Official Journal L 152 , 20/06/2003 P. 0041 - 0041
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2003 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vietnam dwar il-kummerċ f'prodotti tessili u ta' l-ilbies u miżuri oħra li jiftħu s-suq, u li jawtorizza l-applikazzjoni provviżorja tiegħu (2003/453/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri fuq il-kummerċ fil-prodotti tessili mal-Vietnam (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim). (2) Il-Ftehim kien inizjalat fil-15 ta' Frar 2003. (3) Suġġett għar-reċiproċità, u biex jippermetti li l-benefiċċji tiegħu jgħaddu liż-żewġ partijiet immedjatament wara n-notifiki relevanti, huwa xieraq li dan il-Ftehim jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-15 ta' April 2003 sa l-ikkompletar tal-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu. (4) Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem il-Komunità, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vietnam fuq il-kummerċ fil-prodotti tessili u ta' l-ilbies [1] u l-miżuri l-oħra li jiftħu s-suq, u li jawtorizza l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, huwa hawnhekk approvat, f'isem il-Komunità, suġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim, f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu. Artikolu 3 Bla ħsara għar-reċiproċità, l-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-15 ta' April 2003 sa l-ikkompletar tal-proċeduri għal konklużjoni formali tiegħu. Artikolu 4 1. Iż-żiedet tal-kwoti mal-livelli indikati fl-Anness 2 tal-Ftehim ser jiġu magħmula kull sena ma' l-implimentazzjoni mill-Vietnam tar-rabtiet tiegħu taħt il-paragrafi 3, 4, 8 u 10 ta' l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vietnam fuq il-kummerċ fil-prodotti tessili u ta' l-ilbies. 2. Fil-każ li l-Vietnam jonqos milli jaderixxi ma' l-obbligazzjonijiet tiegħhu taħt il-paragrafi 3, 4, 8, 9 u 10 ta' l-Artikolu 3 ta' dak il-Ftehim fl-2003, il-kwoti għall-2003 għandhom jiġu mnaqqsa għal-livelli indikati fl-Anness 2, kolonna 3. Fil-każ li l-Vietnam jonqos milli jaderixxi ma' l-obbligazzjonijiet fl-2004 jew fl-2005, dawn il-livelli għandhom jiġu miżjuda b'rata tat-tkabbir ta' 3 % kull sena. F'dawn il-każijiet, il-kwantitajiet li diġa' qed jinġarru bil-baħar li jeċċedu l-livelli tal-kwota ristabbiliti għandhom jiġu mnaqqsa mill-kwoti tas-snin ta' wara. 3. Id-Deċiżjoni li jiġi implimentat il-paragrafu 2 għandha tittieħed skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tessili minn pajjiżi terzi [2]. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-2 ta' Ġunju 2003. F'isem il-Kunsill Il-President K. Stefanis [1] ĠU L 410, 31.12.1992, p. 279. [2] ĠU L 275, 08.11.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 138/2003 (ĠU L 23, 28.01.2003, p. 1. --------------------------------------------------