżomm it-tagħrif dwar dan.

Artikolu 8

Il-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni

1. Rigward ir-reġistrazzjoni, il-fornitur irid ikun kapaċi:

(a) juri illi huwa jew l-aħħar operatur, fil-każijiet meta l-fornitur ikun qiegħed jittratta biss żerriegħa jew patata taż-żrigħ ippakkjati minn qabel, kienu bla ħsara għas-sistema ta’ l-ispezzjon imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2092/91;

(b) juri illi ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ li jridu jitqiegħdu fis-suq iħarsu l-ħtiġiet ġenerali li japplikaw għaż-żerriegħa u l-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni;

(ċ) jagħmel disponibbli t-tagħrif kollu meħtieġ taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, u jindaħal li jaġġorna t-tagħrif fuq it-talba tal-manager tad-database jew kulmeta jkun meħtieġ dan l-aġġornament sabiex jiġi żgurat illi t-tagħrif jibqa’ ta’ min joqgħod fuqu.

2. Il-manager tad-database jista’ , bl-approvazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, jirrifjuta l-applikazzjoni ta’ fornitur għar-reġistrazzjoni jew iħassar reġistrazzjoni diġà aċettata jekk il-fornitur ma jikkonformax mal-ħtiġiet iddikjarati fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

It-tagħrif irreġistrat

1. Għal kull waħda mill-vajetajiet irreġistrati u għal kull wieħed mill-fornituri, id-database għandu jkun fih it-tagħrif li ġej:

(a) l-isem xjentifiku ta’ l-ispeċje u d-denominazzjoni tal-varjetà;

(b) l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-fornitur jew ir-rappreżentant tiegħu

(ċ) iż-żona fejn il-fornitur jista’ jikkunsinna ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ lill-utent fiż-żmien tas-soltu meħtieġ għall-kunsinna;

(d) il-pajjiż jew ir-reġjun li fihom il-varjetà tiġi ttestjata u approvata għall-għan tal-katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ l-ispeċji tal-pjanti agrikoli u l-ispeċji tal-ħxejjex ta’ l-ikel;

(e) id-data li minnha ż-żerriegħa jew il-patata taż-żrigħ ikunu disponibbli;

(f) l-ismijiet u/jew in-numri tal-kodiċi ta’ l-awtorità jew il-korp responsabbli mill-ispezzjon ta’ l-operatur kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

2. Il-fornitur għandu jgħarraf minnufih lill-manager tad-database b’kull varjetà rreġistrata li ma tibqax disponibbli iktar. L-emendi għandhom jiġu rreġistrati fid-database.

3. Minbarra t-tagħrif speċifikat fil-paragrafu 1, id-database għandu jkun fih lista ta’ l-ispeċji elenkati f’dan l-Anness.

Artikolu 10

L-aċċess għat-tagħrif

1. It-tagħrif fid-database għandu jsir disponibbli permezz ta’ l-Internet, mingħajr ħlas, lill-utenti taż-żerriegħa jew tal-patata taż-żrigħ u lill-pubbliku. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu illi l-utenti li jkunu rreġistrati skond l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandhom jiksbu, fuq talba, estratt ta’ l-informazzjoni li tirrigwarda grupp ta’ speċje jew numru minnhom mingħand il-manager tad-database.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-utenti li jkunu rreġistrati skond l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ikunu mgħarrfa, mill-inqas darba fis-sena, dwar is-sistema u kif jiksbu t-tagħrif fid-database.

Artikolu 11

Il-ħlas tar-reġistrazzjoni

Kull waħda mir-reġistrazzjonijiet tista’ tkun soġġetta għal ħlas, li għandu jirrappreżenta l-ispiża ta’ l-introduzzjoni u ż-żamma tat-tagħrif fid-database. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandha tapprova l-ħlas prattikat mill-manager tad-database.

IL-KAPITOLU IV

IR-RAPPORT U D-DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Ir-rapport annwali

1. L-awtoritajiet jew il-korpi nnominati sabiex jikkonċedu l-awtorizzazzjonijiet skond l-Artikolu 4 għandhom jirreġistraw l-awtorizzazzjonijiet, u għandhom jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli f’rapport lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru u lill-manager tad-database.

Ir-rapport għandu jkun fih it-tagħrif li ġej għal kull speċje interessata b’awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 5(1):

(a) l-isem xjentifiku ta’ l-ispeċje u d-denominazzjoni tal-varjetà;

(b) il-ġustifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni indikata b’referenza għall-Artikolu 5(1)(a), (b), (ċ) jew (d);

(ċ) in-numru totali ta’ l-awtorizzazzjonijiet;

(d) il-kwantità totali taż-żerriegħa jew tal-patata taż-żrigħ involuti;

(e) it-trattament kimiku għall-għanijiet fitosatinarji, kif imsemmi fl-Artikolu 3(a).

2. Għall-awtorizzazzjonijiet skond l-Artikolu 5(4) ir-rapport għandu jkun fih it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 (a) u l-perjodu taż-żmien li għalih l-awtorizzazzjonijiet kienu fis-seħħ.

Artikolu 13

Ir-rapport sommarju

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandha, qabel il-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, tiġbor ir-rapporti u tibgħat rapport sommarju li jkopri l-awtorizzazzonijiet kollha ta’ l-Istat Membru mis-sena kalendarja ta’ qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Ir-rapport għandu jkopri t-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 12. It-tagħrif għandu jiġi ppubblikat fid-database. L-awtorità kompetenti tista’ tiddelega l-kompitu tal-ġbir tar-rapporti lill-manager tad-database.

Artikolu 14

It-tagħrif fuq talba

Fuq it-talba minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni, għandu jsir disponibbli lill-Istati Membri l-oħra jew lill-Kommissjoni t-tagħrif dwar l-awtorizzazzjonijiet konċessi f’każijiet individwali.

Artikolu 15

Ir-reviżjoni

Qabel il-31 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni trid teżamina d-disponibbiltà u l-użu taż-żerriegħa jew tal-materjal veġetattiv tal-propagazzjoni miksuba bil-metodu tal-produzzjoni organika u l-implimentazzjoni effettiva tar-regolament preżenti u trid, jekk meħtieġ, tagħmel l-emendi xierqa.

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta’ Awissu 2003.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 198, tat-22.7.1991, p. 1.

[2] ĠU L 85, tat-2.4.2003, p. 15.

[3] ĠU L 169, tal-10.7.2000, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tinvestiga din il-kwistjoni ma’ l-Istati Membru sabiex tistabbilixxi lista ta’ l-ispeċji li jridu jiġu inklużi fl-Anness, skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

--------------------------------------------------