Official Journal L 327 , 16/12/2003 P. 0033 - 0033
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Dicembru 2003 dwar l-Adeżjoni tal-Kanada mal-Ftehim li jistabbilixxi ċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Teknoloġija bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, filwaqt li jaġixxu bħala Parti waħda, l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea (2003/877/KE, Euratom) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kunsidra t-Trattat li l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsil (KEE) Nru 3955/92 tal-21 ta’ Diċembru 1992 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ Ftehim li jistabbilixxi ċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Teknoloġija bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, filwaqt li jaġixxu bħala Parti waħda, l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u Komunità Ekonomika Ewropea [1], u b’mod partikolari Artikolu 3(1), (3) u (4) tiegħu, Wara li kunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea, filwaqt li jaġixxu bħala Parti waħda (minn hawn ‘il quddiem "il-Komunitajiet") ikkonkludew fil-21 ta’ Diċembru 1992 il-Ftehim li jistabbilixxi bejniethom u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-Ġappun u l-Federazzjoni Russa Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Teknoloġija (minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim"). (2) Fit-28 ta’ Marzu 2003 il-Kanada innotifikat lill-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Teknoloġija (minn hawn ‘il quddiem "il-Bord taċ-Ċentru") bl-intenzjoni tagħha li ssir parti tal-Ftehim. Skond Artikolu XIII tal-Ftehim, hija r-responsabbilta tal-Bord taċ-Ċentru li japprova din l-adeżjoni. (3) Il-Komunitajiet huma rappreżentati fuq il-Bord taċ-Ċentru mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni. Il-pożizzjoni tal-Komunitajiet rigward il-kwistjonijiet li joħorġu mill-Artikolu XIII tal-Ftehim hija adottata mill-Kunsill u espressa, bħala regola ġenerali, mill-Presidenza, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-adeżjoni tal-Kanada mal-Ftehim li jistabbilixxi ċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Teknoloġija bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, filwaqt li jaġixxu bħala Parti waħda, l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u Komunità Ekonomika Ewropea, hija b’dan approvata f’isem il-Komunitajiet. Artikolu 2 Il-Presidenza tal-Kunsill għandha tesprimi fil-Bord taċ-Ċentru l-approvazzjoni tal-Komunitajiet ta’ l-adeżjoni tal-Kanada mal-Ftehim. Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Diċembru 2003. Għall-Kunsill Il-President F. Frattini [1] GU L 409, 31.12.1992, p.1. --------------------------------------------------