32003L0080



Official Journal L 224 , 06/09/2003 P. 0027 - 0028


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/80/KE

tal-5 ta’ Settembru 2003

li tistabbilixxi simbolu li jindika d-durabilità tal-prodotti kosmetiċi fl-Anness VIIIa għad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti kosmetiċi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2],

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/15/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 1(11) tagħha,

Billi:

(1) Sabiex tiġi mtejjba l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, il-prodotti kosmetiċi għandu jkollhom indikazzjonijiet preċiżi dwar id-durabilità tagħhom.

(2) Għal prodotti kosmetiċi li jistgħu jdumu maħżunin 30 xahar jew aktar, għandu jkun hemm indikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien wara l-ftuħ tal-prodott, li fih il-prodott jista’ jintuża mingħajr ħsara għall-konsumatur.

(3) Għal dan il-għan, taħt l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, hemm provdut għal simbolu segwit bil-perjodu msemmi.

(4) Il-miżuri li għalihom hemm provdut taħt din id-Direttiva huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kosmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness VIIIa għad-Direttiva 76/768/KEE għandu jinkludi s-simbolu li jidher fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 ta’ Settembru 2004. Għandhom jikkommunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn il-miżuri għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu ta’ kif għandha ssir referenza bħal din għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-5 ta’ Settembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169.

[2] ĠU L 66, tal-11.3.2003, p. 26.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Is-simbolu li jirrappreżenta vażett tal-krema miftuħ kif għalih hemm provdut fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE [1].

+++++ TIFF +++++

[1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/15/KE.

--------------------------------------------------