32003L0053



Official Journal L 178 , 17/07/2003 P. 0024 - 0027


Id-Direttiva 2003/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-18 ta’ ġunju 2003

li temenda għas-26 darba d-direttiva tal-kunsill 76/769/KEE dwar it-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (nonylphenol, nonylphenol ethoxylate u siment)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Ir-riskji għall-ambjent minn nonylphenol (NP) u nonylphenol ethoxylate (NPE) ġew stmati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti [4]. L-istima identifikat bżonn għat-tnaqqis ta’ dawk ir-riskji u, fl-opinjoni tiegħu tas-6 u tas-7 ta’ Marzu 2001, il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (CSTEE) ikkonferma dik il-konklużjoni.

(2) NP hija kklassifikata bħala "sustanza perikoluża ta’ prijorità" fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi kwadru għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma [5]. Skond l-Artikolu 16(6) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti ta’ kontroll għall-waqfien jew l-eliminazzjoni gradwalment ta’ skariki, emissjonijiet u telf ta’ dawn is-sustanzi.

(3) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/838/KE tas-7 ta’ Novembru 2001 dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u ta’ l-istrateġija għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: acrylaldehyde; dimethyl sulphate; nonylphenol phenol, 4-nonyl —, branched; tert—butyl methyl ether [6], adottati fil-kwadru tar-Regolament (KEE) Nru 793/93, ipproponiet strateġija ta’ limitazzjoni ta’ riskju għal NP u NPE, li tirrakkomanda b’mod partikolari li jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu tagħhom.

(4) Sabiex l-ambjent jiġi protett il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta rifjuti għal fertilizzazzjoni jintużaw fl-agrikoltura [7], bl-iskop li jiġi stabbilit valur limitu ta’ konċentrazzjoni għal NP u NPE f’ilma ta’ skart mtajjen li għandu jinxtered fuq l-art.

(5) Sabiex l-ambjent ikun iktar protett, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ NP u NPE għandhom jiġu ristretti għal utilitajiet speċifiċi li jirriżultaw fi skariki, emissjonijiet jew nuqqasijiet għall-ambjent. Madankollu, ir-restrizzjoni li tikkonċerna koformulanti f’perstiċidi jew prodotti bijoċidali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-validità ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti ta’ pestiċidi jew prodotti bijoċidali li jikkontjenu NPE bħala koformulanti, li ingħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm jiskadu.

(6) Studji xjentifiċi wrew ukoll li preparati tas-siment li jikkontjenu l-kromju VI jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi f’ċerti ċirkostanzi, jekk hemm kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda umana. L-utilitajiet kollha ta’ siment għandhom ir-riskju ta’ kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda umana, bl-eċċezzjoni ta’ proċessi kkontrollati magħluqa u totalment awtomati.

(7) Iċ-CSTEE ikkonferma l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-kromju VI fis-siment.

(8) Huma neċessarji miżuri individwali ta’ protezzjoni, imma mhumiex suffiċjenti sabiex jiġi pprvenut il-kuntatt tal-ġilda mas-siment. Barra minn dan, skond il-ġerarkija ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni kkontenuti fid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema mir-riskji relatati għal aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (L-erbatax-il Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [8], min jimpjiega għandu jassigura bħala prijorità li l-livell ta’ espożizzjoni jitnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun meta s-sostituzzjoni hija impossibbli, u japplika miżuri ta’ protezzjoni individwali biess meta l-espożizzjoni ma tista’ tiġi pprevenuta b’mezzi oħra.

(9) Sabiex is-saħħa umana tiġi protetta, jidher għalhekk neċessarju li jiġi ristrett it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-siment. B’mod partikolari, it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-siment jew ta’ preparati tas-siment li jikkontjenu iktar minn 2 ppm kromju VI għandhom jiġu rustretti fil-każ ta’ attivitajiet fejn hemm possibiltà ta’ kuntatt mal-ġilda. Fi proċessi kkontrollati magħluqa u totalment awtomati dan mhuwiex il-każ, u għalhekk għandhom jiġu eżentati. Aġenti ta’ tnaqqis għandhom jintużaw fl-istadju l-iktar kmieni possibbli, jiġifieri fil-punt tal-produzzjoni tas-siment.

(10) Sabiex tkompli tipproteġi s-saħħa umana, il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra emenda għall-Anness I tad-Direttiva 98/24/KE sabiex tistabbilixxi valur tal-limitu obbligatorju għall-esposizzjoni okkupazzjonali fuq it-trab.

(11) L-użu tal-kromju VI diġà ġie pprojbit bid-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi mhux tajbin għall-użu [9] u bid-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku [10]. Utilitajiet oħra ta’ kromju VI qegħdin jiġu kkontrollati fil-kwadru ta’ stima tar-riskju, u l-Kummisjoni hija mistiedna sabiex tipproponi malajr kemmjista’ jkun il-leġislazzjoni approprjata sabiex tindirizza kwalunkwe riskji identifikati.

(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet aministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ir-restrizzjonijiet għall-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparati perikolużi [11] għandhom jiġu emendati kif suppost.

(13) Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li jiġu introdotti dispożizzjonijiet armonizzati fir-rigward ta’ NP, NPE u siment, u hekk jiġu ppreservat is-suq intern waqt li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u l-ambjent, kif meħtieġ bl-Artikolu 95 tat-Trattat.

(14) L-adozzjoni ta’ metodu armonizzat ta’ kontroll hija mixtieqa għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-kontenut ta’ kromju VI fis-siment imma m’għandhiex tittardja d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 2a tad-Direttiva 76/769/KEE, għandha tistabilixxi dan il-metodu. Il-metodu ta’ kontroll għandu preferibbilment jiġi żviluppat f’livell Ewropew, jekk approprjat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni(CEN).

(15) Din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni Komunitarja li tistabilixxi ħtiġiet minimi għall-protezzjoni ta’ ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri għall-inkoraġġiment ta’ titjib fis-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema fuq ix-xogħol [12], u direttivi individwali bbażati fuqhom, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tta-28 ta’ Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema mir-riskji relatati ma’ l-espożizzjoni ta’ karċinoġeni fuq ix-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u d-Direttiva 98/24/KE,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE huwa permezz ta’ dan emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

2. Il-validità ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti ta’ pestiċidi jew prodotti bijoċidali li jikkontjenu NPE bħala koformulanti, li ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, m’għandhomx jiġu effettwati b’din id-Drettiva sakemm jiskadu.

Artikolu 2

Metodu armonizzat ta’ kontroll għall-applikazzjoni tal-punt 47, siment, ta’ l-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2a ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 3

Qabel is-17 ta’ Lulju 2004 Stati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-17 ta’ Jannar 2005.

Meta dawn id-dispożizzjonijiet huma adottati mill-Istati Membri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] Proposta tas-16 ta’ Awwissu 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] ĠU C 133, tas-6.6.2003, p. 13.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2003 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2003.

[4] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1.

[5] ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, tal-15.12.2001, p. 1).

[6] ĠU L 319, ta’ l-4.12.2001, p. 30.

[7] ĠU L 181, ta’ l-4.7.1986, p. 6. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994

[8] ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11.

[9] ĠU L 269, tal-21.10.2000, p. 34. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/525/KE (ĠU L 170, tad-29.6.2002, p. 81).

[10] ĠU L 37, tat-13.2.2003, p. 19.

[11] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[12] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/38/KE (ĠU L 138, ta’ l-1.6.1999, p. 66).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-punti 46 u 47 għandhom jiġu miżjuda ma’ l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE:

"46. (1)Nonylphenol C6H4(OH)C9H19(2)Nonylphenol ethoxylate (C2H4O)nC15H24O | Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża bħala sustanza jew kostitwent ta’ preparati f’konċentrazzjonijiet ugwali għal jew ogħla minn 0,1 % skond il-massa għall-għanijiet li ġejjin: (1)tindif industrijali u istituzzjonali ħlief:sistemi kkontrollati magħluqa ta’ dry cleaning fejn il-likwidu għall-ħasil huwa riċiklat jew inċinerat,sistemi ta’ tindif bi trattament speċjali fejn il-likwidu tal-ħasil huwa riċiklat jew inċinerat;(2)tindif domestiku;(3)ipproċessar ta’ tessili u ġilda ħlief:l-ipproċessar mingħajr rilaxx f’ilma skart,sistemi bi trattament speċjali fejn l-ilma tal-proċess huwa trattat minn qabel sabiex il-frazzjoni organika titneħħa kompletament qabel it-trattament bijoloġiku ta’ ilma skart (l-isgrassar tal-ġilda tan-nagħaġ);(4)emulsifikant f’teat dips agrikoli;(5)xogħol ta’ metall ħlief:utilitajiet f’sistemi magħluqa kkontrollati fejn il-likwidu tal-ħasil huwa riċiklat jew inċinerat;(6)fabbrikazzjoni ta’ polpa u karta;(7)prodotti kosmetiċi;(8)prodotti oħra ta’ kura personali ħlief:spermiċidi;(9)koformulanti f’pestiċidi u bijoċidi. |

47.Siment | (1)Siment u preparati li jikkontjeni s-siment ma jistgħux jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq, jekk jikkontjenu, meta idrati, iktar minn 0,0002 % kromju VI solubbli tal-piż niexef totali tas-siment.(2)Jekk jintużaw aġenti ta’ tnaqqis, imbagħad mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji oħra dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi u preparati perikolużi, l-imballaġġ ta’ siment jew preparati li jikkontjenu s-siment għandhom jiġu mmarkati b’mod lin jinqara u li ma jitħassarx b’informazzjoni dwar id-data ta’ l-imballaġġ, kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet tal-ħażna u l-perjodu tal-ħażna approprjat sabiex tinżamm l-attività ta’ l-aġent ta’ tnaqqis u sabiex il-kontenut ta’ kromju solubili VI jinżamm taħt il-limitu indikat fil-paragrafu 1.(3)B’deroga, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għat-tqegħid fis-suq għal, u l-użu fi, proċessi kkontrollati magħluqa u totalment awtomati fejn is-siment u preparati tas-siment huma mmaniġġati biss minn magni u fejn ma hemm ebda possibiltà ta’ kuntatt mal-ġilda." |

--------------------------------------------------