Official Journal L 346 , 31/12/2003 P. 0065 - 0066
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-istat ta' Izrael fir-rigward ta' miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni u s-sostituzzjoni tal-Protokolli 1 u 2 għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ta' Iżrael-KE (2003/917/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Artikolu 11 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u l-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra [1] (Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni) fis-seħħ mill-1 ta' Ġunju 2000, jiddikjara li l-Komunità u Iżrael għandhom progressivament jistabbilixxu liberalizzazzjoni akbar tal-kummerċ tagħhom fi prodotti agrikoli ta' interess għaż-żewġ Partijiet. Jipprovdi li, mill-1 ta' Jannar 2000, il-Komunità u Iżrael għandhom jeżaminaw is-sitwazzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jiġu applikati mill-Komunità u minn Iżrael mill-1 ta' Jannar 2001, skond din il-mira. (2) Il-Kummissjoni, għan-nom tal-Komunità, innegozjat Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bl-iskop li jiġu sostitwiti l-Protokolli 1 u 2 għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. (3) Il-Ftehim, iffirmat fl-4 ta' Lulju 2003, għandu jiġi approvat. (4) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [2], IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta' Iżrael fir-rigward ta' miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni u s-sostituzzjoni tal-Protokolli 1 u 2 għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u l-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra, huwa hawnhekk approvat għan-nom tal-Komunità. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji ta' implimentazzjoni għall-Protokolli 1 u 2 skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 3. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta' Ġestjoni għaz-Zokkor (hawnhekk iżjed 'il quddiem magħruf bħala l-kumitat) stabbilit b’Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organzizazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [3], jew meta approprjat, mill-kumitati stabbiliti bid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' regolamenti oħra dwar l-organizzazzjoni komuni ta' swieq jew mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbiliti b’Artikolu 248a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [4]. 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu stabbilit f’Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jaħtar persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex il-Komunità tintrabat. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003. Għall-Kunsill Il-President A. Matteoli [1] ĠU L 147, tal-21.6.2000, p. 3. [2] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [3] ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 680/2002 (ĠU L 104, ta' l-20.4.2002, p. 26). [4] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17). --------------------------------------------------