32003L0009



Official Journal L 031 , 06/02/2003 P. 0018 - 0025


Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE

tas-27 ta' Jannar 2003

li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari il-punt (1)(b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) Politika komuni dwar ażil, inkluża Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea, hija parti kostitwenti ta' l-għan ta' l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi progressivament żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkostanzi, ifittxu b'mod leġittimu protezzjoni fil-Komunita.

(2) F'laqgħa speċjali f'Tampere fil-15 u 16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew qabel li jaħdem biex jistabbilixi Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, hekk iżżomm il-prinċipju ta' non-refoulement.

(3) Il-Konklużjonijiet ta' Tampere jipprovdu li Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea għandha tinkludi, fi żmien qasir, kondizzjonijiet komuni minimi ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil.

(4) L-istabbiliment ta' standards minimi għar-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil huwa pass ‘il quddiem lejn politika Ewropea dwar ażil.

(5) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta ta' Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 1 u 18 tal-Karta msemmija.

(6) Fir-rigward tat-trattament ta' persuni li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva, Stati Membri huma marbuta b'obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li għalihom huma parti u li jipprobixxu diskriminazzjoni.

(7) Standards minimi għar-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil li normalment għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta' ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta' ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu preskritti.

(8) L-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għar-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil għandha tgħin biex tillimita movimenti sekondarji ta' min ifittex ażil influwenzati mill-varjetà ta' kondizzjonijiet għar-rakoljenza tagħhom.

(9) Akkoljenza ta' gruppi bi bżonnijiet speċjali għandha tkun iddisinjata biex tissodisfa dawk il-bżonnijiet.

(10) Akkoljenza ta' applikanti li huma f'detenzjoni għandha tkun iddisinjata b'mod speċifiku biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom f'dik is-sitwazzjoni.

(11) Biex tkun żgurata osservanza tal-garanziji proċedurali minimi li jikkonsistu fl-opportunita li jkunu kkuntattjati organizzazjonijiet u gruppi ta' persuni li jipprovdu assistenza legali, informazzjoni dwar organizzazzjonijiet u gruppi ta' persuni tali għandha tkun ipprovduta.

(12) Il-possibilità ta' abbuż tas-sistema ta' akkoljenza għandha tkun ristretta billi jkunu stabbiliti każijiet għar-riduzzjoni jew irtirar ta' kondizzjonijiet ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil.

(13) L-effiċjenza ta' sistemi nazzjonali ta' akkoljenza u koperazzjoni fost Stati Membri fil-qasam ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil għandha tkun żgurata.

(14) Kordinazzjoni xierqa għandha tkun imħajra bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil, u relazzjonjijiet armonjużi bejn komunitajiet lokali u ċentri ta' akkomodazzjoni għandhom għalhekk ikunu promossi.

(15) Hija fl-istess natura ta' standards minimi li Stati Membri jkollhom il-poter li jintroduċu jew iżommu provvedimenti iktar favorevoli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni bla stat li jitolbu għal protezzjoni internazzjonali minn għand Stat Membru.

(16) F'dan l-ispirtu, Stati Membri huma wkoll mistiedna li japplikaw id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva in konnessjoni ma' proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal għamliet ta' protezzjoni barra dik li toħroġ mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni bla stat.

(17) L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tkun ivvalorizzata f'intervalli regolari.

(18) Ladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri tistabbilixxi standards minimi dwar ir-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil fi Stati Membri, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-kobor u l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar mill-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjareta kif iddikjarati fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalita, iddikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(19) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit ta notifika, b'ittra tat-18 ta' Awissu 2001, tax-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(20) Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll imsemmi, l-Irlanda mhix tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva. B'konsegwenza, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi hawn iktar qabel, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma japplikawx għall-Irlanda.

(21) Skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea id-Danimarka mhix tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk la hija marbuta biha lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

GĦAN, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards minimi għar-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil fi Stati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "Konvenzjoni ta' Ġinevra" għandha tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta' Lulju 1951 konnessa ma' l-istatus tar-refuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta' New York fil-31 ta' Jannar 1967;

(b) "applikazzjoni għall-ażil" għandha tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna bla stat li tista' tinftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta li tkun applikazzjoni għal ażil, ħlief jekk ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna bla stat espliċitement jitlob protezzjoni ta' xorta oħra li tista' ssir applikazzjoni għaliha separatament;

(ċ) "applikant" jew "min ifittex ażil" għandha tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li għamel applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħdittx;

(d) "membri tal-familja" għandha tfisser, sakemm il-familja kienet diġa teżisti fil-pajjiż ta' oriġini, il-membri tal-familja ta' l-applikant li ġejjin li huma preżenti fl-istess Stat Membru in relazzjoni ma' l-applikant għal ażil:

(i) ir-raġel/il-mara ta' min ifittex il-ażil jew il-partner mhux miżżewweġ tiegħu jew tagħha f'relazzjoni stabbli, fejn il-leġislazzjoni jew prassi ta' l-Istat Membru kkonċernat tittratta koppji mhux miżżewġa b'manjiera komparabbli ma' koppji miżżewġa taħt il-liġi tiegħu dwar aljeni;

(ii) it-tfal minorenni tal-koppja li jirreferi għaliha l-punt (i) jew ta' l-applikant, fuq kondizzjoni li mhumiex miżżewġa u dipendenti u mingħajr ma jittieħed każ ta' jekk twildux ġewwa jew barra ż-żwieġ jew adottati kif iddefinit taħt il-liġi nazzjonali;

(e) "refuġjat" għandha tfisser persuna li tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

(f) "status ta' refuġjat" għandha tfisser l-istatus mogħti minn Stat Membru lil persuna li huwa refuġjat u li huwa ammess bħala tali fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

(g) "proċeduri" u "appelli", għandhom ifissru l-proċeduri u l-appelli stabbiliti minn Stati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom;

(h) "minorenni mhux akkompanjati" għandha tfisser persuni taħt l-eta ta' tmintax li jaslu fit-territorju ta' l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adult responsabbli għalihom bil-liġi jew b'użanza, u għaż-żmien sakemm huma ma jittiħdux effettivament fir-responsabbilta ta' persuna tali; għandha tinkludi minorenni li jitħallew mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta' Stati Membri;

(i) "kondizzjonijiet ta' akkoljenza" għandha tfisser is-sett sħiħ ta' miżuri li Stati Membri jagħtu lil min ifittex ażil skond din id-Direttiva;

(j) "kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali" għandha tfisser kondizzjonijiet ta' akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f'vouchers, u konċessjoni għal spejjeż ta' kuljum;

(k) "detenzjoni" għandha tfisser restrizzjoni ta' min ifittex ażil minn Stat Membru għal post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta' moviment tiegħu jew tagħha;

(l) "ċentru ta' akkomodazzjoni" għandha tfisser kull post użat għal akkomodazzjoni kollettiva ta' min ifittex ażil.

Artikolu 3

Skop

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta' Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqgħodu fit-territorju bħala min ifittex ażil, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għal ażil tali skond il-liġi nazzjonali.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika f'każijiet ta' talbiet għal ażil diplomatiku jew territorjali ssottomessi lil rappreżentanzi ta' Stati Membri.

3. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika meta jkunu applikati d-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ta' l-20 ta' Lulju 2001 dwar standards minimi biex tingħata protezzjoni temporanja fil-każ ta' wasla f'massa ta' persuni spostati u dwar miżuri li jippromwovu bilanċ ta' sforzi bejn Stati Membri fl-akkoljenza ta' persuni tali u r-rfigħ tal-konsegwenzi tagħha [5].

4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva f'konnessjoni ma' proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal għamliet ta' protezzjoni barra dik li toħroġ mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra għal ċittadin ta' pajjiżi terzi u persuni bla stat li jinstabu li mhumiex refuġjati.

Artikolu 4

Disposizzjonijiet iktar favorevoli

Stati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli fil-qasam ta' kondizzjonijiet ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-ażil u qraba stretti oħra ta' l-applikant li huma preżenti fl-istess Stat Membru meta huma dipendenti fuqu jew għal raġunijiet umanitarji sakemm dawn id-disposizzjonijiet huma kompatibbli ma' din id-Direttiva.

KAPITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR KONDIZZJONIJIET TA' AKKOLJENZA

Artikolu 5

Informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil min ifittex ażil, fi żmien raġonevoli li ma jeċċedix ħmistax-il jum wara li jkunu ddepożitaw l-applikazzjoni għal ażil tagħhom ma' l-awtorita kompetenti, għall-inqas b'xi benefiċċji stabbiliti u bl-obbligi li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom konnessi mal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza.

Stati Membri għandhom jiżguraw li applikanti tingħatalhom informazzjoni dwar organizzazzjonijiet jew gruppi ta' persuni li jipprovdu assistenza legali speċifika u organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinuhom jew jinformawhom dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza disponibbli, inkluża kura tas-saħħa.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 tkun bil-miktub u, sakemm hu possibbli, f'lingwa li l-applikanti jista' wieħed raġonevolment jissupponi li jifhmu. Fejn xieraq, din l-informazzjoni tista' wkoll tkun fornita oralment.

Artikolu 6

Dokumentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem wara li applikazzjoni tkun iddepożitata ma' l-awtorita kompetenti, l-applikant jingħata dokument maħruġ f'ismu jew isimha stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu jew tagħha bħala min ifittex ażil jew li jiddikjara li hu jew hi huwa/hija permess/a j(t)oqgħod fit-territorju ta' l-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

Jekk id-detentur mhux liberu li jiċċaqlaq ġewwa t-territorju kollu jew parti minnu ta' l-Istat Membru, id-dokument għandu wkoll jiċċertifika dan il-fatt.

2. L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu meta min ifittex ażil ikun f'detenzjoni u matul l-eżami ta' applikazzjoni għal ażil magħmula fil-konfini jew fil-kuntest ta' proċedura biex ikun deċiż id-dritt ta' l-applikant biex jidħol legalment fit-territorju ta' Stat Membru. F'każijiet speċifiċi, matul l-eżami ta' applikazzjoni għal ażil, Stati Membri jistgħu jipprovdu lil applikanti evidenza oħra ekwivalenti għad-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1.

3. Id-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1 mhux meħtieġ li jiċċertifika l-identità ta' min ifittex ażil.

4. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jipprovdu lil dawk li jfittxu ażil id-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1, li għandu jkun validu sakemm ikunu awtorizzati joqgħodu fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat jew fil-konfini tiegħu.

5. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu lil dawk li jfittxu kenn dokument ta' l-ivvjaġġar meta raġunijiet umanitarji serji jirrekjedu l-preżenza tagħhom fi Stat ieħor.

Artikolu 7

Residenza u libertà ta' moviment

1. Dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b'mod liberu fit-territorju ta' l-Istat Membru li jilqagħhom jew f'żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m'għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha taħt din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza ta' min ifittex ażil minħabba reġunjiet ta' interess pubbliku, ordni pubblika jew, meta meħtieġ, ta' pproċessar ta' malajr u mmonitorjar effettiv ta' l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha.

3. Meta jkun ipprovat meħtieġ, per eżempju għal reġunijiet legali jew raġunijiet ta' ordni pubblika, Stati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikulari skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta' akkoljenza suġġetti għal residenza attwali mill-applikanti f'post speċifiku, li għandu jkun iddeterminat mill-Istati Membri. Deċiżjoni bħal din, li tista' tkun ta' natura ġenerali, għandha tittieħed b'mod individwali u stabbilita mil-leġislazzjoni nazzjonali.

5. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal possibbiltà li jagħtu lill-applikanti permess temporanju li jħallu l-post ta' residenza msemmi fil-paragrafi 2 u 4 u/jew iż-żona assenjata msemmija fil-paragrafu 1. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod individwali, oġġettivament u imparzjalment u jingħataw raġunijiet jekk ikunu negattivi.

L-applikant m'għandux jirrikjedi permess biex iżomm appuntamenti ma' awtoritajiet u qrati jekk il-preżenza tiegħu jew tagħha tkun meħtieġa.

6. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz kurrenti tagħhom u jinnotifikaw kull bdil fl-indirizz lill-awtoritajiet tali malajr kemm jista' jkun possibbli.

Artikolu 8

Familji

Stati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iżommu kemm jista' jkun possibbli l-unità tal-familja kif hija preżenti fit-territorju tagħhom, jekk applikanti jkunu pprovduti b'akkomodazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Miżuri tali għandhom ikunu implimentati bi qbil ma' min ifittex ażil.

Artikolu 9

Kontroll mediku

Stati Membri jistgħu jirrikjedu tgħarbila medika għal applikanti għal raġunijiet ta' saħħa pubblika.

Artikolu 10

Tagħlim u edukazzjoni tal-minorenni

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ulied minorenni ta' dawk li jfittxu ażil u lil dawk li jfittxu ażil li huma minorenni aċċess għas-sistema ta' edukazzjoni taħt l-istess kondizzjonijiet bħal taċ-ċittadini ta' l-Istat Membru akkoljenti sakemm miżura ta' tkeċċija kontra tagħhom jew il-ġenituri tagħhom mhix attwalment infurzata. Edukazzjoni bħal din tista' tkun ipprovduta f'ċentri ta' akkomodazzjoni.

Stati Membri kkonċernati jistgħu jistipulaw li aċċess tali għandu jkun ristrett għas-sistema edukattiva statali.

Minorenni għandhom ikunu iżgħar mill-eta maġġoritarja legali fl-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għal ażil kienet iddepożitata jew qiegħda tkun eżaminata. L-Istati Membri m'għandhomx jirtiraw edukazzjoni sekondarja biss għar-raġuni li l-minorenni laħaq l-eta maġġoritarja.

2. Aċċess għas-sistem ta' edukazzjoni m'għandux ikun pospost għal iktar minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għal ażil kienet iddepożitata mill-minorenni jew mill-ġenituri tal-minorenni. Dan il-perjodu jista' jkun estiż sa sena fejn edukazzjoni speċifika hija pprovduta biex ikun iffaċilitat l-aċċess għas-sistema ta' edukazzjoni.

3. Fejn aċċess għas-sistema ta' edukazzjoni kif iddikjarat fil-paragrafu 1 mhux possibbli minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-minorenni, l-Istat Membru jista' joffri arranġamenti edukattivi oħra.

Artikolu 11

impjieg

1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw perjodu ta' żmien, li jibda mid-data li fiha l-applikazzjoni għal ażil tkun iddepożitata, li matulu l-applikant ma jkollux aċċess għas-suq tax-xogħol.

2. Jekk deċiżjoni fl-ewwel istanza ma tkunx ittieħdet fi żmien sena tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal ażil u dan id-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant, Stati Membri għandhom jiddeċiedu l-kondizzjonijiet għall-għotja ta' aċċess għas-suq tax-xogħol għall-applikant.

3. Aċċess għas-suq tax-xogħol m'għandux ikun irtirat matul proċeduri ta' appell, meta appell kontra deċiżjoni negattiva fi proċedura regolari għandu effett ta' sospensjoni, sa meta deċiżjoni negattiva wara l-appell tkun innotifikata.

4. Għal raġunijiet ta' politika tas-suq tax-xogħol, Stati Membri jistgħu jagħtu prijorita liċ-ċittadini ta' l-UE u ċittadini ta' l-Istati partijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti.

Artikolu 12

Formazzjoni professjonali

Stati Membri jistgħu jippermettu lil dawk li jfittxu ażil aċċess għal formazzjoni professjonali irrispettivament jekk huma għandhomx aċċess għas-suq tax-xogħol.

Aċċess għal formazzjoni professjonali konnessa ma' appalt ta' xogħol għandha tiddependi minn kemm l-applikant għandu aċċess għas-suq tax-xogħol skond l-Artikolu 11.

Artikolu 13

Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali u kura tas-saħħa

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvedimenti dwar kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali biex jiżguraw standard ta' ħajja adegwat għas-saħħa ta' l-applikanti u kapaċi li jiżgura s-sussistenza tagħhom.

Stati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta' ħajja ikun issodisfatt fis-sitwazzjoni speċifika ta' persuni li għandhom bżonnijiet speċjali, skond l-Artikolu 17, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' persuni li huma f'detenzjoni.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta' ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.

4. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-applikanti biex ikopru jew jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali u għall-kura tas-saħħa li tipprovdi għalihom din id-Direttiva, skond id-disposizzjoni tal-paragrafu 3, jekk l-applikanti għandhom riżorsi suffiċjenti, per eżempju jekk kienu qegħdin jaħdmu għal perjodu ta' żmien raġonevoli.

Jekk isir magħruf li applikant kellu mezzi suffiċjenti biex ikopri kondizzjonjiet ta' akklojenza materjali u kura tas-saħħa fiż-żmien meta l-ħtiġiet bażiċi kienu qegħdin ikunu koperti, Stati Membri jistgħu jitolbu lil min ifittex ażil għal rifużjoni.

5. Kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali jistgħu jingħataw f'oġġetti, jew fl-għamla ta' konċessjonijiet finanzjarji jew vouchers jew f'għaqda ta' dawn il-provvedimenti.

Fejn Stati Membri jipprovdu kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali fl-għamla ta' konċessjonijiet finanzjarji jew vouchers, l-ammont tagħhom għandu jkun iddeterminat skond il-prinċipji ddikjarati f'dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Modalitajiet għal kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali

1. Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a) binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta' applikazzjoni għal ażil iddepożitata fil-konfini;

(b) ċentri ta' akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta' ħajja adegwat;

(ċ) djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jsiru addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikanti ipprovduti b'akkomodazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1(a), (b) u (ċ) jkunu assigurati:

(a) protezzjoni tal-ħajja familjari tagħhom;

(b) il-possibilità li jikkomunikaw ma' qraba, konsulenti legali u rappreżentanti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) rrikonoxxuti minn Stati Membri.

Stati Membri għandhom jagħmlu attenzjoni speċjali biex jimpedixxu attakk ġewwa l-binjiet u ċentri ta' akkomodazzjoni li jirreferi għalihom il-paragrafu 1(a) u (b).

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, jekk xieraq, li tfal minorenni ta' applikanti jew applikanti li huma minorenni jkun joqgħodu mal-ġenituri tagħhom jew ma' membru adult tal-familja responsabbli għalihom kemm bil-liġi kemm b'użanza.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li trasferimenti ta' applikanti minn faċilità ta' akkomodazzjoni għal oħra jsiru biss meta meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibilità lill-applikanti biex jinformaw lilll-konsulenti legali tagħhom bit-trasferiment u l-indirizz ġdid tagħhom.

5. Persuni li jaħdmu f'ċentri ta' akkomodazzjoni għandhom ikunu mħarrġa b'mod adegwat u għandhom ikunu marbuta bil-prinċipju ta' segretezza kif iddefinit fil-liġi nazzjonali in konnessjoni ma' kull informazzjoni li jiksbu matul xogħlhom.

6. L-Istati Membri jistgħu jinvolvu applikanti fl-amministrazzjoni tar-riżorsi materjali u aspetti mhux materjali tal-ħajja fiċ-ċentru permezz ta' bord konsultattiv jew kunsill li jirrappreżenta lir-residenti.

7. Konsulenti legali jew counsellors ta' dawk li jfittxu ażil u rappreżentanti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jew organizzazzjonijiet mhux governattivi maħtura minn ta' l-aħħar u rrikonoxxuti mill-Istati Membri kkonċernati għandhom jingħataw aċċess għaċ-ċentri ta' akkomodazzjoni u faċilitajiet oħra ta' akkomodazzjoni biex jgħinu lil dawk li jfittxu ażil imsemmija. Limiti dwar aċċess tali jista' jkunu imponuti biss għal raġunijiet konnessi ma' sigurta taċ-ċentri u faċilitajiet u ta' dawk li jfittxu ażil.

8. L-Istati Membri jistgħu b'mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista' jkun, meta:

- stima inizjali tal-ħtiġiet ta' l-applikant hija rekwiżita,

- kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali, kif jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, mhumiex disponibbli f'ċerti żoni ġeografiċi,

- kapaċitajiet ta' akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti,

- min ifittex ażil huwa f'detenzjoni jew ristrett għal postijiet ta' konfini.

Dawn il-kondizzjonijiet differenti għandhom ikopru f'kull każ ħtiġiet bażiċi.

Artikolu 15

Kura tas-saħħa

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa li għandha tinkludi, għall-inqas, kura ta' emerġenza u trattament essenzjali ta' mard.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza medika jew assistenza oħra meħtieġa lill-applikanti li għandhom bżonnijjiet speċjali.

KAPITOLU III

TNAQQIS JEW IRTIRAR TA' KONDIZZJONIJIET TA' AKKOLJENZA

Artikolu 16

Tnaqqis jew irtirar ta' kondizzjonijiet ta' akkoljenza

1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirtiraw kondizzjonijiet ta' akkoljenza fil-każijiet li ġejjin:

(a) fejn min ifittex ażil:

- jabbanduna l-post ta' residenza ddeterminat mill-awtorita kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk mitluba, mingħajr permess, jew

- ma jikkonformax ruħu ma' doveri ta' rrapportar jew ma' talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura ta' ażil matul perjodu raġonevoli stabbilit mil-liġi nazzjonali, jew

- ikun diġa ddepożita applikazzjoni fl-istess Stat Membru.

Meta l-applikant jinstab jew jirrapporta volontarjament lill-awtorita kompetenti, deċiżjoni dovutement immotivata, ibbażata fuq ir-raġunijiet tal-għajbien, għandha tittieħed dwar installazzjoni mill-ġdid tal-għotja ta' xi kondizzjonijiet ta' akkoljenza jew kollha kemm huma;

(b) fejn l-applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika b'mod illeċitu minn kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali.

Jekk jinstab li applikant kellu mezzi suffiċjenti biex ikopri kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali u kura tas-saħħa fiż-żmien li dawn il-ħtiġiet bażiċi kienu qegħdin ikunu koperti, Stati Membri jistgħu jitolbu rimborż lil min ifittex ażil.

2. L-Istati Membri jistgħu jirrfjutaw kondizzjonijiet f'każijiet fejn min ifittex ażil ikun naqas li juri li t-talba għal ażil kienet saret malajr kemm jista' jkun raġonevolment prattiku wara l-wasla f'dak l-Istat Membru.

3. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw sanzjonijiet applikabbli għal qsur serju tar-regoli taċ-ċentri ta' akkomodazzjoni kif ukoll għal imġieba serjament vjolenti.

4. Deċiżjonijiet għal tnaqqis, irtirar jew irrifjutar ta' kondizzjonijiet ta' akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jittieħdu b'mod individwali, oġġettivament u b'mod imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b'mod speċjali fir-rigward ta' persuni koperti bl-Artikolu 17, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' proporzjonalita. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa ta' emerġenza.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni negattiva.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET GĦAL PERSUNI BI BŻONNIJIET SPEĊJALI

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali

1. L-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta' persuni vulnerabbli bħalma huma minorenni, minorenni mhux akkompanjati, nies inkapaċitati, nies anzjani, nisa tqal, ġenituri single bi tfal minorenni u persuni li kienu ssoġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħra ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, fil-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II konness mal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza materjali u kura tas-saħħa.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss għal persuni misjuba li għandhom bżonnijiet speċjali wara evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tagħhom.

Artikolu 18

Minorenni

1. L-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja għal Stati Membri meta jimplimentaw id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jinvolvu minorenni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal servizzi ta' riabilitazzjoni għal minorenni li kienu vittmi ta' xi forma ta' abbuż, negliġenza, esplojtazzjoni, tortura jew trattament kiefer, inuman u degradanti, jew li jkunu sofrew minn taqbid bl-armi, u jiżguraw li kura ta' saħħa mentali xierqa tkun żviluppata u konsulenza kkwalifikata tkun ipprovduta meta meħtieġa.

Artikolu 19

Minorenni mhux akkompanjati

1. L-Istati Membri għandhom kemm jista' jkun malajr jieħdu miżuri biex jiżguraw ir-rappreżentanza meħtieġa ta' minorenni minn kuratur legali jew, fejn meħtieġ, rappreżentanza minn organizzazzjoni li hija responsabbli għall-kura u kumdita ta' minorenni, jew minn kull rappreżentanza oħra xierpa. Evalwazzjonijiet regolari għandhom isiru mill-awtoritajiet addattati.

2. Minorenni mhux akkompanjati li jagħmlu applikazzjoni għal ażil għandhom, mill-mument li jkunu ammessi fit-territorju sal-mument li huma obbligati jħallu l-Istat Membru ta' lqugħ li fih l-applikazzjoni għal ażil tkun saret jew tkun qiegħda tiġi eżaminata, jitqiegħdu:

(a) ma' qraba adulti;

(b) ma' famija ta' trobbija;

(ċ) f'ċentri ta' akkomodazzjoni bi provvedimenti speċjali għal minorenni;

(d) f'akkomodazzjoni oħra addattata għal minorenni.

Stati Membri jistgħu iqiegħdu minorenni mhux akkompanjati ta' eta ta' 16 jew iktar f'ċentri ta' akkomodazzjoni għal dawk li jfittxu ażil adulti.

Sakemm hu possibbli, aħwa għandhom jinżammu flimkien, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minorenni kkonċernat u, b'mod partikolari, l-eta tiegħu jew tagħha u l-grad ta' maturità. Bidliet fir-residenza ta' minorenni mhux akkompanjati għandha tkun limitata għal minimu.

3. L-Istati Membri, biex jipproteġu l-aħjar interessi tal-minorenni mhux akkompanjat, għandhom jagħmlu ħilithom biex isibu l-membri tal-familja tiegħu jew tagħha kemm jista' jkun malajr. F'każijiet fejn jista' jkun hemm theddida għall-ħajja jew integrita tal-minorenni jew il-qraba stretti tiegħu jew tagħha, b'mod partikulari jekk huma baqgħu fil-pajjiż ta' orġini tagħhom, trid issir attenzjoni biex ikun żgurat li l-ġbir, ipproċessar u ċirkolazzjoni ta' informazzjoni dwar dawk il-persuni ssir fuq bażi konfidenzjali, biex ikun evitat li s-sigurta tagħhom titqiegħed fil-periklu.

4. Dawk li jaħdmu ma' minorenni mhux akkompanjati kellhom jew għandhom jirċievu taħriġ xieraq dwar il-ħtiġiet tagħhom, u għandhom jirtabtu bil-prinċipju ta' konfidenzjalita kif iddefinit fil-liġi nazzjonali, in konnessjoni ma' kull informazzjoni li jiksbu matul xogħlhom.

Artikolu 20

Vittmi ta' tortura u vjolenza

Stati Membri għandhom jiżguraw li, jekk meħtieġ, persuni li kienu ssuġġettati għal tortura, stupru jew atti ta' vjolenza serji oħra jirċievu t-trattament meħtieġ tad-danni kkawżati bl-atti msemmija hawn iktar ‘il fuq.

KAPITOLU V

APPELLI

Artikolu 21

Appelli

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għotja ta' benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell ġewwa l-proċedura preskritta fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta' appell jew reviżjoni quddiem korp ġudizzjali.

2. Proċeduri għal aċċess għal assistenza legali f'każijiet bħal dawn għandhom ikunu preskritti fil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU VI

AZZJONIJIET BIEX TITJIEB L-EFFIĊJENZA TAS-SISTEMA TA' AKKOLJENZA

Artikolu 22

Koperazzjoni

L-Istati Membri għandhom regolarment jinformaw lill-Kummissjoni dwar id-data li jikkonċernaw in-numru ta' persuni, analizzati f'sess u eta, koperti b'kondizzjonijiet ta' akkoljenza u jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar it-tip, isem u għamla tad-dokumenti li jipprovdi għalihom l-Artikolu 6.

Artikolu 23

Sistema ta' gwida, immonitorjar u kontroll

L-Istati Membri għandhom, b'rispett dovut għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom, jiżguraw li gwida, immonitorjar u kontroll xerqin tal-livell ta' kondizzjonijiet ta' akkoljenza jkunu stabbiliti.

Artikolu 24

Staff u riżorsi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplimentaw din id-Direttiva jkunu rċevew it-taħriġ bażiku meħtieġ fir-rigward tal-ħtiġiet ta' l-applikanti kemm irġiel u kemm nisa.

2. L-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi meħtieġa in konnessjoni mal-provvedimenti nazzjonali ppromulgati biex tkun implimentata din id-Direttiva.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Rapporti

Sas-6 ta' Awissu 2006, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tipproponi kull emendi li jkunu meħtieġa.

Stati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjooni l-informazzjoni kollha li hija xierqa għall-kitba tar-rapport, inklużi data statistiċi kif jipprovdi l-Artikolu 22 sas-6 ta' Frar 2006.

Wara li tippreżenta r-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-inqas kull ħames snin.

Artikolu 26

transposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-6 ta' Frar 2005. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b'referenza tali fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza tali.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam konness ma' l-infurzar ta' din id-Direttiva.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Jannar 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Papandreou

[1] ĠU C 213 E, 31.7.2001, p. 286.

[2] Opinjoni mogħtija fil-25 ta' April 2002 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 48, 21.2.2002, p. 63.

[4] ĠU C 107, 3.5.2002, p. 85.

[5] ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

--------------------------------------------------