32003D0916



Official Journal L 345 , 31/12/2003 P. 0156 - 0157


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Diċembru 2003

li temenda d-Deċiżjoni 2001/131/KE li tikkonkludi l-proċedura ta' konsultazzjoni ma' Ħaiti taħt Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE

(2003/916/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE [1], li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2003, u b'mod partikolari Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE [2], u b'mod partikolari Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Abbażi tad-Deċiżjoni 2001/131/KE [3], id-dispożizzjoni ta' għajnuna finanzjarja għal Ħaiti hija parzjalment sospiża bħala "miżuri xierqa" skond Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE.

(2) Id-Deċiżjoni 2001/131/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2003 u teħtieġ reviżjoni tal-miżuri qabel din id-data.

(3) Il-prinċipji demokratiċi xorta għadhom mhux rispettati f'Ħaiti. Madankollu, azzjonijiet għas-sostenn tad-demokratizzazzjoni, t-tisħiħ tar-regola tal-liġi u l-proċess elettorali għandhom jiġu appoġġati, u b'mod partikolari bħala sostenn tal-missjoni li magħha l-Organizzazzjoni ta' l-Istati Amerikani kienet fdata mir-Riżoluzzjonijiet tagħha Nri 806, 822 u 1959. Azzjonijiet għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, għall-ġlieda kontra l-faqar, sabiex tingħata assistenza umanitarja u ta' emerġenza u dawk ta' benefiċċju dirett għan-nies ta' Ħaiti għandhom jiġu implimentati aktar.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/131/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fit-tieni u fit-tielet paragrafi ta' Artikolu 3, id-data tal-31 ta' Diċembru 2003 għandha tiġi sostitwita b' "31 ta' Diċembru 2004";

(i) fit-tieni subparagrafu "31 ta' Diċembru 2003" għandu jiġi sostitwit b' "31 ta' Diċembru 2004";

(ii) it-tielet subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

""Għandu jiġi rivedut regolarment u mill-inqas f'sitt xhur.""

2. L-Anness għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU L 317, tal-15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni Nru 1/2003 (ĠU L 141, tas-7.6.2003, p. 25).

[2] ĠU L 317, tal-15.12.2000, p. 376.

[3] ĠU L 48, tas-17.2.2001, p. 31. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2003/53/KE (ĠU L 20, ta' l-24.1.2003, p. 23).

--------------------------------------------------

ANNESS

Ittra li għandha tiġi indirizzata lill-Gvern ta’ Ħaiti

Għażiż Sinjur,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lill-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE. Il-Prinċipji demokratiċi u r-regola tal-liġi, li fuqhom hija bażata s-sħubija ACP-KE, huma elementi essenzjali tal-Ftehim u għalhekk jiffurmaw il-qalba tar-relazzjonijiet tagħna.

Permezz ta’ l-ittra tal-31 ta’ Jannar 2001, l-Unjoni esprimiet ir-rimors tagħha li ebda soluzzjoni sodisfaċenti għar-rimedju ta "l-abbuz tal-liġi elettorali ta’ Ħaiti ma kienet instabet. Infurmatek bil-miżuri xierqa meħuda kif previst f’Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE. Fl-ittri tagħha tat-23 ta’ Jannar 2002 u ta’ l-24 ta’ Jannar 2003, l-Unjoni revediet id-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Jannar 2001 sabiex l-istrumenti ta’ koperazzjoni effettwati minn dawn il-miżuri jitħallew jiġu gradwalment reattivati soġġett għat-twettiq tal-miri fir-rigward tal-proċess elettorali."

Illum, wara kważi tlett snin ta’ kriżi politika, l-Unjoni tikkunsidra li l-prinċipji demokratiċi xorta għadhom m’humiex rispettati f’Ħaiti. Madankollu, l-Unjoni tirrikonoxxi li sforzi numerużi internazzjonali u lokali qegħdin jikkontribwixxu għat-tfittxija ta’ soluzzjoni għal din il-kriżi, u b’mod partikolari dawk ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Istati Amerikani (OAS) u tal-Komunità tal-Karibew (CARCICOM), u tafferma x-xewqa tagħha li dawn l-isforzi jiġu appoġġati. Għaldaqstant, fil-kwadru tar-Riżoluzzjoni OAS Nru 822, il-Gvern ta’ Ħaiti impenja ruħu li jagħti dejjem iktar priorità lir-restawr ta’ klima ta’ sigurtà u ta’ kunfidenza fil-pajjiż, inkluża l-kompletazzjoni ta’ l-inkjesti kollha dwar kriminalita bi skop politiku u t-tisħiħ tal-programmi ta’ diżarm. L-Unjoni Ewropea tkompi tinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Gvern sabiex jittraduċi malajr dan l-impenn f’azzjonijiet konkreti u sabiex jidħol għall-passi kollha involuti fir-riżoluzzjoni OAS 822 li twassal għal elezzjonijiet nazzjonali u lokali liberi u ġusti. Barra minn dan, l-Unjoni Ewropea hija mħassba b’mod serju bid-deterjorazzjoni kontinwa fis-sitwazzjoni soċjo- ekonomika f’Ħaiti u tafferma mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tkompli koperazzjoni għall-benefiċċju dirett tan-nies ta’ Ħaiti.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea reveda d-deċiżjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ Jannar 2003 u deċieda li jirrevedi l-miżuri xierqa msemmija f’Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim kif ġej:

(a) Id-direzzjoni mill-ġdid tal-fondi rimanenti taħt it-tmien Fond għall-Iżvilupp Ewropew (EDF) għal programmi li huma ta’ benefiċċju dirett għan-nies ta’ Ħaiti, kif ukoll għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, u għas-sotenn tad-demokratizzazzjoni, t-tisħiħ tar-regola tal-liġi u l-proċess elettorali, se titkompla;

(b) Deċiżjonijiet dwar in-notifika tad-9 allokazzjoni EDF, l-ipprogrammar u l-firma tal-Programm Nazzjonali Indikattiv rilevanti jittieħdu abbażi ta’ l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 822 ta’ l-OAF u b’mod partikolari l-istipulazzjonijiet fir-rigward tal-proċess leġislattiv u ta’ elezzjonijiet lokali inkluża l-formazzjoni tal-Kunsill Elettorali Proviżorju (CEP-Conseil Electoral Provisoire), il-formazzjoni miċ-ĊEP tal-Kummissjoni Elettorali tal-Garanziji u t-tħejjija ta’ l-elezzjonijiet nazzjonali.

Wara li kunsidrat is-sejħa mill-OAS fir-riżoluzzjoni 822 tagħha għan-normalizzazzjoni ta’ koperazzjoni u l-laqgħa tad-donaturi li saret f’Washington f’Diċembru 2003, l-Unjoni Ewropea kienet rappreżentata f’dik il-laqgħa u parteċipat fir-reviżjoni tas-sitwazzjoni f’Ħaiti. F’dan il-kuntest ġenerali huwa kunsidrat li l-programmi reġjonali mill-Programm Karibew Reġjonali Indikattiv, li jinvolvu benefiċċju dirett għan-nies ta’ Ħaiti u li l-benefiċċji tagħhom jintużaw minn pajjiżi oħra, m’humiex effettwati mill-miżuri ta’ hawn fuq. Il-Koperazzjoni Kummerċjali u preferenzi relatati għall-kummerċ m’humiex effettwati minn dawn il-miżuri.

L-Unjoni ssegwi mill-qrib żviluppi ulterjuri fil-proċess ta’ demokratizzazzjoni, b’mod partikolari s-sodisfazzjon tal-passi lejn elezzjonijiet nazzjonali u lokali. L-Unjoni hija lesta li tirrevedi din id-Deċiżjoni fil-każ li jkun hemm żviluppi ta’ inkoraġġiment. Tirrepeti mill-ġdid li hija lesta tiġi involuta fi djalogu politiku mtejjeb.

Jekk jogħġbok, Sinjur, aċċetta l-assigurazzjoni ta’ l-ogħla konsiderazzjoni tagħna.

Għall-Kummissjoni

Għall-Kunsill

--------------------------------------------------