Official Journal L 345 , 31/12/2003 P. 0117 - 0118
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jikkonċerna miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni u s-sostituzzjoni tal-Protokolli 1 u 3 għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-KE-Marokk (2003/914/KE) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 133, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Artikolu 16 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra [1], li ilu fis-seħħ minn Marzu 2000, jipprovdi li l-Komunità u l-Marokk jimplimentaw gradwalment aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ reċiproku tagħhom fi prodotti agrikoli. (2) Artikolu 18 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jipprovdi li mill-1 ta’ Jannar 2000 il-Komunità u r-Renju tal-Marokk janalizzaw is-sitwazzjoni bl-iskop li jiddeterminaw il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni li għandhom jiġu applikati mill-Partijiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001. (3) Il-Komunità u r-Renju tal-Marokk ftehmu li jissostitwixxu l-Protokolli 1 u 3 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju permezz ta’ ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri. Il-ftehim għandu għalhekk jiġi approvat. (4) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Gunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [2], IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jikkonċerna miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni u s-sostituzzjoni tal-Protokolli 1 u 3 għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Marokk fl-Anness ma’ hawnhekk huwa b’hekk approvat għan-nom tal-Komunità. It-test tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Protokolli 1 u 3 skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 3. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor stabbilit permezz ta’ Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 [3] jew, kif jista’ jkun il-każ, mill-kumitati stabbiliti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ regolamenti oħra dwar l-organizzazzjoni komuni ta’ swieq jew mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz ta’ Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 [4]. 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu msemmi f’Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri sabiex tintrabat il-Komunità. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 2003. Għall-Kunsill Il-President G. Alemanno [1] ĠU L 70, tat-18.3.2000, p. 1. [2] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [3] ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1; Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 680/2002 tad-19 ta’ April 2002 (ĠU L 104, ta’ l-20.4.2002, p. 26). [4] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1; Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tat-12 ta’ Diċembru 2000 (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17. --------------------------------------------------