32003R0694



Official Journal L 099 , 17/04/2003 P. 0015 - 0021


Regolament tal-kunsill (KE) Nru 694/2003

ta' l-14 ta' April 2003

dwar il-format uniformi tad-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat (FTD) u tad-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat bil-Ferrovija (FRTD) previsti fir-Regolament (KE) Nru 693/2003

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Biex tkun ippreparata l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda, il-Komunità għandha tieħu in konsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi, li jistgħu jitfaċċaw bħala riżultat tat-tkabbir u tistabbilixxi l-leġislazzjoni relevanti biex b'hekk tevita problemi fil-futur fir-rigward tal-qsim tal-fruntiera esterna.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 [3] jistabbilixxi Dokument dwar it-Transitu Faċilitat (FTD) u Dokument dwar it-Transitu Faċilitat bil-Ferrovija(FRTD) għall-każ ta' transitu speċifiku fuq l-art ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom bżonn jaqsmu t-territorju ta' wieħed jew aktar Stati Membri biex b'hekk jivvjaġġaw bejn żewġ partijiet tal-pajjiż tagħhom li mhumix ġeografikament kontigwi. Format uniformi għal dawn id-dokumenti għandhom ikunu stabbiliti.

(3) Dawn il-format uniformi għandhu jkun fihom l-informazzjoni kollha neċessarja u għandhom jilħqu standards tekniċi għolja, partikolarment fir-rigward ta' salvagwardji kontra l-falsifikar. Dawn il-format għandhom ikunu wkoll xierqa biex jintużaw mill-Istati Membri kollha u għandu jkollhom karatteristiċi tas-sigurtà armonizzati li jintgħarfu b'mod universali li huma viżibli b'mod ċar.

(4) Il-poteri li jiġu adottati dawn l-i standards komuni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni, li għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżas [4].

(5) Biex ikun żgurat li l-informazzjoni in kwistjoni ma tkunx imxerrda aktar milli neċessarju, huwa wkoll essenzali li kull Stat Membru li joħroġ l-FTD/FRTD jinnomina entità waħda biex tistampa l-format uniformi għall-FTD/FRTD, filwaqt illi żżomm il-possibilità li tbiddel dik l-entità, jekk ikun neċessarju. Għal raġunijiet ta' sigurtà, kull wieħed minn dawn l-Istati Membri għandu jikkomunika l-isem ta' l-entità kompetenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(6) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikun adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżercizzju tal-poteri ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(7) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll fuq il-posizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress illi dan ir-Regolament ikompli jibni fuq ix-Schengen acquis skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' dan il-Protokoll, tiddeċidi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(8) Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet tax-Schengen acquis fis-sens tal-Ftehim konluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tax-Schengen acquis [6], li jaqgħu fil-qasam msemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċizjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 fuq ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [7].

(9) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet tax-Schengen acquis li r-Renju Unit ma jieħux sehem fih, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'ċerti disposizzjonijiet tax-Schengen acquis [8]; għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(10) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet tax-Schengen acquis li l-Irlanda ma tieħux sehem fih, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'ċerti disposizzjonijiet tax-Schengen acquis [9]; għalhekk l-Irlanda mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(11) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq ix-Schengen acquis jew altrimenti relatat miegħu fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att dwar l-adeżjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Id-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat (FTD) maħruġa mill-Istati Membri kif msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 693/2003 għandhom ikunu prodotti fil-forma ta' format uniformi (stiker) u għandu jkollhom l-istess valur bħall-viżas tat-transitu. Għandhom ikunu konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2. Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat bil-Ferrovija (FRTD) maħruġa mill-Istati Membri kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 693/2003 għandhom ikunu prodotti fil-forma ta' format uniformi (stiker) u għandu jkollhom l-istess valur bħall-viżas tat-transitu. Għandhom ikunu konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1. Speċifikazzjonijiet tekniċi oħra għall-format uniformi għall-FTD u l-FRTD dwar dan li ġej għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2):

(a) karatteristiċi u ħtiġiet addizzjonali ta' sigurtà inklużi standards mtejjba kontra r-reat tal-falsifikazzjoni u l-falsifikar;

(b) proċessi u regoli tekniċi għall-mili ta' l-FTD/FRTD uniformi;

(ċ) regoli oħra li għandhom ikunu osservati għall-mili ta' l-FTD/FRTD uniformi.

2. Il-kuluri ta' l-FTD u l-FRTD uniformi jistgħu jiġu mibdula skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

1. L-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u m'għandhomx ikunu ppubblikati. Għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni biss ta' l-entitajiet nominati mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u għall-persuni awtorizzati b'mod xieraq minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

2. Kull Stat Membru li ddeċida li joħroġ l-FTD/FRTD għandu jinnomina entità waħda li jkollha r-responsabbilità li tistamphom. Għandu jikkomunika l-isem ta' dik l-entità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess entità tista' tkun innominata minn tnejn jew aktar Stati Membri għal din ir-raġuni. Kull Stat Membru għandu jkun intitolat li jbiddel l-entità nominata tiegħu. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b'dan.

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1683/95.

2. Fejn tkun magħmula referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

Artikolu 5

Mingħajr ħsara għar-regoli tal-protezzjoni tad-data, il-persuni li għalihom l-FTD u l-FRTD ikunu maħruġa għandu jkollhom id-dritt li jivverifikaw il-partikolari personali li jkunu jinsabu fl-FTD/FRTD u, fejn xieraq, li jkunu irranġati jew imħassra. L-ebda informazzjoni fil-forma li tinqara mill-magna m'għandha tkun inkluża fl-FTD u l-FRTD, sakemm ma jkunx previst fl-Annessi ta' dan ir-Regolament jew sakemm mhijiex imsemmija fid-dokument ta' l-ivvjaġġar relevanti.

Artikolu 6

L-Istati Membri li ddeċidew li jagħmlu dan għandhom joħorġu l-fomat uniformi għall-FTD u l-FRTD kif msemmi fl-Artikolu 1 mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-karatteristiċi u l-ħtiġiet addizzjonali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 2(1)(a).

Il-bżonn għall-inkorporazzjoni tar-ritratt msemmi fil-punt 2 ta' l-Anness I u l-punt 2 ta' l-Anness II jista' jkun determinat sa l-aħħar ta' l-2005.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta' April 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Giannitsis

[1] Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

[2] Opinjoni mogħtija fit-8 ta' April 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[4] ĠU L 164, ta' l-14.7.1995, pġ.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 334/2002 (ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 23).

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[7] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

[8] ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

[9] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

--------------------------------------------------

ANNESS I

DOKUMENT DWAR IT-TRANSITU FAĊILITAT (FTD)

Karatteristiċi tas-sigurtà

1. Apparat li hu ottikament varjabbli (OVD), li jipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà li mhux anqas mill-apparat użat fil-format kurrenti uniformi għall-viżas, għandu jidher f'dan l-ispazju. Skond l-angolu tal-vista, 12-il stilla, l-ittra "E" u globu għandhom ikunu viżibbli f'diversi daqsijiet u kuluri.

2. Ritratt integrat prodott skond standards għoljin tas-sigurtà.

3. Il-logo li jikkonsisti f'ittra jew ittri li jindika l-Istat Membru li qiegħed joħroġ dan id-dokument b'effett ta' immaġni li ma tidhirx mill-ewwel għandu jidher f'dan l-ispazju. Dan il-logo għandu jidher ċar meta' miżmum ċatt u skur meta' mdawwar b'90o. Il-logos għandhom jintużaw skond ir-Regolament (KE) Nru 1683/95.

4. Il-kelma "FTD" f'ittri kapitali għandha tidher fin-nofs ta' dan l-ispazju f'kulur ottikament varjabbli. Skond l-angolu tal-vista, għandha tidher ħadra jew ħamra.

5. Din il-kaxxa għandu jkun fiha n-numru ta' l-FTD, li għandu jkun stampat qabel u għandu jibda bl-ittra jew l-ittri li jindikaw il-pajjiż li qiegħed joħroġ dan id-dokument kif deskritt fil-punt 3. Tip speċjali għandu jkun użat.

Taqsimiet li għandhom ikunu mimlija

6. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "validu għal". L-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti għandha tindika t-territorju jew it-territorji li għalihom l-FTD huwa validu.

7. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "minn" u l-kelma "sakemm" għandha tidher aktar lil hemm matul il-linja. L-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti għandha hawnhekk tindika l-perjodu ta' validità ta' l-FTD.

8. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "numru ta' dħulijiet" u aktar lil hemm matul il-linja l-kliem "it-tul tat-transitu" u "ġranet" għandu jerġa jidher.

9. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "maħruġ fil-" u għandha tkun użata biex tindika il-post fejn inħareġ id-dokument.

10. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "fil-" (li warajha għandha timtela d-data ta' meta' inħareġ id-dokument mill-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti) u aktar lil hemm matul il-linja l-kliem "numru tal-passaport" għandhom jidhru (li warajhom għandu jidher in-numru tal-passaport tad-detentur).

11. Din il-kaxxa għandha tindika l-kunjom u l-isem tad-detentur.

12. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "rimarki". Għandha tintuża mill-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti biex tindika kull informazzjoni oħra, li hija kkunsidrata neċessarja, sakemm hija tħares l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament. Iż-żewġ linji u nofs li ġejjin għandhom jitħallew vojta għal dawn ir-rimarki.

13. Din il-kaxxa għandu jkun fiha l-informazzjoni relevanti li tinqara mill-magna biex tiffaċilita l-kontrolli fuq il-fruntiera esterna.

Il-karta m'għandix tkun ikkulurita (kulur abjad bażiku).

Il-kliem li jiddeskrivi l-kaxxi għandu jidher bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-lingwa ta' l-Istat li qed joħroġ id-dokument.

Mudell ta' l-FTD

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

DOKUMENT DWAR IT-TRANSITU FAĊILITAT BIL-FERROVIJA (FRTD)

Karatteristiċi tas-sigurtà

1. Apparat li hu ottikament varjabbli (OVD), li jipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà li mhux anqas mill-apparat użat fil-format kurrenti uniformi għall-viżas, għandu jidher f'dan l-ispazju. Skond l-angolu tal-vista, 12-il stilla, l-ittra "E" u globu għandhom ikunu viżibbli f'diversi daqsijiet u kuluri.

2. Ritratt integrat prodott skond standards għoljin tas-sigurtà.

3. Il-logo li jikkonsisti f'ittra jew ittri li jindika l-Istat Membru li qiegħed joħroġ dan id-dokumenti b'effett ta' immaġni li ma tidhirx mill-ewwel għandu jidher f'dan l-ispazju. Dan il-logo għandu jidher ċar meta' miżmum ċatt u skur meta' mdawwar b'90o. Il-logos għandhom jintużaw skond ir-Regolament (KE) Nru 1683/95.

4. Il-kelma "FTD" f'ittri kapitali għandha tidher fin-nofs ta' dan l-ispazju f'kulur ottikament varjabbli. Skond l-angolu tal-vista, għandha tidher ħadra jew ħamra.

5. Din il-kaxxa għandu jkun fiha n-numru ta' l-FTD, li għandu jkun stampat qabel u għandu jibda bl-ittra jew l-ittri li jindikaw il-pajjiż li qiegħed joħroġ id-dokument kif deskritt fil-punt 3. Tip speċjali għandu jkun użat.

Taqsimiet li għandhom ikunu mimlija

6. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "validu għal". L-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti għandha tindika t-territorju jew it-territorji li għalihom l-FTD huwa validu.

7. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "minn" u l-kelma "sakemm" għandha tidher aktar lil hemm matul il-linja. L-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti għandha hawnhekk tindika l-perjodu ta' validità ta' l-FTD.

8. F'din il-kaxxa għandu jkun dikkjarat "dħul u ritorn ta' darba" u aktar lil hemm matul il-linja l-kelma "siegħat".

9. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "maħruġ fil-" u għandha tkun użata biex tindika il-post fejn inħareġ id-dokument.

10. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "fil-" (fejn warajha għandha timtela d-data ta' meta' inħareġ id-dokument mill-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti) u aktar lil hemm matul il-linja l-kliem "numru tal-passaport" għandhom jidhru (li warajhom għandu jidher in-numru tal-passaport tad-detentur).

11. Din il-kaxxa għandha tindika l-kunjom u l-isem tad-detentur.

12. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "rimarki". Għandha tintuża mill-awtorità li toħroġ dawn id-dokumenti biex tindika kull informazzjoni oħra, li hija kkunsidrata neċessarja, sakemm hija tħares l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament Iż-żewġ linji u nofs li ġejjin għandhom jitħallew vojta għal dawn ir-rimarki.

13. Din il-kaxxa għandu jkun fiha l-informazzjoni relevanti li tinqara mill-magna biex tiffaċilita l-kontrolli fuq il-fruntiera esterna.

Il-karta m'għandix tkun ikkulurita (kulur abjad bażiku).

Il-kliem li jiddeskrivi l-kaxxi għandu jidher bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-lingwa ta' l-Istat li qed joħroġ id-dokument.

Mudell ta' l-FRTD

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------