32003L0048



Official Journal L 157 , 26/06/2003 P. 0038 - 0048


Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE

tat-3 ta' Ġunju 2003

dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, partikolarment l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mil-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) L-Artikoli 56 sa' 60 tat-Trattat jiggarantixxu l-moviment ħieles tal-kapital.

(2) Riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx minn pretensjonijiet ta' debitu huma introjtu taxxabbli għar-residenti ta' l-Istati Membri kollha.

(3) Permezz ta' l-Artikolu 58(1) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom id-dritt li japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-liġi tat-taxxa tagħhom li jiddistingwu bejn min iħallas it-taxxa u li mhux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post tar-residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn hu investit il-kapital tagħhom, u li jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipprevjenu ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni.

(4) Skond l-Artikolu 58(3) tat-Trattat, id-disposizzjonijiet tal-liġi tat-taxxa ta' l-Istati Membri għal kontra l-abbuż jew il-frodi m'għandhomx ikunu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment ħieles tal-kapital u pagamenti kif stabbilit fl-Artikolu 56 tat-Trattat.

(5) Fin-nuqqas ta' kordinazzjoni ta' sistemi nazzjonali tat-taxxa għat-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx, b'mod partikolari fir-rigward tat-trattament ta' imgħaxx ta' persuni mhux residenti, bħalissa residenti ta' l-Istati Membri jistgħu jevitaw kull forma ta' tassazzjoni fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom fuq l-imgħaxx li jaqilgħu minn Stat Membru ieħor.

(6) Din is-stiwazzjoni qed toħloq tfixkil fil-movimenti ta' kapital bejn l-Istati Membri li ma jaqblux mas-suq intern.

(7) Din id-Direttiva tkompli fuq il-kunsens milħuq fil-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira tad-19 u ta' l-20 ta' Ġunju 2000 u l-laqgħat ta' wara tal-Kunsill ta' Ecofin tas-26 u tas-27 ta' Novembru 2000, tat-13 ta' Diċembru 2001 u tal-21 ta' Jannar 2003.

(8) L-għan aħħari ta' din id-Direttiva huwa li jkun possibbli li riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx li jsiru fi Stat Membru wieħed lil użufruttwarji li huma individwi residenti fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal tassazzjoni effettiva skond il-liġijiet tal-Istat Membru ta' l-aħħar.

(9) L-għan ta' din id-Direttiva jista' jintlaħaq bl-aħjar mod permezz ta' l-immirar lejn pagamenti ta' imgħaxx li jsiru jew li jiġu garantiti minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Istat Membru għall-vantaġġ ta' l-użufruttwarji li huma individwi residenti fi Stat Membru ieħor.

(10) Peress li l-għan ta' din id-Direttiva ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, minħabba n-nuqqas ta' kordinazzjoni ta' sistemi nazzjonali għat-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul, u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva tillimita ruħha għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet u ma tagħmilx aktar milli huwa neċessarju għal dak l-iskop.

(11) L-aġent ta' pagament huwa l-operatur ekonomiku li jħallas l-imgħaxx jew li jassigura l-ħlas ta' imgħaxx għall-vantaġġ immedjat ta' l-użufruttwarju.

(12) Fit-tifsir tal-kunċett ta' pagament ta' imgħaxx u tal-mekkaniżmu ta' l-aġent ta' pagament, għandha ssir referenza, fejn xierqa, għad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-kordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi dwar impriżi għall-investiment kollettiv f'sigurtajiet trasferibbli (IIKST) [4].

(13) L-iskop ta' din id-Direttiva għandu jkun limitat għat-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx fuq pretensjonijiet ta' debitu, bl-esklużjoni, inter alia, tal-kwistjonijiet dwar it-tassazzjoni ta' benefiċċji minn pensjonijiet u assigurazzjonijiet.

(14) L-għan aħħari li ssir tassazzjoni effettiva ta' pagamenti ta' imgħaxx fl-Istat Membru tar-residenza ta' l-użufruttwarju għal skopijiet ta' taxxa jista' jintlaħaq permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni dwar pagamenti ta' imgħaxx bejn Stati Membri.

(15) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta [5] diġà tipprovdi bażi sabiex l-Istati Membri jagħmlu skambju ta' informazzjoni għal skopijiet ta' taxxa fuq id-dħul kopert minn din id-Direttiva. Għandha tkompli tapplika lil dawn l-iskambji ta' informazzjoni flimkien ma' din id-Direttiva sa' fejn din id-Direttiva ma tidderogax minnha.

(16) Huwa permezz ta' l-iskambju ta' imformazzjoni awtomatiku bejn Stati Membri dwar pagamenti ta' imgħaxx koperti minn din id-Direttiva li tista' ssir it-tassazzjoni effettiva ta' dawk il-pagamenti fl-Istat Membru tar-residenza ta' l-użufruttwarju għal skopiijiet ta' taxxa skond il-liġijiet nazzjonali ta' dak l-Istat. Hu għalhekk meħtieġ li jiġi stipulat li Stati Membri li jagħmlu skambju ta' informazzjoni skond din id-Direttiva m'għandhomx jitħallew joqogħdu fuq il-limiti ta' l-iskambju ta' informazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 77/799/KEE.

(17) Fid-dawl ta' differenzi strutturali, l-Awstrija, il-Belġju u l-Lussemburgu ma jistgħux japplikaw l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fl-istess ħin bħall-Istati Membri l-oħra. Matul perjodu transitorju, mogħti li taxxa minn ras il-għajn tista' tassigura livell minimu ta' tassazzjoni effettiva, speċjalment b'rata li qed tiżdied progressivament għal 35 %, dawn it-tlett Stati Membri għandhom japplikaw taxxa minn ras il-għajn lir-riżervi fuq id-dħul koperti minn din id-Direttiva.

(18) Sabiex jiġu evitati id-differenzi fit-trattament, l-Awstrija, il-Belġju u l-Lussemburgu m'għandhomx jiġu obbligati li japplikaw skambju awtomatiku ta' informazzjoni qabel ma' l-Konfederazzjoni Svizzera, il-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Liechtenstein, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino jassiguraw skambju effettiv ta' informazzjoni fuq talba dwar pagamenti ta' imgħaxx.

(19) Dawk l-Istati Membri għandhom jittrasferixxu l-akbar parti tad-dħul tagħhom ta' din it-taxxa minn ras il-għajn lill-Istat Membru tar-residenza ta' l-użufruttwarju ta' l-imgħaxx.

(20) Dawk l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċedura li tħalli l-użufruttwarji residenti għal skopijiet ta' taxxa fi Stati Membri oħra jevitaw l-imposizzjoni ta' din it-taxxa minn ras il-għajn billi jawtorizzaw l-aġent ta' pagament tagħhom jirrapporta l-pagamenti ta' imgħaxx jew billi jippreżentaw ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-residenza tagħhom għal skopijiet ta' taxxa.

(21) L-Istat Membru ta' residenza għal skopijiet ta' taxxa ta' l-użufruttwarju għandu jassigura l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe tassazzjoni doppja tal-pagamenti ta' imgħaxx li tista' tirriżulta mill-imposizzjoni ta' din it-taxxa minn ras il-għajn skond il-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva. Għandu jagħmel hekk billi jikkredita din it-taxxa minn ras il-għajn sa l-ammont ta' taxxa dovuta fit-territorju tiegħu u billi jirrifonda lill-użufruttwarju kwalunkwe ammont li jibqa' ta' taxxa minn ras il-għajn. Jista', madankollu, minflok milli japplika dan il-mekkaniżmu ta' kreditu ta' taxxa, jagħti rifond tat-taxxa minn ras il-għajn.

(22) Sabiex ikun evitat l-isfrattar tas-suq, din id-Direttiva, matul il-perjodu transitorju, m'għandhiex tapplika lil pagamenti ta' imgħaxx fuq ċerti sigurtajiet tad-dejn negozjabbli.

(23) Din id-Direttiva m'għandhiex tipprekludi Stati Membri milli jintaxxaw tipi oħra ta' taxxa minn ras il-għajn minn dik imsejħa f'din id-Direttiva fuq imgħaxx li jinħoloq fit-territorji tagħhom.

(24) Sakemm l-Istati Uniti ta' l-Amerika, l-Isvizzera, l-Andorra, il-Liechtenstein, il-Monako, is-San Marino u t-territorji dipendenti jew assoċjati rilevanti ta' l-Istati Membri ma japplikawx miżuri eqwivalenti għal, jew l-istess bħal, dawk previsti minn din id-Direttiva, it-trasferiment ta' kapital lejn dawn il-pajjiżi u territorji jista' jpoġġi f'perikolu t-tilħiq ta' l-għanijiet tagħha. Għalhekk, hu meħtieġ li d-Direttiva tapplika mill-istess data bħal dik fuq liema dawn il-pajjiżi u territorji kollha japplikaw dawn il-miżuri.

(25) Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tlett snin dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva u tipproponi lill-Kunsill kwalunkwe emendamenti li jidhru meħtieġa sabiex tkun assigurata aħjar it-tassazzjoni effettiva ta' riżervi fuq id-dħul u biex tneħħi tfixkil mhux mixtieq tal-kompetizzjoni.

(26) Din id-Direttiva tħares id-drittijiet u prinċipji fundamentali li huma rikonoxxuti, partikolarment, mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Għan

1. L-għan aħħari ta' din id-Direttiva hu li tagħmel possibbli li riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imħaxx magħmulin fi Stat Membru wieħed lil użufruttwarji li huma individwi residenti għal skopijiet ta' taxxa fi Stat Membru ieħor jiġu magħmulin suġġett għal tassazzjoni effettiva skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-kompiti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva huma mwettqin minn aġent ta' pagament stabbilit fit-territorju tagħhom, irrispettivament mil-post ta' stabbilixximent tad-debitur tal-pretensjoni ta' debitu li tipproduċi l-imgħaxx.

Artikolu 2

Definizzjoni ta' użufruttwarju

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "użufruttwarju" jfisser kwalunkwe individwu li jirċievi pagament ta' imgħaxx jew kwalunkwe individwu għal min pagament ta' imgħaxx hu ggarantit, sakemm jipprovdi evidenza li ma kienx riċevut jew iggarantit għall-vantaġġ proprju, jiġifieri li:

(a) jaġixxi bħala aġent ta' pagament fis-sens ta' l-Artikolu 4(1); jew

(b) jaġixxi f'isem persuna legali, entità li hi ttaxxata fuq il-profitti tagħha taħt l-arranġamenti ġenerali għat-tassazzjoni tan-negozji, UCITS awtorizzat skond id-Direttiva 85/611/KEE jew entità msejħa fl-Artkolu 4(2) ta' din id-Direttiva u, fil-każ imsemmi l-aħħar, jiżvela l-isem u l-indirizz ta' dik l-entità lill-operatur ekonomiku li jagħmel il-pagament ta' imgħaxx u dan ta' l-aħħar jikkomunika din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' stabbilixximent tiegħu, jew

(ċ) jaġixxi f'isem individwu ieħor li hu l-użufruttwarju u jiżvela lill-aġent ta' pagament l-identità ta' dak l-użufruttwarju skond l-Artikolu 3(2).

2. Fejn aġent ta' pagament għandu informazzjoni li tissuġġerixxi li l-individwu li jirċievi pagament ta' imgħaxx jew għal liema pagament ta' imgħaxx hu ggarantit ma jistax ikun l-użufruttwarju, u fejn la l-paragrafu 1(a) u lanqas 1(b) ma japplika għal dak l-individwu, għandu jieħu passi raġonevoli biex jistabbilixxi l-identità ta' l-użufruttwarju skond l-Artikolu 3(2). Jekk l-aġent ta' pagament ma jistax jiddentifika l-użufruttwarju, għandu jittratta l-individwu in kwistjoni bħala l-użufruttwarju.

Artikolu 3

Identità u residenza ta' użufruttwarji

1. Kull Stat Membru għandu, fit-territorju tiegħu, jadotta u jassigura l-applikazzjoni tal-proċeduri meħtieġa biex iħallu l-aġent ta' pagament jiddentifika l-użufruttwarji u r-residenza tagħhom għall-iskopijiet ta' l-Artikoli 8 sa 12.

Dawn il-proċeduri għandhom iħarsu l-istandards minimi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2. L-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi l-identità ta' l-użufruttwarju fuq il-bażi ta' standards minimi li jvarjaw skond meta relazzjonijiet bejn l-aġent ta' pagament u r-reċipjent ta' l-imgħaxx huma mibdijin, kif ġej:

(a) għal relazzjonijiet kuntrattwali mibdijin qabel l-1 ta' Jannar 2004, l-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi l-identità ta' l-użufruttwarju, li jikkonsisti fl-isem u l-indirizz tiegħu, bl-użu ta' l-informazzjoni li qegħda għad-disposizzjoni tiegħu, partikolarment skond ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat ta' stabbilixximent tiegħu u d-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus [6];

(b) għal relazzjonijiet kuntrattwali mibdijin, jew operazzjonijiet imwettqin fl-assenza ta' relazzjonijiet kuntrattwali, fl-1 ta' Jannar jew wara l-1 ta' Jannar 2004, l-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi l-identità ta' l-użufruttwarju, li jikkonsisti fl-isem, indirizz u, jekk hemm wieħed, in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa allokat mill-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa. Dawn id-dettalji għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-passaport jew tal-karta ta' l-identità uffiċjali ppreżentata mill-użufruttwarju. Jekk ma jidhirx fuq dak il-passaport jew fuq dik il-karta ta' l-identità uffiċjali, l-indirizz għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' kwalunkwe prova dokumentarja oħra ta' identità ppreżentata mill-użufruttwarju. Jekk in-numru ta' l-identifikazzjoni tat-taxxa mhijiex imsemmija fuq il-passaport, fuq il-karta ta' l-identità uffiċjali jew kwalunkwe prova dokumentarja oħra ta' identità, inkluż, possibbiliment, iċ-ċertifikat ta' residenza għal skopijiet ta' taxxa, preżentat mill-użufruttwarju, l-identità għandha tiġi ssupplimentata minn referenza għad-data ta' dan ta' l-aħħar u l-post tat-twelid stabbilit fuq il-bazi tal-passaport jew karta ta' l-identità uffiċjali tiegħu.

3. L-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi r-residenza ta' l-użufruttwarju fuq il-bażi ta' standards minimi li jvarjaw skond meta relazzjonijiet bejn l-aġent ta' pagament u r-reċipient ta' l-imgħaxx huma mibdijin. Bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt, ir-residenza għandha tiġi kkonsidrata li tinsab fil-pajjiż fejn l-użufruttwarju għandu l-indirizz permanenti tiegħu:

(a) għal relazzjonijiet kuntrattwali mibdijin qabel l-1 ta' Jannar 2004, l-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi r-residenza ta' l-użufruttwarju billi juża' l-informazzjoni li qegħda għad-disposizzjoni tiegħu, partikolarment skond ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat ta' stabbilixximent tiegħu u d-Direttiva 91/308/KEE;

(b) għal relazzjonijiet mibdijin, jew operazzjonijiet imwettqin fl-assenza ta' relazzjonijiet kuntrattwali, fl-1 ta' Jannar jew wara l-1 ta' Jannar 2004, l-aġent ta' pagament għandu jistabbilixxi r-residenza ta' l-użufruttwarju fuq il-bażi ta' l-indirizz imsemmi fil-passaport, fil-karta ta' l-identità uffiċjali jew, hekk meħtieġ, fuq il-bażi ta' kwalunkwe prova dokumentarja ta' identità ppreżentata mill-użufruttwarju u skond il-proċedura li ġejja: għal individwi li jippreżentaw passaport jew karta ta' l-identità uffiċjali maħruġa minn Stat Membru li jiddikjaraw lilhom infushom bħala residenti f'pajjiż terz, ir-residenza għandha tiġi stabbilita permezz ta' ċertifikat ta' residenza għat-taxxa maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ġo liema l-individwu jiddikjara li hu residenti. Fin-nuqqas tal-preżentazzjoni ta' dan iċ-ċertifikat, l-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew dokument uffiċjali ieħor ta' l-identità għandu jiġi kkonsidrat bħala l-pajjiż ta' residenza.

Artikolu 4

Definizzjoni ta' aġent ta' pagament

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "aġent ta' pagament" ifisser kwalunkwe operatur ekonomiku li jħallas imgħaxx lil jew jiggarantixxi l-pagament ta' imgħaxx għall-vantaġġ immedjat ta' l-użufruttarju, kemm jekk l-operatur hu d-debitur tal-pretensjoni ta' debitu li tipproduċi l-imgħaxx jew l-operatur magħmul responsabbli mid-debitur jew l-użufruttwarju għall-ħlas ta' imgħaxx jew biex jiggarantixxi l-pagament ta' imgħaxx.

2. Kwalunkwe entità stabbilita fi Stat Membru lil liema hu mħallas l-imgħaxx jew għal liema imgħaxx hu ggarantit għall-vantaġġ ta' l-użufruttwarju għandha wkoll tiġi kkonsidrata bħala aġent ta' pagament mal-pagament jew l-garanzija ta' dan il-pagament. Din id-disposizzjoni m'għandhiex tapplika jekk l-opertaur ekonomiku għandu raġuni biex jemmen, fuq il-bażi ta' evidenza uffiċjali prodotta minn dik l-entità, li:

(a) hi persuna legali, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-persuni legali msejħa fil-paragrafu 5; jew

(b) il-profitti tagħha huma taxxati taħt l-arranġamenti ġenerali għat-tassazzjoni tan-negozji;

(ċ) hi UCITS rikonoxxuta skond id-Direttiva 85/611/KEE.

Operatur ekonomiku li jħallas imgħaxx lil, jew li jiggarantixxi imgħaxx għal, entità bħal din stabbilita fi Stat Membru ieħor li hu kkonsidrat aġent ta' pagament taħt dan il-paragrafu għandu jikkomunika l-isem u l-indirizz ta' l-entità u l-ammont totali ta' imgħaxx imħallas lil, jew iggarantit għal, l-entità lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' stabbilixximent tagħha, li għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-entità hi stabbilita.

3. L-entità msejħa fil-paragrafu 2 għandha, madankollu, ikollha l-għażla li tiġi ttrattata għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva bħala UCITS kif imsejjaħ fit-2(c). L-eserċizju ta' din l-għażla għandu jeħtieġ li ċertifikat jiġi maħruġ mill-Istat Membru ġo liema l-entità hi stabbilita u ppreżentat lill-operatur ekonomiku minn dik l-entità.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli ddettaljati għal din l-għażla għal entitajiet stabbiliti fit-territorju tagħhom.

4. Fejn l-operatur ekonomiku u l-entità msejħa fil-paragrafu 2 huma stabbiliti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-entità tħares id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva meta taġixxi bħala aġent ta' pagament.

5. Il-persuni legali eżenti mill-paragrafu 2(a) huma:

(a) fil-Finlandja: avoin yhtiö (Ay) u kommandiittiyhtiö (Ky)/öppet bolag u kommanditbolag;

(b) fl-Isvezja: handelsbolag (HB) u kommanditbolag (KB).

Artikolu 5

Definizzjoni ta' awtorità kompetenti

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "awtorità kompetenti" tfisser:

(a) għal Stati Membri, kwalunkwe mill-awtoritajiet innotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni;

(b) għal pajjiżi terzi, l-awtorità kompetenti għall-iskopijiet ta' konvenzjonijiet tat-taxxa bilaterali jew multilaterali jew, fin-nuqqas ta' dan, awtorità oħra li hi kompetenti biex toħroġ ċertifikati ta' residenza għal skopijiet ta' taxxa.

Artikolu 6

Definizzjoni ta' pagament ta' imgħaxx

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "pagament ta' imgħaxx" ifisser:

(a) imgħaxx imħallas jew akkreditat għal kont, relatat ma' prestensjonijiet ta' debitu ta' kull tip, kemm jekk iggranatiti permezz ta' ipoteka (mortgage) kemm jekk le u kemm jekk għandhom dritt għal parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur kemm jekk le, u, partikolarment, dħul minn sigurtajiet tal-gvern u dħul minn bonds jew obbligazzjonijiet, inklużi premiums u prizes mehmużin ma' dawn is-sigurtajiet, bonds jew obbligazzjonijiet; piżijiet penali għal pagamenti li jsiru tard m'għandhomx jitqiesu bħala pagamenti ta' imgħaxx;

(b) imgħaxx miġmugħ jew ikkapitalizzat mal-bejgħ, rifond jew redenzjoni tal-pretensjonijiet ta' debitu msejħa fl-(a);

(ċ) dħul ġej minn pagamenti ta' imgħaxx jew direttament jew permezz ta' entità msejħa fl-Artikolu 4(2), mqassam minn:

(i) UCITS awtorizzat skond id-Direttiva 85/611/KEE,

(ii) entitajiet li jikkwalifikaw għall-għażla taħt l-Artikolu 4(3),

(iii) impriżi għal investiment kollettiv stabiliti barra mit-territorju msejjaħ fl-Artikolu 7;

(d) dħul imwettaq mal-bejgħ, rifond jew redenzjoni ta' ishma jew unitajiet fl-impiżi u entitajiet li ġejjin, jekk jinvestu direttament jew indirettament, permezz ta' impriżi oħra għal investiment kollettiv jew entitajiet imsejħa hawn taħt, aktar minn 40 % ta' l-assi tagħhom f'pretensjonijiet ta' debitu kif imsejħa fl-(a):

(i) UCITS awtorizzat skond id-Direttiva 85/611/KEE,

(ii) entitajiet li jikkwalifikaw għall-għażla taħt l-Artikolu 4(3),

(iii) impriżi għal investiment kollettiv stabbiliti barra mit-territorju msejjaħ fl-Artikolu 7.

Madankollu, Stati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jinkludu dħul imsejjaħ taħt d-(d) fid-definizzjoni ta' imgħaxx biss sa l-estent li dan id-dħul jikkorrispondi għal qligħ direttament jew indirettament ġej minn pagamenti ta' imgħaxx fis-sens ta' l-(a) u l-(b).

2. Fir-rigward tal-paragrafu 1(c) u (d), meta aġent ta' pagament m'għandux informazzjoni dwar il-proporzjoni tad-dħul li jiġi minn pagament ta' imgħaxx, l-ammont totali tad-dħul għandu jiġi kkonsidrat bħala pagament ta' imgħaxx.

3. Fir-rigward tal-paragrafu 1(d), meta aġent ta' pagament m'għandux informazzjoni dwar il-perċentaġġ ta' l-assi investiti f'pretensjonijiet ta' debitu jew f'ishma jew unitajiet kif iddefiniti f'dak il-paragrafu, dak il-perċentaġġ għandu jiġi kkonsidrat li hu 'il fuq minn 40 %. Fejn ma jistax jistabbilixxi l-ammont ta' dħul imwettaq mill-użufruttwarju, d-dħul għandu jiġi meqjus li jikkorrispondi għad-dħul ta' flus mil-bejgħ, rifond jew redenzjoni ta' l-ishma jew unitajiet.

4. Meta imgħaxx, kif iddefinit fil-paragrafu 1, hu imħallas jew akkreditat lil kont miżmum minn entità msejħa fl-Artikolu 4(2), u din l-entità li ma kkwalifikatx għall-għażla taħt l-Artikolu 4(3), għandu jiġi kkonsidrat pagament ta' imgħaxx minn din l-entità.

5. Fir-rigward tal-paragrafu 1(b) u (d), Stati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jeħtieġu aġenti ta' pagament fit-territorju tagħhom biex jannwalizzaw l-imgħaxx matul perjodu ta' ħin li ma jistax ikun iżjed minn sena, u li jittrattaw dan l-imgħaxx annwalizzat bħala pagament ta' imgħaxx anki jekk l-ebda bejgħ, redenzjoni jew rifond ma jseħħ matul dak il-perjodu.

6. B'deroga mil-paragrafi 1(c) u (d), Stati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jeskludu mid-definizzjoni ta' pagament ta' imgħaxx kwalunkwe dħul imsejjaħ f'dawk id-disposizzjonijiet minn impriżi jew entitajiet stabbiliti ġot-territorju fejn l-investiment f'pretensjonijiet ta' debitu msejħin fil-paragrafu 1(a) ta' dawn l-entitajiet ma kienx iżjed minn 15 % ta' l-assi tagħhom. B'mod simili, b'deroga mil-paragrafu 4, Stati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jeskludu mid-definizzjoni ta' pagament ta' imgħaxx fil-paragrafu 1 imgħaxx imħallas jew akkreditat lil kont ta' entità msejħa fl-Artikolu 4(2) li ma kkwalifikatx għall-għażla taħt l-Artikolu 4(3) u hi stabbilita fit-territorju tagħhom, fejn l-investiment ta' din l-entità f'pretensjonijiet ta' debitu msejħa fil-paragrafu 1(a) ma kienx 'il fuq minn 15 % ta' l-assi tagħha.

L-eserċiżju ta' din l-għażla minn Stat Membru għandu jorbot l-Istati Membri oħra.

7. Il-perċentaġġ imsejjaħ fil-paragrafu 1(d) u l-paragrafu 3 għandu mill-1 ta' Jannar 2011 ikun 25 %.

8. Il-perċentaġġi msejħa fil-paragrafu 1(d) u fil-paragrafu 6 għandhom jiġu ddeterminati b'referenza għall-politika ta' l-investiment kif stabbilita fir-regoli jew strumenti fundamentali ta' l-inkorporazzjoni ta' l-impriżi jew entitajiet in kwistjoni u, fin-nuqqas ta' dan, b'referenza għall-komposizzjoni attwali ta' l-assi ta' l-impriżi jew entitajiet in kwistjoni.

Artikolu 7

Skop territorjali

Din id-Direttiva għandha tapplika lil imgħaxx imħallas minn aġent ta' pagament stabbilit fit-territorju għal liema japplika t-Trattat bis-saħħa ta' l-Artikolu 299 tagħha.

KAPITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 8

Ir-rappurtaġġ ta' l-informazzjoni mill-aġent ta' pagament

1. Fejn l-użufruttwarju huwa residenti fi Stat Membru barra minn dak ġo liema l-aġent ta' pagament hu stabbilt, l-ammont minimu ta' informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata mill-aġent ta' pagament lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membri ta' stabbilixximent tiegħu għandu jikkonsisti fi:

(a) l-identità u r-residenza ta' l-użufruttwarju stabbiliti skond l-Artikolu 3;

(b) l-isem u l-indirizz ta' l-aġent ta' pagament;

(ċ) in-numru tal-kont ta' l-użufruttwarju jew, fejn m'hemmx wieħed, identifikazzjoni tal-pretensjoni ta' debitu li tikkawża l-imghaxx;

(d) informazzjoni dwar il-pagament ta' imgħaxx skond il-paragrafu 2.

2. L-ammont minimu ta' informazzjoni dwar pagament ta' imgħaxx li għandu jiġi rrappurtat mill-aġent ta' pagament għandu jiddistingwi bejn il-kategoriji ta' imgħaxx li ġejjin u jindika:

(a) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(a): l-ammont ta' imgħaxx imħallas jew akkreditat;

(b) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(b) jew (d): jew l-ammont ta' imgħaxx jew dħul imsejjaħ f'dawk il-paragrafi jew l-ammont sħiħ tad-dħul ta' flus mil-bejgħ, redenzjoni jew rifond;

(ċ) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(c): jew l-ammont ta' dħul imsejjaħ f'dak il-paragrafu jew l-ammont sħiħ tat-tqassim;

(d) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(4): l-ammont ta' imgħaxx li jista' jiġi attribwit lil kull wieħed mil-membri ta' l-entità msejħa fl-Artikolu 4(2) li jilħaq il-kondizzjonijiet ta' l-Artikoli 1(1) u 2(1);

(e) fejn Stat Membru jeserċita l-għażla taħt l-Artikolu 6(5): l-ammont ta' imgħaxxx annwalizzat.

Madankollu, Stati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont minimu ta' informazzjoni dwar il-pagament ta' imgħaxx li għandu jiġi rrappurtat mill-aġent ta' pagament għall-ammont totali ta' imgħaxx jew dħul u għall-ammont tad-dħul ta' flus mil-bejgħ, rednzjoni jew rifond.

Artikolu 9

Skambju awtomatiku ta' informazzjoni

1. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-aġent ta' pagament għandha tikkomunika l-informazzjoni msejħa fl-Artikolu 8 lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-residenza ta' l-użufruttwarju.

2. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni għandha tkun awtomatika u għandha sseħħ mill-inqas darba fis-sena, fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tas-sena tat-taxxa ta' l-Istat Membru ta' l-aġent ta' pagament, għall-pagamenti ta' imgħaxx kollha magħmulin matul dik is-sena.

3. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 77/799/KEE għandhom japplikaw lill-iskambju ta' informazzjoni taħt din id-Direttiva, previst li d-disposizzjonjiet ta' din id-Direttiva ma jidderogawx minnha. Madankollu, l-Arikolu 8 tad-Direttiva 77/799/KEE m'għandux japplika għall-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skond dan il-kapitolu.

KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu 10

Perjodu transitorju

1. Matul perjodu transitorju li jibda fid-data msejħa fl-Artikolu 17(2) u (3) u bla ħsara għall-Artikolu 13(1), il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija m'għandhomx jiġu meħtieġa japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II.

Għandhom, madankollu, jirċievu informazzjoni mill-Istati Membri l-oħra skond il-Kapitolu II.

Matul il-perjodu transitorju, l-għan ta' din id-Direttiva għandu jkun li tiġi assigurata tassazzjoni minima effettiva ta' riżervi fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx magħmulin fi Stat Membru wieħed lil użufruttwarji li huma individwi għal skopijiet ta' taxxa fi Stat Membru ieħor.

2. Il-perjodu transitorju għandu jispiċċa fit-tmiem ta' l-ewwel sena fiskali sħiħa wara l-aktar tard tad-dati li ġejjin:

- id-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim bejn il-Komunità Ewropea, wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill, u l-aħħar tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-Priċipalità ta' Liechtenstein, ir-Repubblika ta' San Marino, il-Prinċipalità ta' Monako u l-Pronċipalità ta' Andorra, li jipprovdi għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba kif definit fil-Ftehim Mudell dwar Skambju ta' Informazzjoni fuq Kwistjonijiet ta' Taxxa OECD maħruġ fit-18 ta' April 2002 (hawnhekk iżjed 'il quddiem il-"Ftehim Mudell OECD") fir-rigward ta' pagamenti ta' imgħaxx, kif definit f'din id-Direttiva, magħmulin minn aġenti ta' pagament stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom lil użufruttwarji residenti fit-territorju għal liema tapplika d-Direttiva, barra mill-applikazzjoni simultanja minn dawk l-istess pajjiżi ta' taxxa minn ras il-għajn fuq dawn il-pagamenti bir-rata definita għall-perjodi korrispondenti msejjaħ fl-Artikolu 11(1),

- id-data fuq liema l-Kunsill jiftehem unanimament li l-Istati Uniti ta' Amerika huma kommessi għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba kif definit fil-Ftehim Mudell OECD fir-rigward ta' pagamenti ta' imgħaxx, kif definit f'din id-Direttiva, magħmulin minn aġenti ta' pagament stabbiliti ġot-territorju tiegħu lil użufruttwarji residenti fit-territorju lil liema tapplika d-Direttiva.

3. Fit-tmiem tal-perjodu transitorju, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija għandhom jiġu meħtieġa li japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II u għandhom jieqfu japplikaw it-taxxa minn ras il-għajn u t-tqassim ta' dħul previsti fl-Artikoli 11 u 12. Jekk, matul il-perjodu transitorju, il-Belġju, il-Lussemburgu jew l-Awstrija jagħżlu li japplikaw d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II, m'għandhomx japplikaw iżjed it-taxxa minn ras il-għajn u t-tqassim tad-dħul previsti fl-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 11

It-taxxa minn ras il-għajn

1. Matul il-perjodu transitorju msejjaħ fl-Artikolu 10, fejn l-użufruttwarju hu residenti fi Stat Membru barra minn dak ġo liema l-aġent ta' pagament hu stabbilit, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija għandhom jintaxxaw taxxa minn ras il-għajn b'rata ta' 15 % matul l-ewwel tlett snin tal-perjodu transitorju, 20 % għat-tlett snin ta' wara u 35 % wara dan.

2. L-aġent ta' pagament għandu jintaxxa taxxa minn ras il-għajn kif ġej:

(a) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(a): fuq l-ammont ta' imgħaxx imħallas jew akkredidat;

(b) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(b) jew (d): fuq l-ammont ta' imgħaxx jew dħul imsejjaħ f'dawk il-paragrafi jew permezz ta' taxxa ta' effett ekwivalenti li għandu jitħallas mir-reċipjent fuq l-ammont sħiħ tad-dħul mil-bejgħ, redenzjoni jew rifond;

(ċ) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(c): fuq l-ammont ta' dħul imsejjaħ f'dak il-paragrafu;

(d) fil-każ ta' pagament ta' imgħaxx fis-sens ta' l-Artikolu 6(4): fuq l-ammont ta' imgħaxx li jista' jiġi attribwit lil kull wieħed mil-membri ta' l-entità msejħa fl-Artikolu 4(2) li jilħaq il-kondizzjonjiet ta' l-Artikoli 1(1) u 2(1);

(e) fejn Stat Membru jeserċita l-għażla taħt l-Artikolu 6(5): fuq l-ammont ta' imgħaxx annwalizzat.

3. Għall-iskopijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, taxxa minn ras il-għajn għandha tiġi ntaxxata pro rata għall-perjodu ta' pussess tal-pretensjoni ta' debitu mill-użufruttwarju. Meta l-aġent ta' pagament ma jistax jiddetermina l-perjodu ta' pussess fuq il-bażi ta' informazzjoni fil-pussess tiegħu, għandu jittratta l-użufruttwarju bħalikieku kellu l-pretensjoni ta' debitu matul il-perjodu ta' eżistenza tagħha kemm-il darba jipprovdi evidenza tad-data ta' l-akkwist.

4. L-imposizzjoni ta' taxxa minn ras il-għajn mill-Istat Membru ta' l-aġent ta' pagament m'għandux jipprekludi l-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa ta' l-użufruttwarju milli jittaxxa d-dħul skond il-liġi nazzjonali tiegħu, bla ħsara għall-ħarsien tat-Trattat.

5. Matul il-perjodu transitorju, Stati Membri li jintaxxaw taxxa minn ras il-għajn jistgħu jipprovdu li operatur ekonomiku li jħalli imgħaxx lil, jew li jiggarantixxi imgħaxx għal, entità msejħa fl-Artikolu 4(2) stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu jiġi kkonsidrat l-aġent ta' pagament minflok l-entità u għandu jintaxxa t-taxxa minn ras il-għajn fuq dak l-imgħaxx, kemm-il darba l-entità ftehmet formalment għall-isem, indirizz u l-ammont totali ta' imgħaxx tiegħu mħallas lilu jew iggarantit għalih li qed jiġi kkomunikat skond l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2).

Artikolu 12

It-tqassim tad-dħul

1. Stati Membri li jintaxxaw taxxa minn ras il-għajn skond l-Artikolu 11(1) għandhom iżommu 25 % mid-dħul tagħhom u jittrasferixxu 75 % mid-dħul lill-Istat Membru tar-residenza ta' l-użufrutwarju ta' l-imgħaxx.

2. Stati Membri li jintaxxaw taxxa minn ras il-għajn skond l-Artkolu 11(5) għandhom iżommu 25 % tad-dħul u jittrasferixxu 75 % lill-Istati Membri l-oħra b'mod proporzjonat mat-trasferimenti mwettqa skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3. Dawn it-trasferimenti għandhom iseħħu mill-aktar tard f'perjodu ta' sitt xhur wara t-tmiem tas-sena tat-taxxa ta' l-Istat Membru ta' l-aġent ta' pagament fil-każ tal-paragrafu 1, jew dak ta' l-Istat Membru ta' l-operatur ekonomiku fil-każ tal-paragrafu 2.

4. Stati Membri li jintaxxaw taxxa minn ras il-għajn għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw il-funzjonament xieraq tas-sistema tat-tqassim tad-dħul.

Artikolu 13

Eċċezzjonijiet għall-proċedura ta' taxxa minn ras il-għajn

1. Stati Membri li jintaxxaw minn ras il-għajn skond l-Artikolu 11 għandhom jipprovdu għal wieħed jew iż-żewġ proċeduri li ġejjin sabiex ikun assigurat li l-użufruttwarji jistgħu jitolbu li l-ebda taxxa ma tinżamm:

(a) proċedura li tħalli lill-użufruttwarju b'mod espress biex jawtorizza l-aġent ta' pagament biex jirrapporta informazzjoni skond il-Kapitolu II, din l-awtorizazzjoni li tkopri l-imgħaxx kollu mħallas lill-użufruttwarju minn dak l-aġent ta' pagament; f'dawn il-każijiet, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 għandhom japplikaw;

(b) procedura li tassigura li taxxa minn ras il-għajn m'għandhiex tiġi ntaxxata fejn l-użufruttwarju jippreżenta lill-aġent ta' pagament tiegħu ċertifikat magħmul f'ismu mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-residenza tiegħu għal skopijiet ta' taxxa skond il-paragrafu 2.

2. Fuq it-talba ta' l-użufruttwarju, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-residenza tiegħu għal skopijiet ta' taxxa għandha toħroġ ċertifikat li jindika:

(a) l-isem, l-indirizz u n-numru tat-taxxa jew identifikazzjoni oħra jew, fin-nuqqaas ta' dan, id-data u l-post tat-twelid ta' l-użufruttwarju;

(b) l-isem u l-indirizz ta' l-aġent ta' pagement;

(ċ) in-numru tal-kont ta' l-użufruttwarju jew, fejn m'hemmx wieħed, l-identifikazzjoni tas-sigurtà.

Dan iċ-ċertifikat għandu jkun validu għal perjodu ta' mhux aktar minn tlett snin. Għandu jiġi maħruġ lil kwalunkwe użufruttwarju li jitolbu, f'xahrejn minn din it-talba.

Artikolu 14

Eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja

1. L-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa ta' l-użufruttwarju għandu jassigura l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe tassazzjoni doppja li tista' tirriżulta mill-imposizzjoni tat-taxxa minn ras il-għajn imsejħa fl-Artikolu 11, skond id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3.

2. Jekk imgħaxx irċevut minn użufruttwarju ġie suġġett għal taxxa minn ras il-għajn fl-Istat Membru ta' l-aġent ta' pagament, l-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa ta' l-użufruttwarju għandu jagħtih kreditu tat-taxxa ugwali għall-ammont ta' taxxa minn ras il-għajn skond il-liġi nazzjonali tiegħu. Fejn dan l-ammont hu iżjed mill-ammont ta' taxxa dovuta skond il-liġi nazzjonali tiegħu, l-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa għandu jħallas lura l-ammont li jibqa' ta' taxxa miżmuma lill-użufruttwarju.

3. Jekk, barra mit-taxxa minn ras il-għajn imsejħa fl-Artikolu 11, imgħaxx irċevut minn użufruttwarju ġie suġġett għal kwalunkwe tip ieħor ta' taxxa minn ras il-għajn u l-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa jagħti kreditu tat-taxxa għal din it-taxxa minn ras il-għajn skond il-liġi nazzjonali tiegħu jew konvenzjonijiet tat-tassazzjoni doppja, din it-taxxa min ras il-għajn oħra għandha tiġi akkreditata qabel il-proċedura fil-paragafu 2 ma hi applikata.

4. L-Istat Membru tar-residenza għal skopijiet ta' taxxa ta' l-użufruttwarju jista' jbiddel il-mekkaniżmu ta' kreditu tat-taxxa msejjaħ fil-paragrafi 2 u 3 b'rifond tat-taxxa minn ras il-għajn imsejħa fl-Artikolu 11.

Artikolu 15

Titoli ta' debitu negozjabbli

1. Matul il-perjodu transitorju msejjaħ fl-Artikolu 10, imma sal-31 ta' Diċembru 2010 mill-aktar tard, bonds domestiċi u internazzjonali u titoli ta' debitu negozzjabbli oħra li ntħarġu għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Marzu 2001 jew għal liema l-prospetti oriġinali tal-ħruġ ġew approvati qabel dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 80/390/KEE [7] jew mill-awtoritajiet responsabbli f'pajjiżi terzi m'għandhomx jiġu kkonsidrati bħala pretensjonijiet ta' debitu fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(a), previst li l-ebda ħarġiet ġodda ta' dawn it-titoli ta' debitu negozjabbli huma magħmulin fl-1 ta' Marzu jew wara l-1 ta' Marzu 2002. Madankollu, jekk il-perjodu transitorju msejjaħ fl-Artikolu 10 ikompli 'il quddiem mill-31 ta' Diċembru 2010, id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikomplu japplikaw biss fir-rigward ta' dawk it-titoli ta' debitu negozjabbli:

- li jkunu jinsabu fihom klawżoli gross-up u ta' redenzjoni kmieni u

- fejn l-aġent ta' pagament kif definit fl-Artikolu 4 hu stabbilit fi Stat Membru li japplika t-taxxa minn ras il-għajn imsejħa fl-Artikolu 11 u dak il-aġent ta' pagament iħalles imgħaxx lil, jew jiggarantixxi il-pagament ta' imgħaxx għall-vantaġġ immedjat ta', użufruttwarju residenti fi Stat Membru ieħor.

Jekk ħarġa oħra hi magħmula fl-1 ta' Marzu jew wara l-1 ta' Marzu 2002 ta' titolu ta' debitu negozjabbli msemmi hawn qabel maħruġ minn Gvern jew entità relatata li taġixxi bħala awtorità pubblika jew ir-rwol ta' liema hu rikonoxxut minn trattat internazzjonali, kif definit fl-Anness, il-ħarġa intiera ta' dan it-titolu, li jikkonsisti fil-ħarġa oriġinali u kwalunkwe ħarġa oħra, għandha tiġi kkonsidrata bħala pretensjoni ta' debitu fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(a).

Jekk ħarġa oħra hi magħmula fl-1 ta' Marzu jew wara l-1 ta' Marzu 2002 ta' titolu ta' debiu negozjabbli msemmi hawn qabel maħruġ minn kwalunkwe korp ieħor li joħroġ mhux kopert mit-tieni subparagrafu, din il-ħarġa l-oħra għandha tiġi kkonsidrata bħala pretensjoni ta' debitu fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(a).

2. Xejn f'dan l-Artikolu m'għandu jipprevjeni Stati Membri milli jimponu taxxa fuq id-dħul mit-titoli ta' debitu negozjabbli msejħa fil-paragrafu 1 skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom.

KAPITOLU IV

MIXXELLANJU U DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Taxxi minn ras il-għajn oħa

Din id-Direttiva m'għandhiex tipprekludi Stati Membri milli jintaxxaw tipi oħra ta' taxxa minn ras il-għajn minn dik imsejħa fl-Artikolu 11 skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom jew konvenzjonijiet tat-tassazzjoni doppja.

Artikolu 17

Trasposizzjoni

1. Qabel l-1 ta' Jannar 2004 Stati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-ħarsien ta' din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih.

2. Stati Membri għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2005 previst li:

(i) il-Konfederazzjoni Svizzera, il-Prinċipalità ta' Liechtenstein, ir-Repubblika ta' San Marino, il-Prinċipalità ta' Monako u l-Prinċipalità ta' Andorra japplikaw mill-istess data miżuri ekwivalenti għal dawk li jinsabu f'din id-Direttiva, skond ftehim magħmul minnhom mal-Komunità Ewropea, wara deċiżjonijiet unanimi tal-Kunsill;

(ii) il-ftehim kollu jew arranġamenti oħra qegħdin f'posthom, li jipprovdu li t-territorji dipendenti jew assoċjati rilevanti kollha (il-Gżejjer Channel, il-Gżira ta' Man u t-territorji dipendenti jew assoċjati fil-) japplikaw mill-istess data ta' l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fl-istess manjiera kif previst fil-Kapitolu II ta' din id-Direttiva, (jew, matul il-perjodu transitorju definit fl-Artikolu 10, japplikaw taxxa minn ras il-għajn bl-istess termini li jinsabu fl-Artikoli 11 u 12).

3. Il-Kunsill għandu jiddeċidi, unanimament, mill-inqas sitt xhur qabel l-1 ta' Jannar 2005, jekk il-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ser tintlaħaq, waqt li jikkonsidra d-dati ta' dħul fis-seħħ tal-miżuri rilevanti fil-pajjiżi terzi u territorji dipendenti jew assoċjati in kwistjoni. Jekk il-Kunsill ma jiddeċidix li l-kondizzjoni ser tintlaħaq, għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mil-Kummissjoni, jadotta data ġdida għall-iskopijiet tal-paragrafu 2.

4. Meta Stati Membri jadottaw id-disposizzjonijiet meħtieġa għal ħarsien ma' din id-Direttiva, għandha tkun tinsab fihom referenza għal din id-Direttiva jew tiġi akkumpanjata minn din ir-referenza fuq l-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Stati Membri għandhom jiddeterminaw kif din ir-refernza għandha tiġi magħmula.

5. Stati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni ta' dan u jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet ewlenin ta' liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u tabella ta' korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u d-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 18

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill kull tlett snin dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva. Fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tipproponi lill-Kunsill kwalunkwe emendamenti lid-Direttiva li jidhru li huma meħtieġa sabiex tkun assigurata aħjar it-tassazzjoni effettiva ta' riżervi ta' id-dħul u biex tneħħi l-isfrattar mhux mixtieq tal-kompetizzjoni

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin il-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

L-Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul f'Lussemburgu, 3 Ġunju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Christodoulakis

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 259.

[2] ĠU C 47 E, tas-27.2.2003, p. 553.

[3] ĠU C 48, tal-21.2.2002, p. 55.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 35).

[5] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[6] ĠU L 166, tat-28.6.1991, p. 77. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, tat-28.12.2001, p. 76).

[7] ĠU L 100, tas-17.4.1980, p. 1. Id-Direttiva mħassra mid-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 184, tas-6.7.2001, p. 1).

--------------------------------------------------

ANNESS

LISTA TA' ENTITAJIET RELATATI MSEJĦA FL-ARTIKOLU 15

Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 15, l-entitajiet li ġejjin għandhom jiġu kkonsidrati li huma "entità relatata li taġixxi bħala awtorità pubblika jew ir-rwol ta' liema hu rikonoxxut minn trattat internazzjonali":

- entitajiet fl-Unjoni Ewropea:

Il-Belġju | Vlaams Gewest (Ir-Reġjun tal-Flemish) Région wallonne (Ir-Reġjun ta' Walloon) Région bruxelloise/Brussels Gewest (Ir-Reġjun ta' Brussels) Communauté française (Il-Komunità Franċiża) Vlaamse Gemeenschap (Il-Komunità Flemish) Deutschsprachige Gemeinschaft (Il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż) |

L-Ispanja | Xunta de Galicia (L-Esekuttiv Reġjunali ta' Galicia) Junta de Andalucía (L-Esekuttiv Reġjunali ta' Andalusia) Junta de Extremadura (L-Esekuttiv Reġjunali ta' Extremadura) Junta de Castilla-La Mancha (L-Esekuttiv Reġjunali ta' Castilla-La Mancha) Junta de Castilla-León (L-Esekuttiv Reġjunali ta' Castilla-León) Gobierno Foral de Navarra (Il-Gvern Reġjunali ta' Navarre) Govern de les Illes Balears (Il-Gvern tal-Gżejjer Balears) Generalitat de Catalunya (Il-Gvern Awtonomu ta' Catalonia) Generalitat de Valencia (Il-Gvern Awtonomu ta' Valencia) Diputación General de Aragón (Il-Kunsill Reġjunali ta' Aragon) Gobierno de las Islas Canarias (Il-Gvern tal-Gżejjer Canary) Gobierno de Murcia (Il-Gvern ta' Murcia) Gobierno de Madrid (Il-Gvern ta' Madrid) Gobierno de la Comunidad Autónoma del País Vasco/Euzkadi (Il-Gvern tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż tal-Basque) Diputación Foral de Guipúzcoa (Il-Kunsill Reġjunali ta' Guipúzcoa) Diputación Foral de Vizcaya/Bizkaia (Il-Kunsill Reġjunali ta' Vizcaya) Diputación Foral de Alava (Il-Kunsill Reġjunali ta' Alava) Ayuntamiento de Madrid (Il-Kunsill Muniċipali ta' Madrid) Ayuntamiento de Barcelona (Il-Kunsill Muniċipali ta' Barcelona) Cabildo Insular de Gran Canaria (Il-Kunsill tal-Gżira ta' Gran Canaria) Cabildo Insular de Tenerife (Il-Kunsill tal-Gżira ta' Tenerife) Instituto de Crédito Oficial (Istituzzjoni tal-Kreditu Pubbliku) Instituto Catalán de Finanzas (Istituzzjoni tal-Finanzi ta' Catalonia) Instituto Valenciano de Finanzas (Istituzzjoni tal-Finanzi ta' Valencia) |

Il-Greċja | Οργανισμός Τηλεπικοινωνιών Ελλάδος (Organizzazzjoni tat-Telekomunikazzjonijiet Nazzjonali) Οργανισμός Σιδηροδρόμων Ελλάδος (Organizzazzjoni tal-Ferroviji Nazzjonali) Δημόσια Επιχείρηση Ηλεκτρισμού (Kumpannija ta' l-Eletrikku Pubblika) |

Il-Franza | La Caisse d'amortissement de la dette sociale (CADES) (Fond għall-Fidi tad-Dejn Soċjali) L'Agence française de développement (AFD) (Aġenzija għall-Iżvilupp Franċiż) Réseau Ferré de France (RFF) (Network tal-Ferroviji Franċiża) Caisse Nationale des Autoroutes (CNA) (Fond Nazzjonali ta' l-Awtostradi) Assistance publique Hôpitaux de Paris (APHP) (Assistenza Pubblika ta' l-Isptarijiet ta' Pariġi) Charbonnages de France (CDF) (Il-Bord tal-Faħam Franċiż) Entreprise minière et chimique (EMC) (Kumpannija tal-Minjieri u l-Kimiċi) |

L-Italja | Reġjuni Provinċi Muniċipalitajiet Cassa Depositi e Prestiti (Fond tad-Depożiti u s-Self) |

Il-Portugall | Região Autónoma da Madeira (Ir-Reġjun Awtonomu ta' Madeira) Região Autónoma dos Açores (Ir-Reġjun Awtomomu ta' Azores) Muniċipalitajiet |

- entitajiet internazzjonali:

Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment

Il-Bank ta' l-Iżvilupp ta' l-Asia

Il-Bank ta' l-Iżvilupp Afrikan

Il-Bank Dinji/IBRD/IMF

Il-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Finanzi

Il-Bank ta' l-Iżvilupp Inter-Amerikan

Il-Fond ta' l-Iżvilupp Soċjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa

Il-Euratom

Il-Komunità Ewropea

Corporación Andina de Fomento (CAF) (Il-Korporazzjoni ta' l-Iżvilupp ta' l-Andea)

Il-Eurofima

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Il-Bank Nordiku ta' l-Investiment

Il-Bank Karibbew ta' l-Iżvilupp

Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligazzjonijiet internazzjonali li Stati Membri setgħu daħlu għalihom fir-rigward ta' l-entitajiet internazzjonali msemmija hawn fuq

- entitajiet f'pajjiżi terzi:

Dawk l-entitajiet li jilħqu l-kriterji li ġejjin:

1. l-entità hi kkonsidrata bħala entità pubblika b'mod ċar skond il-kriterji nazzjonali;

2. dik l-entità pubblika mhijiex produttriċi għas-suq li tamministra u tiffinanzja grupp ta' attivitajiet, prinċipalment billi tipprovdi merkanzija u servizzi mhux għas-suq, maħsuba għall-benfiċċju tal-komunità u li huma kkontrollati effettivament minn gvern ġenerali;

3. dik l-entità pubblika hi waħda li toħroġ id-debitu b'mod kbir u regolari;

4. l-Istat in kwistjoni hu kapaċ jiggarantixxi li dik l-entità pubblika m'hijiex ser teserċita fidi kmieni fil-każ ta' klawżoli gross-up.

--------------------------------------------------