Id-Direttiva 2003/102/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-protezzjoni ta’ pedestrians u utenti vulnerabbli oħra tat-triq qabel u fil-każ ta’ xi ħabta ma’ vettura bil-mutur, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE
Official Journal L 321 , 06/12/2003 P. 0015 - 0025
CS.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
ET.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
HU.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
LT.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
LV.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
MT.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
PL.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
SK.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
SL.ES Chapter 13 Volume 32 P. 670 - 680
Id-Direttiva 2003/102/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-protezzjoni ta’ pedestrians u utenti vulnerabbli oħra tat-triq qabel u fil-każ ta’ xi ħabta ma’ vettura bil-mutur, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) Biex jitnaqqas in-numru ta’ vittmi ta’ inċidenti fit-toroq fil-Komunità, huwa meħtieġ li jiddaħħlu miżuri biex jitjieb il-protezzjoni ta’ pedestrians u utenti vulnerabbli oħra tat-triq qabel u fil-każ li jkun hemm xi ħabta man-naħa ta’ quddiem ta’ vettura bil-mutur. (2) Huwa meħtieġ b’mod urġenti, fil-qafas tal-programm ta’ azzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq, li jkun hemm pakkett ta’ miżuri passivi u attivi biex titjieb is-sigurtà (il-prevenzjoni ta’ inċidenti u tnaqqis ta’ l-effetti sekondarji permezz ta’ b’miżuri ta’ moderazzjoni tat-traffiku u titjib fl-infrastruttura) għal utenti vulnerabbli tat-triq, bħal pedestrians, ċilisti u motoċiklisti. (3) Is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni, li fiha il-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital għandu jiġi żgurat u għal dak il-għan hemm f’postha sistema Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip; il-kriterji tekniċi għall-għoti ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-protezzjoni tal-pedestrians għandhom jiġu armonizzati biex tkun evitata l-adozzjoni ta’ ħtiġiet li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u biex ikun żgurat il-funzjonament sew tas-suq intern. (4) L-objettivi ta’ protezzjoni tal-pedestrians jistgħu jintlaħqu b’kombinazzjoni ta’ miżuri attivi u passivi ta’ sigurtà; ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew dwar it-tisħiħ tas-Sigurtà tal-Vettura (EEVC) ta’ Ġunju 1999 huma s-suġġett ta’ konsensus wiesa’ f’dan il-qasam; dawk ir-rakkomandazzjonijiet jipproponu kriterji ta’ prestazzjoni għall-istrutturi ta’ quddiem ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur biex titnaqqas l-aggressività tagħhom; din id-Direttiva tippreżenta testijiet u valuri ta’ limitu msejsa fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EEVC. (5) Il-Kummissjoni għandha teżamina l-fattibiltà li jkun estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-vetturi li għandhom massa massima sa 3,5 tunnellata, u li tirrapporta r-riżultati tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (6) Din id-Direttiva għandha titqies bħala element wieħed ta’ pakkett aktar wiesa’ ta’ miżuri, li għandhom jittieħdu mill-Komunità, mill-industrija u mill-awtoritajiet relevanti ta’ l-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ skambji fl-aħjar prattika, sabiex tkun ittrattata s-sigurtà tal-pedestrians u tal-utenti vulnerabbli oħra tat-triq kemm qabel il-kraxx (attiv), fil-kraxx (passiv), kif ukoll wara l-kraxx, fir-rigward ta’ utenti tat-triq, vetturi u infrastruttura. (7) Minħabba l-ħeffa ta’ l-iżvilupp teknoloġiku f’dan il-qasam, l-industrija tista’ tipproponi miżuri alternattivi li jkunu minn ta’ l-anqas ekwivalenti, f’termini ta’ effettività attwali, għall-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva - jew passivi jew inkella kombinazzjoni ta’ miżuri attivi u passivi u għandhom jiġu valutati wara studju ta’ fattibilità magħmul minn esperti indipendenti sa l-1 ta’ Lulju 2004; id-dħul tal-miżuri alternattivi, li jkunu minn ta’ l-anqas ekwivalenti f’termini ta’ effettività attwali, ikun jeħtieġ l-adattament jew li tkun emendata din id-Direttiva. (8) Minħabba r-riċerka li qed titkompla u l-progress tekniku fil-qasam tal-protezzjoni ta’ min jimxi fit-triq, ikun xieraq li jiddaħħal grad ta’ flessibiltà f’dan il-qasam. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tistabbiixxi d-disposizzjonijiet fundamentali dwar il-protezzjoni tal-pedestrian f’forma ta’ testijiet li magħhom għandhom jikkonformaw tipi ġodda ta’ vetturi u vetturi ġodda. Il-preskrizzjonijiet tekniċi għall-applikazzjoni ta’ dawn it-testijiet għandhom ikunu adottati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. (9) It-teknoloġija li qed tavvanza malajr fis-sigurtà attiva tfisser li s-sistemi ta’ mitigazzjoni u l-prevenzjoni tal-ħabtiet jistgħu jwasslu biex ikun hemm benefiċċji akbar ta’ sigurtà, per eżempju billi titnaqqas il-veloċità tal-ħabta u li tkun aġġustata d-direzzjoni ta’ l-impatt. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji għandu jiġi nkoraġġit permezz ta’ din id-Direttiva. (10) L-għaqdiet li jirrappreżentaw il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur Ewropej, Ġappuniżi u Koreani impenjaw ruħhom biex jibdew japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EEVC dwar il-valuri tal-limitu u t-testijiet, jew miżuri alternattivi miftiehma ta’ għall-inqas effett ekwivalenti, mill-2010, u mill-2005 fir-rigward ta’ l-ewwel sett ta’ valuri ta’ limitu u testijiet se jitħaddmu mi għal tipi ġodda ta’ vetturi u li japplikaw l-ewwel sett ta’ testijiet għal 80 % tal-vetturi ġodda kollha mill-1 ta’ Lulju 2010, għal 90 % tal-vetturi ġodda kollha mill-1 ta’ Lulju 2011, u għall-vetturi ġodda kollha mill-31 ta’ Diċembru 2012. (11) Din id-Direttiva għandha wkoll tgħin biex jitwaqqaf livell għoli ta’ protezzjoni fil-kuntest ta’ l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-leġislazzjoni f’dan il-qasam, li beda taħt il-Ftehim ta’ l-1998 tan-NU/ECE dwar it-twaqqif ta’ regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti. (12) Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati li għandhom ikunu mħarsa biex ikun hemm konformità mal-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3]. (13) Id-Direttiva 70/156/KEE għandha, għalhekk, tkun emendata kif xieraq, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-uċuħ ta’ quddiem tal-vetturi. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur, kif definit fl-Artikolu 2 u fl-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE, tal-kategorija M1, li jkollha massa massima ta’ mhux aktar minn 2,5 tunnellata, u tal-kategorija N1 li ġejja minn dik M1, b’massa massima li ma tkunx aktar minn 2,5 tunnellata. 2. L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li titnaqqas il-ħsara fuq il-pedestrians u utenti tat-triq vulnerabbli oħra li jintlaqtu bl-uċuħ ta’ quddiem tal-vetturi definiti fil-paragrafu 1. Artikolu 2 1. protezzjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004 l-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pedestrians: - jirrifjuta, fir-rigward ta’ tip ta’ vettura, li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew - jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi, basta li l-vetturi jkunu konformi mad-disposizzjonijiet tekniċi stabbiliti fit-taqsima 3.1. jew 3.2. ta’ l-Anness I. 2. B’effett nill-1 ta’ Ottubru 2005, l-Istati Membri ma għandhomx aktar jagħtu: - l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew - l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, ħlief fejn id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE jkunu invokati, għal kull tip ta’ vettura għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-pedestrians jekk id-disposizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 3.1. jew 3.2. ta’ l-Anness I ma jkunux imħarsa. 3. Il-paragrafu 2 m’għandux ikun jgħodd għall-vetturi li ma jvarjawx fir-rigward ta’ l-aspetti essenzjali tagħhom ta’ kostruzzjoni u disinn tal-karozzerija ’l quddiem mill-pilastri A minn tipi li ġew mogħtija approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali qabel l-1 ta’ Ottubru 2005 u li għadhom ma ġewx approvati taħt din id-Direttiva. 4. Mill-1 ta’ Settembru 2010, l-Istati Membri ma għandhomx aktar jagħtu: - l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew - l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, ħlief fejn id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE jkunu nvokati, għal kull tip ta’ vettura għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-pedestrians, jekk id-disposizzjonijiet tekniċi stabbiliti fit-taqsima 3.2. ta’ l-Anness I għal din id-Direttiva ma jkunux imħarsa. 5. B’effett mill-31 ta’ Diċembru 2012, l-Istati Membri għandhom: - iqisu ċ-ċertifikati ta’ konformità li jakkumpanjaw vetturi l-ġodda f’konformità mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE bħala mhux aktar validi għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva, u - jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda li ma jkunux akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità skond id-Direttiva 70/156/KEE, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-pedestrians, l-aktar jekk id-disposizzjonijiet tekniċi stabbiliti fit-taqsima 3.1. jew 3.2 ta’ l-Anness I ma jkunux imħarsa. 6. B’effett mill-1 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri għandhom: - iqisu ċ-ċertifikati ta’ konformità li jakkumpanjaw vetturi l-ġodda skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE bħala mhux aktar validi għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva, u - jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda li ma jkunux akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità skond id-Direttiva 70/156/KEE, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-pedestrians jekk id-disposizzjonijiet tekniċi stabbiliti fit-taqsima 3.2. ta’ l-Anness I mhumiex imħarsa. Artikolu 3 Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-testijiet stabbiliti fit-taqsima 3.1. jew 3.2. ta’ l-Anness I jitwettqu skond il-preskrizzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. Artikolu 4 Ta’ kull xahar, l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom kull waħda minnhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip, li l-mudell tiegħu huwa muri fl-Appendiċi 2 għall-Anness II, fir-rigward ta’ kull vettura li dawn ikunu approvaw skond din id-Direttiva matul dak ix-xahar. Artikolu 5 1. Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq il-bażi tat-tagħrif relevanti mgħoddi lilha mill-awtoritajiet ta’ l-approvazzjoni u minn partijiet interessati, kif ukoll minn studji indipendenti, għandha tissorvelja l-progress magħmul mill-industrija fil-qasam tal-protezzjoni tal-pedestrians u għandha twettaq sa l-1 ta’ Lulju 2004 stima indipendenti ta’ fattibiltà dwar id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness I, it-taqsima 3.2, u b’mod partikolari miżuri alternattivi - jew passivi jew inkella kombinazzjoni ta’ miżuri attivi u passivi - li huma minn ta’ l-anqas ekwivalenti f’termini ta’ effettività attwali. L-istudju tal-fattibiltà għandu jkun ibbażat, inter alia, fuq testijiet prattiċi u studji xjentifiċi indipendenti. 2. Jekk, bħala riżultat ta’ l-istima tal-fattibiltà msemmija fil-paragrafu 1, ikun meqjus bħala meħtieġ li jkunu adattati d-disposizzjonijiet ta’ l-Anness I, it-taqsima 3.2, sabiex jinkludu kombinazzjoni ta’ miżuri passivi u attivi li jkunu joffru minn ta’ l-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni bħad-disposizzjonijiet eżistenti ta’ l-Anness I, it-taqsima 3.2, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dawn jemendaw din id-Direttiva kif xieraq. 3. Sakemm l-adattament ta’ din id-Direttiva jkun ristrett għad-dħul ta’ miżuri passivi alternattivi li jkunu joffru minn ta’ l-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni bħad-disposizzjonijiet eżistenti ta’ l-Anness I, it-taqsima 3.2, dan l-adattament jista’ jitwettaq mill-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE. 4. Qabel l-1 ta’ April 2006, u kull sentejn minn dakinhar ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq ir-riżultati tas-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 6 Id-Direttiva 70/156/KEE qed tiġi hawnhekk emendata kif ġej: 1. Il-punti li ġejjin għandhom jiddaħħlu fl-Anness I: "9.23. Il-protezzjoni tal-pedestrian 9.23.1. Għandha tingħata deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinni, tal-vettura fir-rigward ta’ l-istruttura, id-dimensjonijiet, il-linji ta’ referenza relevanti u l-materjali kostitwenti tan-naħa ta’ quddiem tal-vetturi (ta’ ġewwa u ta’ barra). Din id-deskrizzjoni għandha tinkludi dettalji ta’ kull sistema attiva ta’ protezzjoni li tkun imwaħħla." 2. Il-punti li ġejjin għandhom jiddaħħlu fit-taqsima A ta’ l-Anness III: "9.23. Il-protezzjoni tal-pedestrian 9.23.1. Għandha tingħata deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinni, tal-vettura fir-rigward ta’ l-istruttura, id-dimensjonijiet, il-linji ta’ referenza relevanti u l-materjali kostitwenti tan-naħa ta’ quddiem tal-vettura (ta’ ġewwa u ta’ barra). Din id-deskrizzjoni għandha tinkludi dettalji ta’ kull sistema attiva ta’ protezzjoni li tkun imwaħħla." 3. Il-punt 58 u n-noti f’qiegħ il-paġna li ġejjin għandhom jiddaħħlu fil-Parti I ta’ l-Anness IV: "Suġġett | Numru tad-Direttiva | Referenza tal-Ġurnal Uffiċjali | Applikabilità | M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | 58Il-Protezzjoni tal-pedestrians | 2003/102/KE | ĠU L 321, tas-6.12.2003, p. 15. | X [4] | | | X [4] [5] | | | | | | | 4. L-Anness XI għandu jiġi emendat kif ġej: - il-punt 58 li ġej għandu jiddaħħal fl-Appendiċi 1: "Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1< 2500kg | M1> 2500kg | M2 | M3 | 58 | Il-Protezzjoni tal-pedestrians | 2003/102/KE | X" | | | | - il-punt 58 li ġej għandu jiddaħħal fl-Anness 2: "Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | 58 | Il-Protezzjoni tal-pedestrians | 2003/102/KE" | | | | | | | | | | | - il-punt 58 li ġej għandu jiddaħħal fl-Anness 3: "Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | 58 | Il-Protezzjoni tal-pedestrians | 2003/102/KE" | | | | | | | | | | Artikolu 7 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Dawn għandhom japplikaw dawn il-miżuri b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Artikolu 8 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 9 Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-17 ta’ Novembru 2003. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President G. Alemanno [1] ĠU C 234, 30.09.03, p. 10. [2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36). -------------------------------------------------- ANNESS I DISPOSIZZJONIJIET TEKNIĊI 1. KAMP TA' APPLIKAZZJONI Id-Direttiva tgħodd għall-uċuħ ta' quddiem tal-vetturi. Għall-iskop ta' din id-Direttiva, vettura tfisser kull vettura bil-mutur kif definit fl-Artikolu 2 u fl-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE tal-kategorija M1 ta' massa massima li ma taqbiżx it-2,5 tunnellata u għal vetturi N1 li ġejjin minn M1, b'massa massima li ma tkunx aktar minn 2,5 tunnellata. 2. DEFINIZZJONIJIET Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva: 2.1. "Il-pilastru A" tfisser is-support l-iktar 'l quddiem u 'l iktar 'l barra tas-saqaf, li jestendi mix-chassis sas-saqaf tal-vettura. 2.2. "Il-Bumper" tfisser l-istruttura ta' quddiem, l-aktar baxxa ta' barra tal-vettura. Dan jinkludi l-istrutturi kollha maħsuba biex jipproteġu l-vettura meta din tkun involuta f'xi ħabta frontali b'velocita baxxa ma' vettura oħra, kif ukoll kull aċċessorju ieħor ma' din l-istruttura. 2.3. "It-tarf ta' quddiem tal-bonnet" tfisser l-istruttura ta' quddiem, ta' fuq, ta' barra inkluż il-bonnet u l-ġwienaħ, il-membri ta' fuq u tal-ġenb li jdawru l-headlamp, u kull aċċessorju ieħor. 2.4. "Il-wiċċ tal-bonnet" tfisser l-istruttura ta' barra li tinkludi l-wiċċ ta' fuq ta' l-istrutturi kollha ta' barra minbarra l-windscreen, il-pilastri A u l-istrutturi lura minnhom. Dan, għalhekk, jinkludi, iżda mhux limitat għall-bonnet, il-ġwienaħ, ir-rewwieħa, il-fus tal-wiper u l-qafas ta' taħt tal-windscreen. 2.5. "Il-kriterju tal-prestazzjoni tar-ras (Head Performance Criterion - HPC)" huwa kalkolu, fuq perjodu ta' ħin speċifiku, ta' l-aċċelerazzjoni massima li tirriżulta matul l-impatt. 2.6. "Il-windscreen" tfisser il-ħġieġa ta' quddiem tal-vettura li tkun tissodisfa il-ħtiġiet relevanti kollha ta' l-Anness I għad-Direttiva 77/649/KEE [1]. 2.7. "It-tip ta' vettura" tfisser kategorija ta' vetturi li, 'il quddiem mill-pilastri A, ma jkunux differenti f'aspetti essenzjali bħal: - l-istruttura, - id-dimensjonijiet ewlenin, - il-materjali ta' l-uċuħ ta' barra tal-vettura, - l-arranġament tal-komponenti (ta' barra u ta' ġewwa), sakemm dawn jitqiesu li jkollhom effett negattiv fuq ir-riżultati tat-testijiet ta' l-impatt preskritti f'din id-Direttiva; 2.8. "Massa massima" tfisser il-massa mogħbija massima teknikament permissibbli ddikjarata mill-manifattur skond il-paragrafu 2.8 ta' l-Anness I għad-Direttiva 70/156/KEE. 3. ID-DISPOSIZZJONIJIET TAT-TEST 3.1. It-testijiet li ġejjin huma meħtieġa li jsiru; madankollu, il-valuri tal-limitu speċifikati fil-punti 3.1.3 u 3.1.4 huma meħtieġa għal skopijiet ta' monitoraġġ biss. 3.1.1. Il-forma tas-sieq għall-bumper: wieħed mit-testijiet tal-forma tas-sieq deskritti fi 3.1.1.1 jew 3.1.1.2 huwa meħtieġ li jsir: 3.1.1.1. Il-forma tas-sieq ta' isfel għall-bumper: It-test għandu jsir f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. L-angolu dinamiku massimu ta' kemm tkun milwija l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 21,0o, l-ispjazzament dinamiku massimu ta' l-istress fuq l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 6,0 mm, u l-aċċelerazzjoni mkejla fin-naħa ta' fuq tat-tibja m'għandhiex tkun aktar minn 200 g; 3.1.1.2. Il-forma tas-sieq ta' fuq għall-bumper: It-test isir f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Is-somma instantanja tal-forzi ta' l-impatt b'rabta mal-ħin m'għandhiex tkun aktar minn 7,5 kN, waqt li l-mument tal-liwja fuq l-impattur tat-test m'għandux ikun aktar minn 510 Nm. 3.1.2. Il-forma tar-ras ta' tifel/żagħżugħ għall-wiċċ ta' fuq tal-bonnet: It-test isir f'veloċità ta' impatt ta' 35 km fis-siegħa bl-użu ta' impattur tat-test li jiżen 3,5 kg. Il-kriterju tal-prestazzjoni tar-ras (HPC) m'għandux ikun aktar minn 1000 fuq 2/3 ta' l-area tat-test tal-bonnet, u 2000 għat-1/3 li jibqa' ta' l-area tat-test tal-bonnet. 3.1.3. Il-forma tas-sieq ta' fuq għat-tarf ta' quddiem tal-bonnet: It-test isir f'veloċità ta' impatt sa 40 km fis-siegħa. Is-somma instantanja tal-forzi ta' l-impatt b'rabta mal-ħin m'għandhiex tkun aktar minn mira possibbli ta' 5,0 kN, waqt li l-mument tal-liwja fuq l-impattur tat-test għandu jiġi rreġistrat u mqabbel mal-mira possibbli ta' 300 Nm. 3.1.4. Il-forma tar-ras ta' persuna adulta għall-windscreen: It-test isir f'veloċità ta' impatt ta' 35 km fis-siegħa bl-użu ta' impattur tat-test li jiżen 4,8 kg. Il-HPC għandu jiġi rreġistrat u mqabbel mal-mira possibbli ta' 1000. 3.2. It-testijiet li ġejjin huma meħtieġa li jsiru. 3.2.1. Il-forma tas-sieq għall -bumper: Wieħed mit-testijiet tal-forma tas-sieq deskritti fi 3.2.1.1 jew 3.2.1.2 li huwa meħtieġ li jsir: 3.2.1.1. Il-forma tas-sieq ta' isfel għall-bumper: It-test jitwettaq f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. L-angolu massimu dinamiku ta' kemm tintlewa l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 15,0o, l-ispjazzament massimu dinamiku ta' l-istress fuq l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 6,0 mm, waqt li l-aċċelerazzjoni mkejla fuq it-tarf ta' fuq tat-tibja m'għandhiex tkun aktar minn 150 g. 3.2.1.2. Il-forma tas-sieq ta' fuq għall-bumper: It-test jitwettaq f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Is-somma instantanja tal-forzi ta' l-impatt b'rabta mal-ħin m'għandhiex tkun aktar minn 5,0 kN, waqt li l-mument tal-liwja fuq l-impattur tat-test m'għandux ikun aktar minn 300 Nm. 3.2.2. Il-forma tar-ras ta' tifel għall-wiċċ ta' fuq tal-bonnet: It-test jitwettaq f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa bl-użu ta' impattur li jiżen 2,5 kg. Il-HPC m'għandux ikun aktar minn 1000 għall-area kollha tat-test tal -bonnet. 3.2.3. Il-forma tas-sieq ta' fuq għat-tarf ta' quddiem tal-bonnet: It-test jitwettaq f'veloċità ta' impatt sa 40 km fis-siegħa. Is-somma instantanja tal-forzi ta' l-impatt b'rabta mal-ħin m'għandhiex tkun aktar minn 5,0 kN, waqt li l-mument tal-liwja fuq l-impattur tat-test m'għandux ikun aktar minn 300 Nm. 3.2.4. Il-forma tar-ras ta' persuna adulta għall-wiċċ ta' fuq tal-bonnet: It-test isir f'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa bl-użu ta' impattur tat-test li jiżen 4,8 kg. Il-HPC m'għandux ikun aktar minn 1000 għall-area kollha tat-test tal-bonnet. [1] Direttiva tal-Kunsill 77/649/KEE tas-27 ta' Settembru 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kamp viżiv tas-sewwieqa tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 267, tad-19.10.1977, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 90/630/KEE (ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 20). -------------------------------------------------- ANNESS II DISPOSIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP 1. APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE 1.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 70/156/KEE għal tip ta' vettura fir-rigward tal-protezzjoni tal -pedestrians, għandha tiġi sottomessa mill-manifattur. 1.2. Fl-Appendiċi 1 qed jidher il-mudell tad-dokument ta' informazzjoni. 1.3. Vettura,rappreżentattiva tat-tip ta' vettura li għandha tkun approvata, għandha tkun sottomessa lis-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet ta' l-approvazzjoni tat-tip. 2. L-GĦOTI TA' L-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE 2.1. Jekk it-testijiet imsemmija fl-Anness I jitwettqu f'konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet li hemm f'dak l-Anness u l-preskrizzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 3 ta' din d-Direttiva, għandha tingħata l-approvazzjoni tat-tip tal-KE skond l-Artikoli 4(1) u 4(3) tad-Direttiva 70/156/KEE. 2.2. Fl-Appendiċi 2 qed jidher il-mudell taċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tià tal-KE.2.3. Għal kull tip ta' vettura approvata għandu jingħata numru ta' l-approvazzjoni f'konformità ma' l-Anness VII għad-Direttiva 70/156/KEE. L-istess Stat Membru m'għandux jagħti l-istess numru lil tip ieħor ta' vettura. 2.4. F'każ ta' xi dubju, meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità mal-proċeduri tat-test, għandhom jitqiesu kull tagħrif jew riżultati ta' testijiet li jkunu ġew ipprovduti mill-manifattur, liema tagħrif jista' jintuża biex ikun validat it-test ta' l-approvazzjoni mwettaq mill-awtorità ta' l-approvazzjoni. 3. MODIFIKA TAT-TIP U L-EMENDI FL-APPROVAZZJONIJIET 3.1. Kull modifika f'vettura li taffettwa l-għamla ġenerali ta' l-istruttura ta' quddiem tal-vettura, li fil-ġudizzju ta' l-awtorità jista' jkollha influwenza importanti fuq ir-riżultati tat-testijiet, għandha teħtieġ ripetizzjoni tat-test. 3.2. F'każ li ta' modifika ta' tip ta' vettura approvat skond din id-Direttiva, għandhom ikunu jgħoddu id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 70/156/KEE. 4. IL-KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI 4.1. Biex tkun żgurata l-konformità tal-produzzjoni għandhom jittieħdu miżuri skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 70/156/KEE. --------------------------------------------------