Official Journal L 168 , 05/07/2003 P. 0013 - 0013
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2003 ta’ l-4 ta’ Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 753/2002 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fir-rigward tad-deskrizzjoni, tismija, preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċertu prodotti tas-settur ta’ l-għeneb IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 [2], u partikolarment l-Artikolu 80(b) ta’ dan, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 [3], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2086/2002 [4], jistabbilixxi l-1 ta’ Awissu 2003 bħala d-data li minnha għandha japplika sabiex l-operaturi ekonomiċi fis-settur ta’ l-inbid u l-awtoritajiet nazzjonali konċernati jitħallilhom żmien biżżejjed biex jippreparaw għar-regoli ġodda ta’ tikkettjar stabbiliti f’dak ir-Regolament. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 753/2002 jipprovdi għall-perjodu transitorju sal-1 ta’ Awissu 2003 li matulu l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkomplu jużaw tikketti u materjal ta’ ippakkjar minn qabel li juru partikolaritajiet li kienu stampati skond id-dispożizzjonijiet applikabbli meta kienu mqegħda fiċ-ċirkolazzjoni iżda li ma humiex aktar konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 753/2002. (3) Wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali konċernati u bejn dawk l-awtoritajiet u l-kummerċ, huwa meħtieġ li jittawwal il-perjodu transitorju sa l-1 ta’ Frar 2004 sabiex l-operaturi ekonomiċi jitħallew jużaw tikketti u materjal ta’ ippakkjar minn qabel li jħares id-dispożizzjonijiet preċedenti. (4) Ir-Regolament (KE) Nru 753/2002 għandu jiġi emendat skond ma ntqal hawn fuq. (5) Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Inbid, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L- Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 753/2002 huwa b’dan emendat kif ġej: It-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 47(1) huwa mibdul b’dan li ġej: "Tikketti u materjal ta’ ippakkjar minn qabel li juru partikolaritajiet li kienu stampati skond id-dispożizzjonijiet applikabbli sad-data li jiġi fis-seħħ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jiġu wżati sa l-1 ta’ Frar 2004." L- Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tieghu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-4 ta’ Lulju 2003. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 179, 14.7.99, p. 1. [2] ĠU L 122, 16.5.3, p. 1. [3] ĠU L 118, 4.5.2, p. 1. [4] ĠU L 321, 26.11.2, p. 8. --------------------------------------------------