32003D0454



Official Journal L 152 , 20/06/2003 P. 0082 - 0083


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-13 ta' Ġunju 2003

li temenda l-Anness 12 ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Anness 14a tal-Manwal Komuni dwar il-miżati għal viżi

(2003/454/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriseva għall-Kunsill il-poteri ta' l-implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet iddetaljati u proċeduri prattiċi fl-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-viżi [1],

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 790/2001/KE ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva għall-Kunsill il-poteri ta' l-implimentazjoni rigward ċerti disposizzjonijiet iddettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jitwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza fuq il-fruntieri [2],

Wara li kkonsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ellenika,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/44/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li temenda l-Parti VII u l-Anness 12 ma' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari u l-Anness 14a mal-Manwal Comuni [3] jistabbilixxu illi l-miżati li għandhom jiġu imposti f'konnessjoni ma' applikazzjoni għal viża jikkorrispondu għall-ispejjeż amminitrattivi miġrura. L-Istruzjonijiet Komuni Konsulari u l-Manwal Komuni għandhom għalhekk jiġu emendati kif jixraq.

(2) L-ammont li jrid jiġi impost għandu jiġi rrivedut f'intervalli regolari taż-żmien.

(3) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimaka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u marbuta biha u lanqas bla ħsara għall-applikazzjoni tagħha. Mogħti li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti III tat-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi f'perjodu taż-żmien ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk timplimentahiex fil-liġijiet nazzjonali tagħha.

(4) Rigward l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jirrigwarda l-assoċjazjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jidħol fiż-żona riferita fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE ta-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti sabiex jiġi applikat dan il-Ftehim [5].

(5) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jeħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-19 ta' Mejju 2000 li tirrigwarda t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'uħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6]; ir-Renju Unit għalhekk ma jeħux sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew bla ħsara għall-applikazzjoni tiegħu.

(6) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma teħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2000 li tirrigwarda t-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'uħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [7]; l-Irlanda għalhekk ma teħux sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(7) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew inkella għandu x'jaqsam miegħu fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-Tabella fl-Anness 12 ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari u t-Tabella fl-Anness 14a tal-Manwal Komuni huma mibdula bit-Tabella li ġejja:

"Il-miżati li jridu jiġu imposti, li jikkorrispondu ma' l-ispejjeż amministrattivi tal-proċessar ta' l-applikazzjoni għall-viża

It-Tip tal-viża | Il-miżati li ridu jiġu imposti (fl-EUR) |

Il-Viża tat-transitu fl-ajruporti (Kategorija A) | 35 |

Il-Viża tat-transitu (Kategorija B) | 35 |

Il-Viża għal waqfien fil-qosor (minn 1 sa 90 jum) (Kategorija Ċ) | 35 |

Il-Viża għad-dħul multiplu, valida minn sena sa 5 snin (Kategorija Ċ) | 35 |

Il-Viża b'validità territorjali limitata (Kategoriji B u Ċ) | 35 |

Il-Viża maħruġa fuq il-fruntiera (Kategoriji B u Ċ) | 35 Din il-viża tista' tinħareġ mingħajr ħlas |

Il-Visa tal-gruppi (Kategoriji A, B u Ċ) | EUR 35 + EUR 1 għall kull persuna |

Il-Viża nazzjonali għall-waqfien fit-tul (Kategorija D) | L-ammont għandu jiġi ffissat mill-Istati Membri, li jistgħu jiddeċiedu li joħorġu dawn il-viżajiet mingħajr ħlas |

Il-Viża nazzjonali għal waqfien fit-tul konkorrentement bħal viża ta' waqfa qasira (Kategoriji Ċ u D) | L-ammont għandu jiġi ffissat mll-Istati Membri, li jistgħu jiddeċiedu li joħorġu dawn il-viżajiet mingħajr ħlas" |

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2005.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw din id-Deċiżjoni qabel l-1 ta' Lulju 2005 sakemm jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bid-data li fiha jkunu f'posizzjoni li jagħmlu dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Papandreou

[1] ĠU L 116, tas-26.4.2001, p. 2.

[2] ĠU L 116, tas-26.4.2001, p. 2.

[3] ĠU L 20, tat-23.1.2002, p. 5.

[4] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 31.

[6] ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

[7] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

--------------------------------------------------