32003D0728



Official Journal L 262 , 14/10/2003 P. 0034 - 0036


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-3 ta’ Ottubru 2003

dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità tal-prodotti għall-bini skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE rigward il-kittijiet tal-bini ta’ l-oqsfa tal-metall, il-kittijiet tal-bini ta’ l-oqfsa tal-konkrit, l-unitajiet ipprefabbrikati tal-bini, il-kittijiet ta’ l-imħażen tal-friża u l-kittijiet tal-protezzjoni għal meta jaqa’ l-ġebel

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2003) 3452)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2003/728/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti għall-bini [1], kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tagħha,

Billi:

(1) Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tagħżel, bejn iż-żewġ proċeduri skond l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 89/106/KEE għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodott, il-proċedura l-inqas oneruża possibbli konsistenti mas-sigurtà. Billi dan ifisser li huwa meħtieġ li jiġi deċiż jekk, għal prodott jew familja ta’ prodotti mogħtija, l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni ta’ fabbrika taħt ir-responsabbiltà tal-fabbrikant hix kondizzjoni meħtieġa u biżżejjed għall-attestazzjoni tal-konformità, jew jekk, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 13(4), hux meħtieġ l-intervent ta’ korp approvat taċ-ċertifikazzjoni.

(2) L-Artikolu 13(4) jeħtieġ illi l-proċedura hekk stabbilita għandha tiġi indikata fil-mandati u l-ispeċifikazzjnijiet tekniċi. Huwa għalhekk mixtieq li jiġi ddefinit il-kunċett tal-prodott jew tal-familja tal-prodotti kif użati fil-mandati u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(3) Iż-żewġ proċeduri pprovduti fl-Artikolu 13(3) huma deskritti fid-dettal fl-Anness III mad-Direttiva 89/106/KEE. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati biċ-ċar il-metodi li bihom għandhom jiġu implimentati ż-żewġ proċeduri, b’referenza għall-Anness III, għal kull wieħed mill-prodotti jew kull waħda mill-familji tal-prodotti, ġaladarba l-Anness III jagħti preferenza lil ċerti sistemi.

(4) Il-proċedura riferita fl-Artikolu 13(3)(a) tikkorrispondi mas-sistemi ddikjarati fl-ewwel possibbiltà, mingħajr sorveljanza ssoktata, u t-tieni u t-tielet possibbiltajiet ta’ l-Anness III(2)(ii). Il-proċedura riferita fl-Artikolu 13(3)(b) tikkorrispondi mas-sistemi ddikjarati fl-Anness III(2)(i), u fl-ewwel possibbiltà, bis-sorveljanza ssoktata, tat-III(2)(ii).

(5) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodotti u l-familji tal-prodotti ddikjarati fl-Anness I għandu jkollhom il-konformità tagħhom attestata bi proċedura li biha, b’żieda mas-sistema tal-kontroll tal-produzzjoni ġewwa l-fabbrika mħaddma mill-fabbrikant, jiġi involut korp approvat ta’ ċertifikazzjoni fl-istima u s-sorveljanza tal-kontroll tal-produzzjoni u tal-prodott innifsu.

Artikolu 2

Il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità kif iddikjarata fl-Anness II għandha tiġi indikata fil-mandati għall-Linji-Gwida għall-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Ottubru 2003.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12.

[2] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

1. Il-kittijiet tal-bini ta' l-oqsfa tal-metall

Din id-Deċiżjoni tkopri dawk il-kittijiet imħejjija industrijalment, imqiegħda fis-suq bħala bini, li huma magħmula mill-komponenti ddisinjati minn qabel u pprefabbrikati maħsuba għall-produzzjoni f'serjijiet. Din id-Deċiżjoni tkopri biss lil dawk il-kittijiet li għalihom jintlaħqu l-ħtiġiet minimi ddefiniti hawn taħt. Kittijiet parzjali taħt il-ħtiġiet minimi huma barra mill-iskop ta' din id-Deċiżjoni. Il-ħtiġiet minimi jikkomprendu dawn kollha li ġejjin: l-elementi strutturali tal-bini, il-konnessjoni tal-bini mas-substruttura u l-ispeċifikazzjoni tal-komponenti essenzjali tal-kisja ta' barra bħala iżolazzjoni termali, il-kisi minn barra, il-kisi ta' bjut, il-kisi minn ġewwa, it-twieqi u l-bibien fuq barra safejn u sakemm huma meħtieġa għas-sodisfazzjon tal-ħtiġiet essenzjali applikati għall-binja.

Għalkemm uħud mill-komponenti jistgħu jiġu mħejjija f'fabbriki differenti, huma kkunsidrati f'din id-Deċiżjoni biss il-kit finali għall-kunsinna, u mhux il-komponenti differenti.

— għall użu fix-xogħol tal-bini

2. Il-kittijiet tal-bini ta' l-oqsfa tal-konkrit

Din id-Deċiżjoni tkopri dawk il-kittijiet imħejjija industrijalment, imquegħda fis-suq bħala bini, li huma magħmula mill-komponenti ddisinjati minn qabel u pprefabbrikati maħsuba għall-produzzjoni f'serjijiet. Din id-Deċiżjoni tkopri biss lil dawk il-kittijiet li għalihom jintlaħqu l-ħtiġiet minimi ddefiniti hawn taħt. Kittijiet parzjali taħt il-ħtiġiet minimi huma barra mill-iskop ta' din id-Deċiżjoni. Il-ħtiġiet minimi jikkomprendu dawn kollha li ġejjin: l-elementi strutturali tal-bini, il-konnessjoni tal-bini mas-substruttura u l-ispeċifikazzjoni tal-komponenti essenzjali tal-kisja ta' barra bħala iżolazzjoni termali, il-kisi minn barra, il-kisi tal-bjut, il-kisi minn ġewwa, it-twieqi u l-bibien fuq barra safejn u sakemm huma meħtieġa għas-sodisfazzjon tal-ħtiġiet essenzjali applikati għall-binja.

Għalkemm uħud mill-komponenti jistgħu jiġu mħejjija f'fabbriki differenti, huma kkunsidrati għal din id-Deċiżjoni biss il-kit finali għall-kunsinna, u mhux il-komponenti differenti.

— għall użu fix-xogħol tal-bini

3. L-unitajiet ipprefabbrikati tal-bini

Din id-Deċiżjoni tkopri l-unitajiet ipprefabbrikati tal-bini kapaċi li jiġu ttrasportati għal fuq is-sit f'format li jikkontjieni lilu nnifsu jew volumetriku u li jipprovdi bil-ħeġġa kisja minn barra li ma tħallix l-ilma jgħaddi, possibbilment bla ħsara għall-kisi kontra d-dħul finali ta' l-ilma, il-ġonġiment bejn l-unitajiet, il-konnessjoni mas-servizzi u kull konnessjoni tal-pedament.

Għalkemm uħud mill-komponenti jistgħu jiġu mħejjija f'fabbriki differenti, biss il-kit finali għall-kunsinna, u mhux il-komponenti differenti, huma kkunsidrati b'din id-Deċiżjoni.

— għall użu fix-xogħol tal-bini

4. Il-kittijiet ta' l-imħażen tal-friża

Din id-Deċiżjoni tkopri l-kittijiet ipprefabbrikati ta' l-imħażen tal-friża għalbiex jiġu stallati fuq in-naħa ta' ġewwa ta' bini eżistenti jew li għall-inqas jipproteġuh mill-epożizzjoni għall-klima esterna, jiġifieri l-kittijiet ta' l-imħażen tal-friża ma jkunux esposti għall-klima esterna. Il-kittijiet immontati ma jikkontribux għall-kapaċità tas-saħħa tat-tagħbijiet tax-xogħol imma tista' tiġi prevista sistema li ssostni ż-żamma tat-tagħbija, għalbiex issostni l-kit kollu mmontat jew partijiet minnu. Huwa eskluż it-tagħmir tekniku (p.e. is-sistemi tal-friża).

Għalkemm uħud mill-komponenti jistgħu jiġu mħejjija f'fabbriki differenti, biss il-kit finali għall-kunsinna, u mhux il-komponenti differenti, huma kkunsidrati b'din id-Deċiżjoni.

— għall użu fix-xogħol tal-bini

5. Il-kittijiet ta' protezzjoni mill-waqgħat tal-ġebel

Din id-Deċiżjoni tkopri l-kittijiet ta' protezzjoni mill-waqgħat tal-ġebel li jikkonsistu minn xibka jew malja singoli jew multipli jew simili, sostnuti bi struttura tal-metall jew ta' l-injam (p.e. arbli ta' l-injam) u, possibilment, bil-kejblijiet.

Għalkemm uħud mill-komponenti jistgħu jiġu mħejjija f'fabbriki differenti, huma kkunsidrati b'din id-Deċiżjoni biss il-kit finali għall-kunsinna, u mhux il-komponenti differenti.

— għall użu fix-xogħlijiet ta' l-inġinerija ċivili

--------------------------------------------------

ANNESS II

Sistemi ta’ l-attestazzjoni tal-konformità

Għall-prodott/i u l-użu/i maħsub/a mniżżel/mniżżla fil-lista ta’ hawn taħt, tinħtieġ l-EOTA sabiex tispeċifika s-sistema/i ta’ attestazzjoni ta’ konformità fil-linji gwida rilevanti għall-approvazzjonijiet teniċi Ewropej:

Is-Sistema 1 : ara d-Direttiva 89/106/KEE, l-Anness III.(2).(i), mingħajr it-testijiet tal-verifika tal-kampjuni.

Il-Prodott/i (kif iddefiniti fl-Anness I) | Użu/i maħsub/a | Il-livell/i jew il-klassi/jiet (reazzjoni għan-nar) | Is-Sistema/i ta’ l-attestazzjoni tal-konformità |

Il-kittijiet tal-bini ta’ l-oqsfa tal-metall Il-kittijiet tal-bini ta’ l-oqsfa tal-konkrit L-unitajiet ipprefabbrikati tal-bini Il-kittijiet ta’ l-imħażen tal-friża | Fix-xogħlijiet tal-bini | Kull wieħed jew waħda | 1 |

Il-kittijiet tal-protezzjoni kontra l-waqgħat tal-ġebel | Fix-xogħlijiet ta’ l-inġinerija ċivili | Kull wieħed jew waħda | 1 |

L-ispeċifikazzjoni għas-sistema għandha tkun hekk illi tista’ tiġi implimentata saħansitra fejn ir-rendiment tax-xogħol ma jeħtieġx li jiġi stabbilit għal ċerta karatteristika, għaliex mill-inqas wieħed mill-Istati Membri ma jkollu l-ebda ħtieġa legali għal din il-karatteristika (ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u, fejn japplika, il-klawsola 1.2.3 tad-dokument ta’ interpretazzjoni).

F’dawn il-każijiet il-verifika ta’ karatteristika bħal din ma għandhiex tiġi imposta fuq il-fabbrikant jekk ma jkunx jixtieq li jiddikjara r-rendiment tax-xogħol tal-prodott f’dan ir-rigward.

--------------------------------------------------