32003D0793



Official Journal L 296 , 14/11/2003 P. 0020 - 0021


Id-Deċiżjoni tal-kunsill

tas-27 ta’ Ottubru 2003

li japprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mall-Protokoll dwar il-ftehim ta’ Madrid fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ sinjali, addottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989

(2003/793/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), it-tieni sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar il-marka tal-fabbrika fil-Komunità [4], li hu bbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat, huwa magħmul biex joħloq suq li jaħdem sew u li joffri kondizzjonijiet li huma similari għal dawk li jinkisbu f’suq nazzjonali. Sabiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip u biex isir suq wieħed, l-istess Regolament ħoloq is-sistema tal-marki tal-fabbrika tal-Komunità fejn l-impriżi jistgħu permezz ta’ sistema proċedurali waħda jiksbu protezzjoni uniformi għall-marki tal-fabbrika tal-Komunità u li jipproduċu l-effett taġħhom matul is-setturi kollha tal-Komunitajiet Ewropej.

(2) Wara l-preparazzjonijiet mibdija u mmexxija mill-Organizazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali bil-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri li huma membri ta’ l-Unjoni ta’ Madrid, l-Istati Membri li m’humiex membri ta’ l-Unjoni ta’ Madrid u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika għal konklużjoni ta’ Protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki adottat il-Protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Protokoll ta’ Madrid") fis-27 ta’ Ġunju 1989, f’Madrid.

(3) Il-Protokoll ta’ Madrid kien adottat sabiex idaħħal ċerti karatteristiċi ġodda fis-sistema tar-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki li tezisti taħt il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki tal-14 ta’ April 1891 kif emendat (hawnhekk iżjed ’il quddiem msejħa "Il-Ftehim ta’ Madrid") [5].

(4) L-għanijiet tal-Protokoll ta’ Madrid huma biex jagħmluha iżjed faċli għal ċerti stati, u partikolarment l-Istati Membri li m’humiex parti minnha, biex jeċċedu għas-sistema internazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-marki.

(5) Kif ikkumparat mal-Ftehim ta’ Madrid, il-Protokoll ta’ Madrid daħħal, fl-Artikolu 14 tiegħu, bħala waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali, il-possibbiltà li organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali għall-iskop li jirreġistraw il-marki b’effett fit-territorju ta’ l-organizazzjoni tista’ ssir parti mill-Protokoll ta’ Madrid.

(6) Il-possibbiltà li organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali bl-għan illi jirreġistra l-marki jista’ jsir parti mill-Protokol ta’ Madrid iddaħħal fil-Protokoll ta’ Madrid sabiex, partikolarment, il-Komunità Ewropea tkun tista’ taċċedi għall-istess Protokoll.

(7) Il-Protokoll ta’ Madrid daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1995 u sar operazzjonali fl-1 ta’ April 1996 u s-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ daħlet ukoll fis-seħħ fid-data aħħarija.

(8) Is-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ u s-sistema internazzjonali tar-reġistrazzjoni kif stabbilita mill-Protokoll ta’ Madrid huma kumplimentarji. Għalhekk, sabiex id-ditti jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-Komunità tal-marki tal-kummerċ permezz tal-Protokoll ta’ Madrid u vice versa, huwa neċessarju illi l-applikanti tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ u dawk li jżommu l-istess marki għandhom jitħallew japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali tal-marki tagħhom permezz tad-daħla ta’ applikazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid, u, bil-maqlub, dawk li jżommu reġistrazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid għandhom japplikaw għall-protezzjoni tal-marki tal-kummerċ taghħom taħt is-sistema tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ.

(9) Barra dan, l-istabbiliment ta’ ħolqa bejn il-Komunità tal-marki tal-kummerċ u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt il-Protokoll ta’ Madrid tippromwovi żvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi, telimina t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, tkun effiċjenti fl-ispejjeż u tgħolli l-livell ta’ integrazzjoni u l-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll ta’ Madrid huwa neċessarju sabiex il-Komunità tal-marki tal-kummerċ issir iktar attraenti.

(10) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata biex tirrappreżenta l-Komunità Ewropea fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid wara l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll ta’ Madrid. Il-Komunità Ewropea m’għandhiex tesprimi fehmiet fl-Assemblea fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw biss il-Ftehim ta’ Madrid.

(11) Il-kompetenza tal-Komunità Ewropea biex tikkonkludi jew taċċedi fi ftehim jew trattati internazzjonali mhux miksub biss minn konferiment espliċitu mit-Trattat imma jista’ jiġi miksub ukoll mid-disposizzjonijiet tat-Trattat u minn atti adottati skond id-disposizzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-komunità.

(12) Din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri biex jieħdu sehem fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid fir-rigward tal-marki tal-kummerċ nazzjonali tagħhom,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jirrigwarda l-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki, adottata f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989 (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-Protokoll ta’ Madrid), hija hawnhekk approvata f’isem il-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha.

It-test tal-Protokoll ta’ Madrid huwa anness ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat biex jiddepożita l-istrument ta’ l-adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali mid-data li minnha l-Kunsill adottat il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment ta’ ħolqa bejn il-Komunità tal-marki tal-kummerċ u l-Protokoll ta’ Madrid.

2. Id-dikjarazzjonijiet u n-notifikazzjoni annessi ma’ din id-Deċiżjoni għandhom isiru fl-att ta’ l-adeżjoni.

Artikolu 3

1. Il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata biex tirrappreżenta l-Komunità Ewropea fil-laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid miżmuma taħt il-patroċinju ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali.

2. Fuq il-kwistjonijiet kollha fil-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tal-Komunità tal-marki tal-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ Madrid f’isem il-Komunità skond il-ftehim li ġej:

(a) il-posizzjoni li l-Komunità tista’ tadotta fl-Assemblea għandha tiġi ppreparata mill-grupp ta’ ħidma relevanti tal-Kunsill jew, jekk dan mhux possibbli, f’laqgħat imsejħa dak il-ħin waqt ix-xogħol fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali;

(b) fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 40/94, jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Kunsill li jeħtieġ l-unanimità, il-posizzjoni tal-Komunità għandha tiġi adottata mill-Kunsill unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni;

(ċ) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra li jolqtu l-Komunità tal-marki tal-kummerċ, il-posizzjoni tal-Komunità għandha tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ottubru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] ĠU C 293, tal-5.10.1996, pġ. 11.

[2] ĠU C 167, tat-2.6.1997, pġ. 252.

[3] ĠU C 89, tad-19.3.1997, pġ. 14.

[4] ĠU L 11, ta’ l-14.1.1994, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat minn Regolament (KE) Nru 1653/2003, (ĠU L 245, tad-29.9.2003, pġ. 36).

[5] Il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki kif l-aħħar revedut f’Stokolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u kif emendat fit-2 ta’ Ottubru 1979.

--------------------------------------------------