32003F0568



Official Journal L 192 , 31/07/2003 P. 0054 - 0056


Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA

tat-22 ta' Lulju 2003

dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1)(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-inizjattiva tar-Renju tad-Danimarka [1]

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Flimkien mal-globalizzazzjoni, is-snin riċenti ġabu magħhom żieda fil-kummerċ li jaqsam il-fruntieri fl-oġġetti u s-servizzi. Kull korruzzjoni fis-settur privat ġewwa Stat Membru huwa għalhekk mhux biss sempliċement problema domestika imma wkoll problema transnazzjonali, li tista' tiġi megħluba bil-mod l-iktar effettiv permezz ta' azzjoni konġunta ta' l-Unjoni Ewropea.

(2) Fis-27 ta' Settembru 1996 il-Kunsill adotta l-Att li jfassal Protokoll mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [3]. Il-Protokoll, li daħal fis-seħħ fis-17 ta' Ottubru 2002, fih id-definizzjonijiet ta' l-offiżi ta' korruzzjoni u l-penali armonizati għalihom.

(3) Fis-26 ta' Mejju 1997, il-Kunsill approva Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew l-uffiċjali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea [4].

(4) Fit-22 ta' Diċembru 1998, il-Kunsill adotta wkoll l-Azzjoni Konġunta 98/742/JHA dwar il-korruzzjoni fis-settur privat [5]. F'konnessjoni ma' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni bl-effett illi qablet li l-Azzjoni Konġunta tirrappreżenta l-ewwel pass fil-livell Ewropew lejn il-ġlieda kontra din il-korruzzjoni, u li jridu jiġu implimentati miżuri addizzjonali fi stadju iktar tard fid-dawl tar-riżultati ta' l-istima li trid issir skond l-Artikolu 89(2) ta' l-Azzjoni Konġunta. Għadu mhux disponibbli rapport dwar it-trasposizzjoni mill-Istati Membri ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-liġijiet nazzjonali.

(5) Fit-13 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA dwar il-mandat Ewropew ta' l-arrest u l-proċeduri taċ-ċediment bejn l-Istati Membri [6], li fihom il-korruzzjoni hija inkluża fil-lista' ta' l-offiżi li jidħlu fl-iskop tal-mandat Ewropew ta' l-arrest, li rigward tiegħu mhix meħtieġa verifika minn qabel tal-kriminalità doppja.

(6) Skond l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa l-għan ta' l-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini tagħha b'livell għoli ta' sigurtà ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, għan li jrid jinkiseb billi jiġu pprevenuti u miġġielda d-delitti, organizzati jew xorta oħra, inkluża l-korruzzjoni.

(7) Skond il-punt 48 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imlaqqa' f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-korruzzjoni hija żona ta' rilevanza partikolari meta jiġu stabbiliti r-regoli minimi dwar x'jikkostitwixxi offiża kriminali fl-Istati Membri u l-penali applikabbli.

(8) Konvenzjoni ta' l-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' l-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Transazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonli kienet approvata f'konferenza tan-negozjati fil-21 ta' Novembru 1997, u l-Kunsill ta' l-Ewropa approva wkoll Konvenzjoni tal-Liġijiet Kriminali dwar il-Korruzzjoni, li nfetħet għall-firem fis-27 ta' Jannar 1999. Din il-Konvenzjoni hija akkumpanjata bi Ftehim li jistabbilixxi l-Grupp ta' l-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Infetħu wkoll in-negozjati għal Konvenzjoni tan-NU dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

(9) L-Istati Membri jagħtu importanza partikolari lill-glieda kontra l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku u kemm f'dak privat, billi jemmnu illi fiż-żewġ setturi l-korruzjoni toħloq tehdida għal soċjetà li tobdi l-liġijiet kif ukoll tgħawweġ il-kompetizzjoni fejn jidħol ix-xiri ta' oġġetti jew servizzi kummerċjali u timpedixxi żvilupp ekonomiku b'saħħtu. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Mejju 1967 u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-27 ta' Jannar 1999 iridu jikkonsidraw kif jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun.

(10) Il-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa b'mod partikolari li jiġi żgurat li kemm il-korruzzjoni attiva u kemm dik pasiva fis-settur privat huma offiżi kriminali fl-Istati Membri kollha, illi persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli minn dawn l-offiżi, u li dawn l-offiżi jġorru penali effettivi, ipproporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

- "persuna legali" tfisser kull entità li jkollha dan l-istatus taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli, għajr għall-Istati jew il-korpi l-oħra pubbliċi huma u jaġixxu fl-eżerċizzju tal-poteri sovrani tagħhom u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali,

- "ksur tad-dmirijiet" għandha tinftiehem skond il-liġijiet nazzjonali. Il-kunċett tal-ksur tad-dmirijiet fil-liġijiet nazzjonali għandu jkopri bħala minimu kull imġiba żleali li tikkostitwixxi ksur tad-dmirijiet statutorji, jew, skond kif ikun il-każ, ksur tar-regolamenti jew ta' l-istruzzjonijiet professjonali, li japplikaw ġewwa n-negozju ta' persuna li f'kull kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità fis-settur privat.

Artikolu 2

Il-korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħieġa sabiex jiżguraw illi l-kondotta intenzjonata li ġejja tikkostitwixxi offiża kriminali, meta titwettaq fil-kors ta' attivitajiet tan-negożju:

(a) il-wegħda, l-offerta jew il-għotja, direttament jew permezz ta' intermedjarju li jmexxi jew jaħdem f'kull kapaċità għal entita fis-settur privat, ta' kull vantaġġ mhux mistħoqq ta' kull kwalità, lil din il-persuna jew lil parti terza, sabiex din il-persuna jkollha twettaq jew tibqa' lura milli twettaq kull att, bi ksur tad-dmirijiet ta' din il-persuna;

(b) direttament jew permezz ta' intermedjarju, li titlob jew li irċievi vantaġġ mhux mistħoqq ta' kull kwalità, jew li taċċetta wegħda ta' dan il-vantaġġ, għaliha nfisha jew għal parti terza, waqt li tmexxi jew taħdem f'kull kapaċità għal entità fis-settur privat, sabiex twettaq jew tibqa' lura milli twettaq kull att, bi ksur tad-dmirijiet ta' dak li jkun.

2. Il-paragrafu 1 japplika għall-attivitajiet tan-negozju ġewwa entitajiet bi qligħ u mingħajr qligħ.

3. Stat Membru jista' jiddikjara illi jrid jillimita l-iskop tal-paragrafu 1 għal dik il-kondotta li tinvolvi, jew tista' tinvolvi, tagħwiġ fil-kompetizzjoni fejn għandu x'jaqsam ix-xiri ta' l-oġġetti jew is-servizzi kummerċjali.

4. Id-dikjarazjonijiet riferiti fil-paragrafu 3 għandhom ikunu kkomunikati lill-Kunsill fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas u għandhom ikunu validi għal ħames snin mit-22 ta' Lulju 2005.

5. Il-Kunsill għandu jagħmel rivista ta' dan l-Artikolu fiż-żmien mistħoqq qabel it-22 ta' Lulju 2010 bil-ħsieb li jiġi kkonsidrat jekk għamdux ikun possibbli li jiġġeddu d-dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-paragrafu 3.

Artikolu 3

L-istigazzjoni, il-għajnuna u t-tħajjir

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istigazzjoni, il-għajnuna u t-tħajjir fil-kondotta riferita fl-Artikolu 2 jikkostitwixxu offiżi kriminali.

Artikolu 4

Il-penali u sanzjonijiet oħra

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-kondotta riferita fl-Artikoli 2 u 3 tkun tista' tiġi kkastigata b'penali kriminali effettivi, ippropozjonati u dissważivi.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-kondotta riferita fl-Artikolu 2 tista' tiġi kkastigata b'penali ta' massimu ta' mill-inqas minn sena sa tliet snin ħabs.

3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżui meħtieġa skond ir-regoli u l-prinċipji kostituzzjonali tiegħu sabiex jiżgura illi meta persuna naturali f'ċerta attività tan-negozju tkun instabet ħatja tal-kondotta riferita fl-Artikolu 2, din il-persuna tista', meta approprjat, għall-inqas fil-każijiet fejn hu jew hi jkollhom posizzjoni ta' tmexxija f'kumpanija ġewwa n-negozju interessat, ikunu temporanjament ipprojbiti milli jissoktaw din l-attività parikolari tan-negozju jew paragunabbli f'posizzjoni jew kapaċità simili, jekk il-fatti stabbiliti jagħtu raġuni lil dak li jkun li jemmen illi jeżisti riskju ċar ta' l-abbuż tal-posizzjoni jew tal-kariga b'korruzzjoni attiva jew passiva.

Artikolu 5

Il-lijabbiltà tal-persuni legali

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-persuni legali jkunu jistgħu jiġu miżmuma responsabbli mill-kondotta riferita fl-Artikoli 2 u 3 kommessa għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna, hija u taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu ta' persuna legali, li jkollha posizzjoni ta' tmexxija ġewwa l-persuna legali, imsejsa fuq:

(a) il-poter tar-rappreżentazzjoni tal-persuna legali, jew

(b) awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet f'isem il-persuna legali, jew

(ċ) awtorità sabiex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna legali.

2. Minbarra l-każijiet diġà pprovvduti fil-paragrafu 1, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi persuna legali tista' tinżamm responsabbli meta n-nuqqas tas-sorveljanza jew tal-kontroll minn persuna riferita fil-paragrafu 1 tkun għamlet possibbli t-twettiq ta' offiża tat-tip riferit fl-Artikoli 2 u 3 għall-benefiċċji ta' din il-persuna legali minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3. Il-lijabbiltà ta' persuna legali skond il-paragrafi 1 u2 ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni naturali li jkunu l-awturi, l-istigaturi jew l-aċċessorji f'offiża tat-tip riferit fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 6

Il-pieni għall-persuni legali

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi persuna legali miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(1) tista' tiġi kkastigata b'sanzjonijiet effettivi, ipproporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra bħal:

(a) l-esklużjoni mill-intitolament għall-benefiċċji jew il-għajnuna pubbliċi;

(b) l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet industrijali jew kummerċjali;

(ċ) it-tqegħid taħt is-sorveljanza ġudizzjarja; jew

(d) ordni ġudizzjarja ta' stralċ;

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħieġa sabiex jiżgura illi persuna legali miżmuma lijabbli skond l-Artikolu 5(2) tkun tista' tiġi kkastigata b'penali jew miżuri kriminali effettivi, ipproporzjonati u dissważivi.

Artikolu 7

Il-ġurisdizzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu rigward l-offiżi riferiti fl-Artikoli 2 u 3, meta l-offiża tkun twettqet:

(a) fl-intier tagħha jew f'parti minnha ġewwa t-territorju tiegħu';

(b) minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu; jew

(ċ) għall-benefiċċju ta' persuna legali illi għandha l-uffiċċju ġenerali tagħha fit-territorju a' dan l-Istat Membru.

2. Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax ir-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-paragrafu 1(b) u (ċ), jew japplikahom biss f'każijiet jew f'ċirkostanzi speċifiċi, meta l-offiża tkun twettqet ‘il barra mit-territorju tiegħu.

3. Kull Stat Membru li, skond il-liġijiet tiegħu, ma jkunx għadu ċeda liċ-ċittadini tiegħu nnifsu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu rigward l-offiżi riferiti fl-Artikolu 2 u 3 meta jkunu kommessi miċ-ċittadini tiegħu nnifsu ‘l barra mit-territorju tiegħu.

4. L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 għandhom jgħarrfu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni kif xieraq, meta approprjat b'indikazzjoni tal-każijiet jew taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tapplika d-deċiżjoni.

Artikolu 8

It-tħassir

L-Azzjoni Konġunta 98/742/JHA għndha tiġi mħassra.

Artikolu 9

L-implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva Qafas qabel it-22 ta' Lulju 2005.

2. Sa l-istess data, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Qafas. Fuq il-bażi ta' rapport stabbilit bl-użu ta' dan it-tagħrif u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, qabel it-22 ta Ottubu 2005, jistma safejn u sakemm l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 10

L-applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-Ġibiltà.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 184, tat-2.8.2002, p. 5.

[2] Opinjoni tat-22 ta' Novmbru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 313, tat-23.10.1996, p. 1.

[4] ĠU C 195, tal-25.6.1997, p. 2.

[5] ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 2.

[6] ĠU L 190, tat-18.7.2002, p. 1.

--------------------------------------------------