32003D0567



Official Journal L 192 , 31/07/2003 P. 0053 - 0053


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/567/PESK

tal-21 ta' Lulju 2003

li timplimenta l-Posizzjoni Komuni 1999/533/PESK rigward il-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni ta' dħul fis-seħħ kmieni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tat-Test Nukleari Komprensiv (CTBT)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra l-PosizzjoniKomuni tal-Kunsill 1999/533/PESK tad-29 ta' Lulju 1999 rigward il-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni ta' dħul fis-seħħ kmieni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tat-Test Nukleari Komprensiv (CTBT) [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 4 tiegħu, ma' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 4 tal-Posizzjoni Komuni 1999/533/PESK, l-Unjoni Ewropea ntrabtet li tinkoraġġixxi lill-Istati kollha li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw is-CTBT mingħajr dewmien, b'mod partikolari dawk l-Istati fil-lista 44, li r-ratifika tagħhom hi neċessarja għad-dħul fis-seħħ ta' CTBT.

(2) Hu xieraq li jikkontribwixxi għar-riżultat ta' suċċess tat-tielet konferenza skond l-artikolu XIV ta' CTBT, li se sseħħ fi Vjenna mit-3 sal-5 ta' Settembru 2003, bil-għan li jiġi aċċellerat il-proċess ta' ratifika ta' CTBT biex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-seħħ kmieni ta' CTBT,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Fid-dawl ta' l-appoġġ għad-dħul fis-seħħ kmieni ta' CTBT imsemmi fl-Artikolu 1 tal-PosizzjoniKomuni 1999/533/PESK, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi lill-Istati kollha li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw CTBT mingħajr dewmien.

Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi:

(a) bħala l-ewwel prijorità, lil dawk l-Istati fil-lista 44, li l-firma u r-ratifika tagħhom hi neċessarja għad-dħul fis-seħħ ta' CTBT;

(b) lil dawk l-Istati li ffirmaw, imma li ma rratifikawx, il-CTBT, b'mod partikolari l-Istati li se jospitaw stazzjonijiet tas-Sistema ta' Osservazzjoni Internazzjonali (IMS);

(ċ) lil dawk l-Istati li għadhom ma ffirmawx il-CTBT, b'mod partikolari, l-Istati li se jilqgħu stazzjonijiet tal-IMS.

Artikolu 2

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-laqgħa tal-konferenza skond l-Artikolu XIV ta' CTBT fuq livell politiku.

Artikolu 3

Biex jiġi aċċelerat il-proċess tar-ratifika u biex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-seħħ kmieni ta' CTBT, l-Unjoni Ewropea tista' tikkuntattja organizzazzjonijiet reġjonali (bħal l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni ta' l-Istati Amerikani (OAS) u l-Assoċjazzjoni ta' l-Istati ta' l-Asja tal-Lvant (ASEAN)).

Artikolu 4

Il-Presidenza għandha tinforma lis-Segretarjat Tekniku Proviżorju tas-CTBT dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Lulju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Frattini

[1] ĠU L 204, ta' l-4.8.1999, p. 1.

--------------------------------------------------