32003L0020



Official Journal L 115 , 09/05/2003 P. 0063 - 0067


Id-Direttiva 2003/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-8 ta' April 2003

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/671 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-użu mandatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà f'vetturi ta' inqas minn 3,5 tunnellati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li konsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-Artikolu 153 tat-Trattat jeħtieġ b'mod partikolari illi, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni lill-konsumatur, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interesi ekonomiċi tal-konsumaturi.

(2) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1984 [4], il-Parlament Ewropew għamel l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà obbligatorju fuq it-toroq kollha, sewwa jekk rurali u sewwa jekk urbani, bħala miżura ta' prijorità. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Frar 1986 [5], enfasizza l-ħtieġa li x-xedd taċ-ċintorini tas-sigurtà jsir obbligatorju għall-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal għajr fuq il-vetturi tas-servizzi pubbliċi.

(3) Id-Direttiva 91/671/KEE [6] tipprovdi għall-użu obbligatorju tat-trażżin għat-tfal fuq il-postijiet imgħammra biċ-ċintorini tas-sigurtà. Din id-Direttiva ma tispeċifikax it-tip tas-sistema tat-trażżin għat-tfal li tkun xierqa u tippermetti l-ġarr tat-tfal mingħajr ma jiġu mrażżna bi trażżin xieraq għat-tfal meta dan it-trażżin ma jkunx disponibbli.

(4) Jinħtieġ użu aktar strett ta' dawn is-sistemi, biex b'hekk noqorbu lejn il-prinċipu ta' l-użu obbligatorju riferit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

(5) Bid-Deċiżjoni 97/836/KE [7], il-Komunità laqgħet il-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jirrigwarda l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta' l-approvazzjonijiet konċessi fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet.

(6) Bl-adeżjoni ma' dan il-Ftehim, il-Komunità laqgħet lista ddefinta ta' regolamenti stabbiliti skond dan il-Ftehim, inkluża dik li tirrigwarda l-approvazzjoni tal-mezzi tat-trażżin għat-tfal riekba fuq il-vetturi mmexxija bl-enerġija (trażżin għat-tfal).

(7) Għalkemm in-numru tat-tfal imweġġgħin b'mod fatali fid-dħul tal-karrozzi ġo xulxin huwa relattivament żgħir meta mqabbel ma' l-imwiet tat-tfal pedestrijani jew it-tfal ċiklisti, jeħtieġ li jiġu rinfurzati r-regoli komuni tal-protezzjoni tat-tfal. B'mod partikolari, r-riċerka wriet illi l-użu ta' mezzi tat-trażżin għat-tfal jista' jagħmel kontribuzzjoni sostanjali fit-tnaqqis tal-gravità tal-korriment bil-ħbit tal-vetturi fil-każ ta' ħbit u li r-riskju ta' korriment iktar gravi fi ħbit huwa ogħla għat-tfal m'humiex imrażżna milli għat-tfal imrażżna.

(8) L-Istati Membri għandhom madankollu, bil-qbil tal-Kummisjoni, jkunu kapaċi jawtrorizzaw ċerti eżenzjonijiet għat-trasport fil-pajjiżi tagħhom fil-każ ta' sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna; l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-passi meħtieġa għalbiex jevitaw l-abbuż.

(9) Ġaladarba qiegħed isir dejjem aktar komuni illi l-vetturi M2 u M3 jiġu mgħammrin biċ-ċintorini tas-sigurtà skond id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/36/KE [8], 96/37/KE [9] u 96/38/KE [10], huwa raġjonevoli li l-passiġġieri bil-qiegħda għandhom ikunu meħtieġa li jilbsuhom. Il-passiġġieri f'dawn il-vetturi għandhom jiġu mgħarrfa bil-ħtieġa li jilbsu ċ-ċintorini tas-sigurtà meta l-vettura tkun miexja.

(10) Fil-preżent ma jeżistu l-ebda studji magħrufa fil-livell Komunitarju li jirrigwardaw l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà mit-tfal taħt l-eta ta' l-eta ta' tliet snin fil-vetturi M2 u M3. Għalhekk, minħabba l-importanza li t-tfal jiġu protetti minn kull tip ta' inċident, il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-istudji sabiex tistabbilixxi l-arranġamenti Komunitarji l-aktar xierqa biex jiġu applikati għat-tfal li jivvjaġġaw f'dawn il-vetturi. Sakemm jitlestew dawn l-istudji, madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-permess li jagħżlu l-arranġamenti li jridu japplikaw.

(11) Qegħdin isiru żviluppi tekniċi bla waqfien fil-qasam tas-sistemi tas-sigurtà; għandu għalhekk jiġi stabbilit il-makkinarju għall-addattament tekniku.

(12) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi applikata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [11],

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/671/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. it-titolu għandu jiġi mibdul b'li ġej: "Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi";

2. L-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-vetturi kollha bil-magna fil-kategoriji M1, M2, M3, N1, N2 u N3 kif iddefinit fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE [*] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156 tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni skond it-tip tal-vetturi bil-magna u t-trailers tagħhom (ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/116/KE (ĠU L. 18, tal- 21.01.2002, p. 1)., għall-użu fuq it-triq, li jkollhom mill-inqas erba' roti u veloċità massima skond id-disinn li taqbeż il-25 km/h.

2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

- id-definizzjonijiet tas-sistem tas-sigurtà, inklużi ċ-ċintorini tas-sigurtà u l-mezzi għat-trażżin għat-tfal, rigward il-vetturi fil-kategoriji M1 u N1,u tal-komponenti tagħhom, għandhom ikunu dawk li jidhru fl-Anness I mad-Direttiva 77/541 [**] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 ta' Ġunju 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistema tat-trażżin fil-vetturi bil-magna (ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/3/KE (ĠU L 53, tal-25.02.2000, p. 1).,

- "iħarsu lura" għandha tfisser ħarsien lejn id-direzzjoni opposta għad-direzzjoni normali tal-vjaġġ tal-vettura.

3. Il-mezzi għat-trażżin għat-tfal għandhom jiġu klassifikati f'ħames "gruppi skond it-toqol";

(a) il-grupp 0 għat-tfal ta' toqol inqas minn 10 kg;

(b) il-grupp 0 + għat-tfal ta' toqol inqas minn 13-il kg;

(ċ) il-grupp I għat-tfal ta' toqol bejn id-9 kg u t-18-il kg;

(d) il-grupp II għat-tfal ta' toqol minn 15-il kg sa 25 kg;

(e) il-grupp III għat-tfal ta' toqol minn 22 kg sa 36 kg.

4. It-trażżin għat-tfal għandu jkun suddiviż f'żewġ klassijiet:

(a) klassi integrali li jkun fiha għaqda ta' ċineg jew komponenti flessibbli b'bokkla li ssakkar, mezz ta' l-aġġustament, it-twaħħil u f'xi każi siġġu u/jew ilqugħ ta' protezzjoni mill-impatt supplimentari, kapaċi li jiġu ankrati permezz taċ-ċinga jew iċ-ċineg integrali minnha/hom nfisha/hom;

(b) klassi mhux integrali li jista' jkun fiha trażżin parzjali li, meta wżat f'għaqda ma' ċintorin ta' adult li jgħaddi madwar il-ġisem tat-tifel/tifla jew li jirrestrinġi l-mezz li fih ikunu tqiegħdu t-tidel/tifla, jiffurmaw sistema sħiħa ta' trażżin tat-tidel/tifla,"

3. L-Artikolu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

1. Il-vetturi M1, N1, N2 u N3:

(a) (i) għall-vetturi M1, NI, N2 u N3, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-okkupanti kollha tal-vetturi fl-użu għandhom jużaw is-sistemi tas-sigurtà pprovvduti.

It-tfal ta' inqas minn 150 ċm tul għandhom jiġu mrażżna b'sistema integrali jew mhux integrali tat-trażżin għat-tfal, fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(4)(a) u (b), li jixirqu t-toqol tat-tifel/tifla kif iddefinit fil-1(3);

fil-vetturi M1, N1, N2 u N3 li ma jkunux imgħammra b'sistemi tas-sigurtà:

- it-tfal taħt it-tliet snin ma jistgħux jiġu trasportati,

- mingħajr preġudizzju għall-punt (ii), it-tfal taħt it-tliet snin u fuqhom u inqas minn 150 ċm tul għandhom joqogħdu f'post ieħor għajr il-post ta' quddiem;

(ii) l-Istati Membri jistgħu jippermettu, fit-territorju tagħhom, tfal ta' inqas minn 150 ċm u mill-inqas 135 ċm tul li jiġu mrażżna minn ċintorin tas-siġurtà għall-adulti. Dawn il-limiti tat-tul għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7b(2);

(iii) madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu, fit-territorju tagħhom, lil dawk it-tfal riferiti fil-(i) u t-(ii) li ma jiġux imrażżna minn sistema tat-trażżin għat-tfal meta jkunu jivvjaġġaw f'karozza tal-kiri. Madankollu, meta t-tfal imsemmija hawn fuq ikunu qegħdin jivvjaġġaw fil-karozzi tal-kiri mgħammra b'sistemi tat-trażżin għandhom joqogħdu f'post ieħor għajr il-post ta' quddiem;

(b) it-tfal ma jistgħux jiġu trasportati waqt l-użu ta' sistema tat-trażżin li tħares lura f'post ta' passiġġier protett minn borża ta' l-arja fuq quddiem għajr jekk il-borża ta' l-arja tkun mitfija mill-attivazzjoni, saħansitra meta l-borża ta' l-arja tiġi mitfija awtomatikament mill-attivazzjoni f'manjiera suffiċjenti;

(ċ) meta tintuża sistema tat-trażżin għat-tfal, għandha tkun approvata skond l-istandards tar-Regolament UN-ECE 44/03 jew tad-Direttiva 77/541, jew kull addattazzjoni oħra għaliha;

(d) sad-9 ta' Mejju 2008 l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta' sistemi tat-trażżin għat-tfal skond l-istandards li jkunu japplikaw fl-Istat Membru fid-data ta' l-istallazzjoni tas-sistema tat-trażżin jew skond l-istandards nazzjonali ekwivalenti għar-Regolament 44/03 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa jew id-Direttiva 75/541/KEE.

2. Il-vetturi M2 u M3:

(a) L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-okkupanti kollha ta' l-età ta' tliet snin u fuqhom fil-vetturi M2 u M3 fl-użu għandhom jużaw is-sistemi tas-sigurtà provvduti waqt li jkunu bil-qiegħda.

It-trażżin għat-tfal għandu jiġi approvat skond il-paragrafu (1)(ċ) u (d);

(b) il-passiġġieri fil-vetturi M2 u M3 għandhom jiġu mgħarrfa bil-ħtieġa li jilbsu ċ-ċintorini tas-sigurtà kulmeta jkunu bil-qiegħda u l-vettura tkun miexja. Għandhom jiġu mgħarrfa b'mod jew iktar:

- mis-sewwieq,

- mill-konduttur, il-courier, jew l-uffiċjal innominat bħala l-mexxej tal-grupp,

- bil-mezzi awdjo-viżwali (p.e. video),

- bis-sinjali u/jew il-piktogramma stabbiliti mill-Istati Membri skond id-disinn tal-Komunità fl-Anness, esibiti b'mod prominenti f'kull post bil-qiegħda.";

4. L-Artikolu 4 għandu jiġi mħassar;

5. L-Artikolu 6 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

Għat-trasport fit-territorju tagħhom l-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jikkonċedu eżenzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 5, għalbiex:

- iqisu kundizzjonijiet fiżiċi speċifiċi, jew ċirkostanzi partikolari ta' tul limitu taż-żmien,

- jippermettu li jitwettqu ċerti tipi ta' qagħad fil-postijiet b'mod effettiv,

- li jiżguraw illi l-pulizija, jew is-servizzi tas-sigurtà jew ta' l-emerġenza jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom kif jixraq,

- meta jkunu mgħammra żewġ mezzi tat-trażżin għat-tfal fuq in-naħa ta' wara tal-vetturi M1 u M2 u n-nuqqas ta' spazju jipprevjieni it-twaħħil tat-tielet wieħed, it-tielet tifel/tifla ta' l-età ta' tliet snin jew fuqhom u ta' inqas minn 150 ċm iridu jiġu mrażżna permezz taċ-ċintorin għall-adulti,

- sabiex jippermettu t-tfal ta' l-età ta' tliet snin jew fuqhom li jiġu mrażżna permezz ta' ċintorin tas-sigurtà ta' l-adulti, fil-postijiet l-oħra għajr dawk ta' quddiem tal-vetturi M1 u M2, għat-trasport ta' kultant fuq distanza qasira meta ma jkun hemm l-ebda mezz tat-trażżin jew meta ma jkunux disponibbli numru biżżejjed ta' mezzi tat-trażżin għat-tfal fil-vettura,

- li jqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' l-użu tal-vetturi M1 u M2 għat-trasport lokali fiż-żoni urbani u dawk mibnija, li fihom ikunu permessi l-bil-wieqfa.";

6. għandhom jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

"L-Artikolu 6a

L-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jikkonċedu eżenzjonijiet temporanji, għajr dawk ipprovduti fl-Artikoli 5 u 6, sabiex, bla ħsara għall-konformità mar-regoli ta' l-Istati Membri interessati, il-ħidmiet tat-trasport lokali, b'mod partikolari rigward il-karrozzi tat-tfal ta' l-iskola, jkunu jistgħu jġorru numu ikbar ta' tfal bil-qiegħda fil-vetturi M1 u M2 milli jkun hemm postijiet bil-qiegħda imgħammra biċ-ċintorini tas-sigurtà.

Il-perjodu taż-żmien tal-validità ta' dawn l-eżenzjonijiet, iffissat mill-Istat Membru, ma jistax ikun iktar minn ħames snin mid-9 ta' Mejju 2003.

L-Artikolu 6b

L-Istati Membri jistgħu, għat-trasport fit-territorju tagħhom, jikkonċedu eċċezzjonijiet temporanji, għajr dawk ipprovduti fl-Artikoli 5 u 6, sabiex, bla ħsara għall-konformità mar-regoli ta' l-Istati Membri interessati, jippermettu li jġorru numru akbar ta' persuni fil-postijiet għajr il-postijiet ta' quddiem tal-vetturi M1u N1 milli jkunu disponibbli postijiet imgħammra biċ-ċintorini tas-sigurtà jew sistemi tat-trażżin.

Il-perjodu taż-żmien tal-validità ta' dawn l-eżenzjonijiet, iffissati mill-Istati Membri ma jistax ikun ta' iktar minn sitt snin mid-9 ta' Mejju 2003";

7. Għandhom jiġu miżjuda l-Artikoli li ġejjin:

"L-Artikolu 7a

1. Sabiex jitqies il-progress tekniku, l-Artikoli 2 u 6 jistgħu jiġu adattati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7b(2).

2. Il-Kummissjoni għandha tissokta twettaq l-istudji dwar is-sistemi tas-sigurtà l-aktar xierqa sabiex jippromwovu l-protezzjoni tal-passiġġieri kollha mit-tipi kollha ta' inċidenti u għandha tissottometti lill-Parlament u lill-Kummissjoni rapport dwar is-sejbiet ta' dawn l-istudji u dwar kif tiġi applikata din id-Direttiva, b'mod partikolari dwar l-eżenzjonijiet konċessi mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6, sabiex jiġi stmat jekk ikunx tal-parir li jiġu msaħħa l-miżuri tas-sigurtà u l-ħtieġa ta' iktar armonizzazzjoni. Meta xieraq, fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-proposti li jeħtieġ.

L-Artikolu 7b

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE [*] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23., filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi fissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.";

8. Għandu jiġi miżjud l-Anness li jidher fl-Anness ma din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel id-9 ta' Mejju 2006.

Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jkunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fil-Lussemburgu, fit-8 ta' April 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 330.

[2] ĠU C 260, tas-17.9.2001, p. 30.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2001 (ĠU C 47 E, tal-21.2.2002, p. 156), Pożizzjoni Komuni ta' l-14 ta' Novembru 2002 (ĠU C 299 E, tat-3.12.2002, p. 38) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU C 104, tas-16.4.1984, p. 38.

[5] ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.

[6] ĠU L 373, tal-31.12.1991, p. 26.

[7] ĠU L 346, tas-17.12.1997, p. 78.

[8] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/36/KE tas-17 ta' Ġunju 1996 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva 77/541/KEE li għandha x'taqsam maċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin tal-vetturi bil-magna (ĠU L 178, tas-17.7.1996, p. 15).

[9] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/37/KE tas-17 ta' Ġunju 1996 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva 74/408/KEE li għandha x'taqsam ma' l-oġġetti tat-twaħħil fuq ġewwa tal-vetturi bil-magna (is-saħħa tal-postijiet ta' bil-qiegħda u l-ankraġġ tagħhom) (ĠU L 186, tal-25.7.1996, p. 28).

[10] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/38/KE tas-17 ta' Ġunju 1996 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 76/115 li għandha x'taqsam ma' l-ankraġġi taċ-ċintorini tas-sigurtà tal-vetturi bil-magna (ĠU L 187, tas-26.7.1996, p. 95).

[11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS

ID-DISINN KOMUNITARJU GĦALL-PIKTOGRAMMA ESIBITA B'MOD PROMINENTI F'KULL POST TAL-QAGĦAD BIL-QIEGĦDA IMGĦAMMAR B'ĊINTORIN TAS-SIGURTÀ FIL-VETTURI M2 U M3 KOPERTI BID-DIRETTIVA 91/671

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------