Official Journal L 318 , 03/12/2003 P. 0019 - 0021
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 li toħloq grupp biex jipprepara għall-istabbiliment ta' l-aġenzija fl-oqsma tal-kapaċitajiet ta' żvilupp tad-difiża, ir-riċerka, il-ksib u l-armamenti. (2003/834/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 28(1) tiegħu, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, partikolarment l-Artikolu 207(2), tiegħu, Billi: (1) Fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew tat-Tessaloniki "assenja l-entitajiet xierqa tal-Kunsill biex jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex tinħoloq, matul l-2004, aġenzija intergovernattiva fl-oqsam tal-kapaċitajiet ta' żvilupp tad-difiża, ir-riċerka, il-ksib u l-armamenti", li tkun stabbilita taħt l-awtorita' tal-Kunsill u miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha. (2) L-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa elaborata mill-Konvenzjoni Ewropea, kif preżentata matul il-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki, jipprovdi għall-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea ta' Armamenti, Riċerka u Kapaċitajiet biex tidentifika ħtiġiet operattivi, tippromwovi miżuri li jilħqu dawk il-ħtiġiet, tikkontribwixxi fl-identifikazzjoni u, meta approprjat, fl-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura neċessarja biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa fid-definizzjoni ta' politika Ewropea ta' kapaċitajiet u armamenti, u tassisti l-Kunsill fil-valutazzjoni tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet militari. (3) Bid-Deċiżjoni 2003/664/KE [1] il-Kumitat ta' Rappreżentanti Permanenti stabbilixxa grupp ad hoc ta' preparazzjoni biex iwettaq xogħol li jwassal għall-ħolqien tal-aġenzija. (4) Grupp preparatorju ta' esperti għandu jkun stabbilit sabiex iwettaq aktar xogħol preparatorju għall-istabbiliment tal-aġenzija, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 u t-18 ta' Novembru 2003 u r-rapport anness miegħu; dan il-grupp għandu jsostni l-Kunsill u l-entitajiet kompetenti tiegħu fix-xogħol tagħhom għall-istabbiliment ta' l-Aġenzija. IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Grupp ta' Stabbiliment tal-Aġenzija (AET) biex jipprepara l-kondizzjonijiet għat-twaqqif operattiv u l-ħidma tal-aġenzija fil-qasam tal-kapaċitajiet tal-iżvilupp tad-difiża, ir-riċerka, il-ksib u l-armamenti hija hawnhekk stabbilita. Il-mandat, inkluż il-missjoni u l-komposizzjoni ta' l-AET, huwa mfassal fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 L-AET għandha tkun parti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Għandha tkun stabbilita mis-Segreaterju Ġenerali/Rapreżentant Għoli (SG/HR) u għandha taħdem taħt l-awtorita' tiegħu. Artikolu 3 Esperti nazzjonali għall-AET għandhom ikunu appoġġjati mill-Istati Membri u mill-Istati fi proċess ta' adeżjoni għas-Segretarjat tal-Kunsill. Il-proċedura u l-kriterji ta' selezzjoni huma mfassla fl-Anness. Artikolu 4 1. L-Istati Membri u l-Istati fi proċess ta' adeżjoni ser ikopru s-salarji u l-jeddijiet ta' l-esperti nazzjonali tagħhom appoġġjati għall-Kunsill u li jipparteċipaw fl-AET. 2. Uffiċjali ta' l-UE li huma appoġġjati għandhom jibqgħu jkunu mħallsa mill-Istituzzjoni tagħhom.. 3. L-ispejjeż ta' kuljum u dawk amministrattivi ta' l-AET għandhom ikunu kopriti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bħala kontribuzzjoni in natura. Artikolu 5 L-esperti nazzjonali appoġġjati mill-Istati Membri u mill-Istati fi proċess ta' adeżjoni għandhom ikunu kopriti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u persunal militari fuq appoġġ għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [2], mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti finanzjarji provduti taħt l-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 6 Il-mandat ta' l-AET għandu jintemm hekk kif l-Aġenzija tibda l-funzjoni tagħha, jew fil-31 ta' Diċembru 2004, skond liema minnhom taħbat qabel. Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-addozzjoni tagħha. Għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Novembru 2003. F'isem il-Kunsill Il-President F. Frattini [1] ĠU L 235, 23.09.03, p. 22. [2] ĠU L 160, 28.06.03, p. 72. -------------------------------------------------- ANNESS IL-MANDAT TAL-GRUPP TAL-ISTABBILIMENT TAL-AĠENZIJA 1. II-grupp tal-Istabbiliment tal-Aġenzija (AET), għandu jipprepara l-kondizzjonijiet għat-twaqqif operattiv u l-ħidma tal-Aġenzija futura, fuq il-bażi tar-rapport mehmuż mal-Konkluzjonijiet tal-Kunsill. L-AET għandu jsostni l-Kunsill u l-entitajiet kompetenti tiegħu fix-xogħol tagħhom għall-istabbiliment tal-Aġenzija. L-AET għandha twettaq xogħol fuq: - l-aspetti finanzjarji, legali u amministrattivi (inlużi l-baġit u l-persunal) tal-istabbiliment tal-Aġenzija u l-organizzazzjoni interna tagħha, - l-istabbiliment ta' l-Aġenzija, partikolarment dwar il-missjonijiet fil-qasam tad-kapaċitajiet tal-iżvilupp tad-difiża, ir-riċerka, il-ksib u l-armamenti. 2. Il-Grupp għandu jibda l-funzjoni tiegħu f'Jannar 2004. L-AET teżerċita l-missjoni tagħha taħt is-superviżjoni politika tal-Kunsill, minn fejn tirċievi gwida. F'dawn il-parametri, il-Kap tal-Grupp jirraporta regolarment lil Coreper u lil PSC, permezz tal-grupp ad hoc preperatorju, dwar il-progress fix-xogħol tal-Grupp. L-AET tiġbed fuq il-kompetenza tal-Kumitat Militari tal-UE permezz tal-PSC u, b'mod li jrid ikun definit, tad-Diretturi tal-Armamenti Nazzjonali ta' l-UE. 3. Il-grupp għandu jissottometti proposti sa' l-aħħar ta' April 2004 lill-Kunsill permezz tal-grupp ad hoc preparatorju, bil-ħsieb li jkunu adottati deċiżjonijiet neċċessarji mill-Kunsill sa' Ġunju 2004. Dawn għandhom jinkludu l-aspetti amministrattivi u loġistiċi ta' l-Aġenzija futura, il-parametri finanzjarji tagħha u abbozz tal-programm operattiv tagħha. L-AET tkun wetqet il-mandat tagħha hekk kif l-Aġenzija tibda l-funzjoni tagħha, jew fil-31 ta' Diċembru 2004, skond liema minnhom taħbat qabel. 4. Il-Grupp mhuwiex entita' preparatorja tal-Kunsill. MISSJONI TA' L-AET 5. L-AET Għandha tipprepara, sa l-aħħar ta' April 2004, fuq il-bażi tar-rapport anness mal-Konkluzjonijiet tal-Kunsill tas-17 u tat-18 ta' Novenbru 2003: (a) pjan komprensiv għall-istabbiliment ta' l-Aġenzija, li jkopri: - l-istruttura ta' l-Aġenzija u l-organizzazzjoni, - il-metodi interni ta' xogħol u l-proċeduri li għandhom ikunu adottati mill-Aġenzija biex taqdi l-funzjonijiet u l-kompiti tagħha, - proposti dwar ir-relazzjonijiet ta' xogħol tagħha ma' l-entitajiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni, - proposti għal relazzjonijiet approprjati, u pjanijiet għall-iżvilupp tagħhom, ma' l-OCCAR, WEAG/WEAO, L.o.I, - arranġamenti ta' baġit, arranġamenti amministrattivi u ta' persunal (inklużi l-abbozz TORs ta' l-entitajiet kjavi u taħtir, kif neċessarju), - abbozz għall-ewwel programm operattiv għall-oqsma li ġejjin: żvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża; koperazzjoni ta' l-armamenti; tisħiħ tal-bażi tad-difiża industrijali u teknoloġika; ħolqien ta' suq Ewropew ta' tagħmir ta' difiża u l-promozzjoni ta' riċerka, - kalendarju dettaljat u pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni. (b) elementi għall-abbozz ta' Azzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-Aġenzija. IL-KAP U L-KOMPOŻIZZJONI TA' L-AET Il-komposizzjoni tal-Grupp għandha tirrifletti l-erba' oqsma ta' attivita' ta' l-Aġenzija kif imsemmija fil-Konkluzjonijiiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tessaloniki. Il-Grupp għandu jkun immexxi minn kap tal-Grupp maħtur minn SG/HR wara konsultazzjonijiet mal-Kunsill u l-Kummissjoni minn fost kandidati proposti mill-Istati Membri, mill-Istati fi proċess ta' adeżjoni u l-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn il-kandidati għandhom ikollhom esperjenza xierqa u kompetenza fil-qasam tal-kapaċitajiet tal-iżvilupp tad-difiża, ir-riċerka, il-ksil u l-armamenti, kif ukoll għarfien tajjeb tal-funzjoni ta' l-UE, partikolarment tas-CFSP u tal-ESDP. Il-Grupp ser ikun magħmul minn: - esperti nazzjonali appoġġjati mill-Istati Membri u mill-Istati fi proċess ta' adeżjoni lis-Segretarjat tal-Kunsill skond il-ħtiġiet speċifiċi tal-missjoni, - uffiċjali tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Kummissjoni ser tappoġġja wieħed jew aktar uffiċjali għall-Grupp. Il-membri tal-grupp ser ikunu magħżula mis-SG/HR b'konsultazzjoni mal-mexxej tal-Grupp, fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli u ser jaġixxu f'kapaċita' internazzjonali. Fil-każijiet kollha, reklutaġġ ser ikun indirizzat biex ikun żgurat lill-Grupp is-servizzi ta' persunal ta' l-ogħla standard ta' abilita' u effiċjenza. --------------------------------------------------