32003L0028



Official Journal L 090 , 08/04/2003 P. 0045 - 0046


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/28/KE

tas-7 ta' April 2003

li taddatta għar-raba' darba għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kummissjoni 94/55/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/7/KE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1) L-Annessi A u B tad-Direttiva 94/55/KE jirreferu għall-Annessi A u B tal-Ftehim Ewropew li jirrigwarda t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq, ġeneralment magħruf bħala l-ADR, kif applikabbli b'effett mill-1 ta' Lulju 2001.

(2) Il-ADR jiġi aġġornat kull sentejn. B'konsegwenza ta' dan, il-verżjoni emendata trid tkun fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Jannar 2003, b'perjodu transitorju taż-żmien sat-30 ta' Ġunju 2003.

(3) L-Anness Ċ fih riferimenti għall-marġinali li jridu jsiru punti.

(4) Huwa għalhekk meħtieġ li l-Annessi mad-Direttiva 94/55/KE jiġu emendati.

(5) Il-miżuri pprovvduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tat-trasport tal-merkanzija perikoluża,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi mad-Direttiva 94/55/KE huma emendati kif ġej:

1. L-Anness A jiġi mibdul b'li ġej:

"

L-ANNESS A

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness A mal-Ftehim Ewropew dwar it-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (ADR), kif applikabbli b'effett mill-1 ta' Jannar 2003, filwaqt li huwa mifhum illi l-frażi "parti kontrattanti" tiġi mibdula bil-frażi "Stat Membru".

It-test ta' l-emendi tal-verżjoni tas-sena 2003 ta' l-Anness A ta' l-ADR jrid jiġi ppubblikat malajr hekk kif ikun disponibbli fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Komunità.

"

2. L-Anness B jiġi mibdul b'li ġej:

"

L-ANNESS B

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness B mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali tal-merkanzija Perikoluża bit-Triq (ADR), kif applikabbli b'effett mill-1 ta' Jannar 2003, filwaqt li hu mifhum illi l-frażi "parti kontrattanti" tiġi mibdula bil-frażi "Stat Membru".

It-test ta' l-emendi tal-verżjoni tas-sena 2003 ta' l-Anness B ma' l-ADR irid jiġi ppubblikat hekk kif tkun disponibbli fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Komunita.

"

3. L-Anness Ċ jiġi emendat skond l-Anness Ċ ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2003. Gġandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-testi tad-dispożizzjonijiet fil-liġijiet interni li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' April 2003.

Għall-Kummissjoni

Loyola De Palacio

Viċi-President

[1] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7.

[2] ĠU L 30, ta' l-1.2.2001, p. 43.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS Ċ

1. Taħt il-punt 2, ibdel il-frażi "huwa l-marġinal 10599 fl-Anness B" bil-frażi "huwa l-Kapitolu 1.9 fl-Anness A".

2. Taħt il-punt 4, ibdel il-frażi "huwa l-marġinal 2 211 fl-Anness A" bil-frażi "jikkonsisti fid-definizzjonijiert ta' "ċilindru", "tubu", "tanbur tal-pressa", "reċipjent ċiroġeniku" u "xtelliera ċilindrika" mogħtija fit-taqsima 1.2.1 ta' l-Anness A."

3. Taħt il-punt 5, ibdel "huma l-marġinali 2 010 u 10 602 fl-Annessi A u B" bil-frażi "huma dawk fil-Kapitolu 1.5 fl-Anness A".

"

.

--------------------------------------------------