Official Journal L 024 , 29/01/2003 P. 0002 - 0003
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu, Wara li kkonsidra l-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/960/CFSP ta' l-10 ta' Diċembru 2002 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra s-Somalja [1], Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Fit-23 ta' Jannar 1992 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta riżoluzzjoni 733 (1992), li timponi embargo ġenerali u komplet fuq il-kunsinni kollha ta' armi u apparat militari lis-Somalja (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "l-embargo ta' l-armi"). (2) Fid-19 ta' Ġunju 2001 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta riżoluzzjoni 1356 (2001), li tippermetti ċerti eżenzjonijiet mill-embargo ta' l-armi. (3) Fit-22 ta' Lulju 2002 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta riżoluzzjoni 1425 (2002), li testendi l-embargo ta' l-armi billi tipprojbixxi l-provvista diretta jew indiretta lis-Somalja ta' parir tekniku, finanzjarju u assistenza oħra, u taħriġ konness ma' attivitajiet militari. (4) Ċerti minn dawn il-miżuri jaqgħu taħt l-iskop tat-Trattat u, għalhekk, notevolment bl-għan li jevitaw distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġislazzjoni tal-Komunità hija neċessarja biex timplementa d-deċizjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn it-territorju tal-Komunità hu konċernat. Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, it-territorju tal-Komunità għandu jitqies li jinkludi t-territorji ta' l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat. (5) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u dwar informazzjoni oħra relevanti għad-disposizzjoni tagħhom dwar dan ir-Regolament, u jikoperaw mal-Kumitat stabbilit minn paragrafu 11 ta' Riżoluzzjoni 733 (1992), b'mod partikolari billi jipprovdulu informazzjoni. (6) Vjolazzjonijiet tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal sanzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet xierqa għal dak l-iskop. Huwa, barra dan, mixtieq li sanzjonijiet għal vjolazzjonijiet tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu jkunu imposti fid-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri kontra persuni, entitajiet jew korpi kwalunkwe taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li vvjolaw kwalunkwe disposizzjoni, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Mingħajr preġudizzju għall-poteri ta' l-Istati Membri fit-twettiq ta' l-awtorità pubblika tagħhom, għandu jkun projbit: - li jipprovdu finanzjament jew assistenza finanzjarja konnessa ma' attivitajiet militari, fosthom b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal konness, direttament jew indirettament ma' kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja, - li jagħtu, jbiegħu, jipprovdu jew jittrasferixxu parir tekniku, assistenza jew taħriġ konness ma' attivitajiet militari, fosthom b'mod partikolari taħriġ u assistenza konnessi ma' l-immanifattura, manteniment u użu ta' armi u materjal konness ta' kull tip, direttament jew indirettament ma' kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja. Artikolu 2 Il-parteċipazzjoni, bl-għarfien u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, biex jippromovu l-operazzjonijiet imsejħa fl-Artikolu 1 għandha tkun projbita. Artikolu 3 1. L-Artikolu 1 m'għandux jgħodd għal: - provvediment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' apparat militari li ma jistax jikkaġuna l-mewt, intenzjonat biss għall-użu umanitarju jew ta' protezzjoni, jew ta' materjal maħsub għal programmi ta' żvilupp ta' l-istituzzjoni ta' l-Unjoni, tal-Komunità jew ta' l-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, magħmul fil-qafas tal-Proċess ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni, - provvediment ta' parir tekniku, assistenza jew taħriġ konness ma' dan l-apparat li ma jistax jikkaġuna il-mewt, jekk dawn l-attivitajiet ġew approvati minn qabel mill-Kumitat stabbilit minn paragrafu 11 ta' Riżoluzzjoni 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. 2. L-Artikolu 1 lanqas m'għandu japplika għal ilbies protettiv, inclużi ġgieget tqal għall-protezzjoni rinfurzati bil-metall u elmi militari, esportati temporanjament lis-Somalja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-mezzi ta' komunikazzjoni u ħaddiema umanitarji u għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss. 3. L-Artikolu 2 m'għandux jgħodd għall-parteċipazzjoni f'attivitajiet li l-iskop jew l-effet tagħhom hu li jipromovu attivitajiet li kienu approvati mill-Kumitat stabbilit minn paragrafu 11 ta' Riżoluzzjoni 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti. Artikolu 4 Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u obligazzjonijiet ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni għandha żżomm il-kuntatti neċessarji kollha mal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmi fl-Artikolu 3(1) għall-iskop ta' implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament. Artikolu 5 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin immedjatament fuq il-mizuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni relevanti għad-disposizzjoni tagħhom dwar dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni dwar il-vjolazzjoni u problemi ta' infurzar u sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali. Artikolu 6 Dan ir-Regolament għandu jgħodd minkejja kull drittijiet mogħtija jew obligazzjonijiet imponuti minn kwalunkwe ftehim internazzjonali ffirmat jew kuntratt magħmul jew liċenzja jew permess li ingħata qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Artikolu 7 1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet biex ikunu imposti fejn id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma miksura. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sa l-adozzjoni, fejn neċessarju, ta' kwalunkwe leġislazzjoni għal dan l-iskop, is-sanzjonijiet li jkunu imponuti fejn id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma miksura għandhom, fejn japplikaw, ikunu dawk determinati mill-Istati Membri sabiex jattwaw l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1318/2002 tat-22 ta' Lulju 2002 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tal-Liberja [2]. 2. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jibdew proċeduri kontra kull persuna naturali jew legali, entità jew korp taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, fil-każijiet ta' vjolazzjoni ta' xi projbizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament minn l-istess persuna, entità jew korp. Artikolu 8 Dan ir-Regolament għandu jgħodd - fit-territorju tal-Komunità, inkluż l-atmosfera, - abbord kwalunkwe inġenju ta' l-ajru jew bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, - għal kull persuna xi mkien ieħor li hu ċittadin ta' Stat Membru, u - għal kull persuna legali, entità jew korp li hu inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' l-Istati Membri. Artikolu 9 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Jannar 2003. Għall-Kunsill Il-President G. Papandreou [1] ĠU L 334, tal-11.12.2002, p. 1. [2] ĠU L 194, tat-23.7.2002, p. 1. --------------------------------------------------