32003D0457



Official Journal L 154 , 21/06/2003 P. 0079 - 0079


ID-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-13 ta' Mejju 2003

li tikkonċerna l-iffirmar tal-Ftehim dwar koperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta' Iżrael

(2003/457/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 170, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tiegħu Nru 1999/224/KE tat-22 ta' Frar 1999 [1], il-Kunsill iffinalizza Ftehim dwar koperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta' Iżrael, li daħal fis-seħħ fit-8 ta' Marzu 1999; il-Ftehim jassoċja l-Istat ta' Iżrael ma' l-attivitajiet kollha tal-programmi speċifiċi tal-ħames qafas ta' program ta' attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni.

(2) L-Artikolu 12(4) tal-Ftehim jipprovdi li "meta l-Komunità tadotta, aktar minn darba fis-sena, qafas ġdid ta' programm ta' riċerka u żvilupp, dan il-Ftehim jista' jerġa jiġi nnegozjat jew imġedded taħt kondizzjonijiet maqbula flimkien".

(3) Fil-5 ta' Novembru 2002, il-Kunsill awtorizza li jsiru negozjati bl-għan li jiġġedded il-Ftehim kurrenti, kif ukoll ikkunsidra n-negozjar ta' l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim imġedded. Din l-applikazzjoni proviżorja tkun tippermetti lill-entitajiet Iżraeljani li jipparteċipaw fl-ewwel sejħiet għall-proposti taħt is-sitt qafas ta' programm.

(4) In-negozjati laħqu l-ogħla punt meta kien inizjalat l-abbozz tal-Ftehim fis-17 ta' Diċembru 2002 mir-rappreżentanti awtorizzati taż-żewġ Partijiet.

(5) Soġġett għal meta possibbilment jiġi ffinalizzat aktar 'Il quddiem, il-Ftehim inizjalat fis-17 ta' Diċembru 2002, għandu jiġi ffirmat u jinħaseb biex ikun applikat proviżorjament ma' l-iffirmar tiegħu.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta' Iżrael huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-iffinalizzar ta' dak il-Ftehim.

It-test ta' dan il-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat biex jinnomina l-persuna/i li tkun/ikunu awtorizzat/i li tiffirma/jiffirmaw, f'isem il-Komunità, il-Ftehim meta dan ikun iffinalizzat.

Artikolu 3

Ma' l-iffirmar, il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta' Mejju 2003.

F'isem il-Kunsill

Il-President

A.A. Tsochatzopoulos

[1] ĠU L 83, tas-27.3.1999, pġ. 50.

--------------------------------------------------