32003D0253



Official Journal L 036 , 12/02/2003 P. 0001 - 0006
Official Journal L 095 , 11/04/2003 P. 0036 - 0037


Id-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-6 ta' Frar 2003

li tadotta programm ta' azzjoni għad-dwani fil-Komunità (Dwani 2007)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkonsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura imniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-esperjenza miksuba minn programmi preċedenti fil-qasam tad-dwana, b'mod partikolari Dwani 2002, li hemm f'Deċiżjoni Nru 210/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 li tadotta programm ta' azzjoni għal dwani fil-Komunità (Dwani 2000) [4], turi illi ser ikun hemm interess Komunitarju qawwi biex jitkompla, u anke jitkabbar, dan il-program. Il-programm il-ġdid għandu jinbena fuq is-suċċessi ta' programmi preċedenti. Il-bżonn għal skopijet aktar iffukati u li jistgħu jiġu kkwantifikati ġie stabbilit bħala riżultat ta' programm preċedenti.

(2) Il-programm il-ġdid għandu jagħti każ tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar strateġija dwar l-għaqda doganali [5].

(3) Amministrazzjonijiet doganali għandhom rwol vitali li jipproteġu l-interessi Komunitarji, b'mod partikolari l-interessi finanzjarji tagħha, li jipprovdu livell ugwali ta' protezzjoni liċ-ċittadini tal-Komunità' u lil min iħaddem b'mod ekonomiku, fi kwalunkwe post fit-territorju doganali fejn isiru clearance mid-dwana, u biex iżidu l-kapaċita tan-negozju ta' l-Unjoni Ewropea biex jikkompetu fis-suq globali. F'dan il-kuntest, il-politika doganali għadha tkun adattata b'mod kontinwu għal żviluppi mill-grupp ta' politika doganali biex ikun żgurat illi amministrazzjonijiet nazzjonali doganali joperaw b'mod effiċjenti u effettiv daqs li kieku kienet qedgħa titmexxa amministrazzjoni waħda.

(4) Huwa neċessarju illi din id-Deċiżjoni twaqqaf il-miri ta' l-implimentazzjoni tal-programm, kif ukoll il-prijoritajiet li bihom dan ser jitmexxa matul il-ħames snin li ġejjin u jagħti appoġġ u jikkumplimenta azzjonijiet meħudha mill-Istati Membri fil-qasam doganali. L-implimentazzjoni ta' dan il-programm ser tkun ikkordinata u organizzata bi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-politika komuni żvilupata mill-grupp ta' politika Doganali.

(5) L-impenn tal-Komunità lejn il-proċess ta' sħubija ta' pajjiżi li ser jissieħbu jitlob l-għotja ta' meżżi prattiċi li bihom l-amministrazzjonijiet doganali ta' dawn il-pajjiżi ikunu kapaċi jwettqu l-obbligi kollha mitluba skond leġislazzjoni Komunitarja mid-data tas-sħubija tagħhom, inkluż l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni futuri. Sabiex jintlaħaq dan, il-programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi li ser jissieħbu.

(6) Jistgħu jintużaw sensiela sħiħa ta' strumenti sabiex jintlaħqu l-mirimiri ta' dan il-programm, inkluż il-komunikazzjoni u s-sistemi ta' sskambju ta' informazzjoni, gruppi ta' amministrazzjoni, bdil ta' uffiċjali, laqgħat, workshops, monitoraġġ, azzjonijiet fuq barra u attivitajiet ta' taħriġ. F'każ ta' taħriġ professjonali, l-Artikolu 150 tat-Trattat jagħmilha ċara illi azzjoni Komunitarja għandha tirrispetta bi sħiħ ir-risponsabilta' ta' l-Istati Membri għall-kontenut u organizzazzjoni ta' taħriġ professjonali.

(7) Hemm il-bżonn ta' azzjoni doganali biex tingħata prijorita sabiex jitjiebu kontrolli għall-kontra l-frodu, jitnaqqsu l-ispejjez għall-konformita' ma' leġislazzjoni doganali għal min jopera b'mod ekonomiku u biex ikun hemm preparazzjoni għat-tkabbir. Il-Komunità għandha għaldaqstant tkun kapaċi, fl-ambitu tal-qafas tal-poteri tagħha stess, tappoġġja l-azzjoni ta' l-amministrazzjoni doganali ta' l-Istati Membri, u għandu jittieħed vantaġġ sħiħ minn kull possibilità ta' koperazzjoni amministrattiva illi jipprovdu r-regoli Komunitarji.

(8) Żjieda fil-globalizzazzjoni ta' negozju, l-iżvilupp ta' swieq ġodda, u tibdiliet fil-metodu u l-ħeffa tal-moviment ta' l-oġġetti, jitolbu illi l-amministrazzjonijiet doganali jsaħħu relazzjonijiet bejniethom u man-negozji Komunitarji, ċirki legali u xjentifiċi, u negozjanti li jwettqu kummerċ barrani.

(9) Fatturi li jservu ta' werrejja għandhom ikunu identifikati fi stadju avvanzat tal-programm sabiex tkun żgurata sistema effiċjenti għall-evalwazzjoni ġenerali tal-program. Sabiex tiġi mkejla l-amministrazzjoni effettiva u effiċjenti tal-programm, għandhom ikunu stabbiliti werejja għal kull azzjoni.

(10) Huwa essenzali illi amministrazzjonijiet doganali jkomplu jagħmlu użu mill-potenzal għall-iżvilupp ta' informazzjoni u teknoloġija fil-komunikazzjoni sabiex iwasslu servizzi elettroniċi aktar effiċjenti u aċċessibbli li ser inaqqsu l-ispiża għal min jaħdem għall-qliegħ u javvanzaw il-kompettittivita Ewropea u suq intern aktar effiċjenti.

(11) Din id-Deċiżjoni twaqqaf, għat-tul tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostittwixxi l-ewwel referenza, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim ta' bejn l-Istituzzjonijiet tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina tal-baġit u titjib tal-proċedura tal-baġit [6], għall-awtorita tal-baġit, matul il-proċedura annwali tal-baġit.

(12) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabilixxi proċeduri għall-użu ta' poteri ta' implimentazzjoni mgħoddija fuq il-Kummissjoni [7],

ADDOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

SKOP U GĦANIJIET

Artikolu 1

Twaqqif tal-programm

Qiegħed jiġi stabbilit programm ta' azzjoni Komunitarja plurijennali (Dwani 2007) minn hawnhekk ‘il quddiem msejjaħ "il-programm", għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2007 sabiex jappoġġja u jikkumplimenta l-ażżjoni meħuda minn Stati Membri biex jiggarantixxu l-funzjonament effettiv tas-suq intern fil-qasam doganali.

Artikolu 2

Parteċipazzjoni fil-programm

1. Il-pajjiżi li qed jipparteċipaw huma Stati Membri u dawk il-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2 li fil-fatt jipparteċipaw fil-programm.

2. Il-programm ser ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe pajjiż li ġie rikonoxxut bħala pajjiż li ser jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, skond it-termini xierqa u kondizzjonijiet għal parteċipazzzjoni bħal din.

Artikolu 3

Għanijiet

1. Fil-qasam ta' amministrazzjoni ta' l-unjoni doganali, il-miri tal-programm ser ikunu biex jiżguraw illi l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri:

(a) iwettqu azzjoni kordinata biex jiżguraw illi attivita doganali taqbel mal-bżonnijiet tas-suq intern tal-Komunità permezz ta' implimentazzjoni ta' l-istrateġija imniżżla fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmija u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar strateġija għal għaqda doganali;

(b) jieħdu sehem u jwettqu d-doveri tagħhom b'mod effiċjenti daqs li kieku kienu amministrazzzjoni waħda u jilħqu riżultati ekwivalenti fi kwalunkwe post fit-territorju doganali tal-Komunità;

(ċ) jissodisfaw t-talbiet li jsirulhom minħabba globalizzazzjoni u l-volum li dejjem jiżdied ta' negozju u jikkontribwixxu lejn it-tisħiħ ta' l-ambjent ekonomiku ta' l-Unjoni Ewropea;

(d) jipprovdu protezzjoni neċessarja ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea u jipprovdu ambjent li joffri sigurta għaċ-ċittadini tagħha;

(e) jieħdu l-passi neċessarji biex jippreparaw għat-tkabbir u jappoġġjaw l-integrazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

2. L-approċċ komuni dwar il-politika doganali ser jibqa' dejjem jiġi addattat għal żviluppi ġodda fi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Grupp ta' Politika Doganali, magħmul mill-kapijiet ta' l-amministrazzjonijiet doganali mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jew ir-rappreżentattivi tagħhom. Il-Kummissjoni ser iżżomm lill-Grupp ta' Politika Doganali informat b'mod regolari bil-miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Prijoritajiet tal-programm

Ser jitwaqqfu l-prijoritajiet li ġejjin għall-implimentazzjoni tal-programm:

(a) illi titnaqqas l-ispiża fuq min jaħdem bi qliegħ sabiex ikun hemm konformità ma' leġislazzjoni doganali permezz ta' miżuri bħal standardisation aħjar, u biex tkun żviluppata koperazzjoni miftuħa u trasparenti ma' negozju;

(b) illi jkunu identifikati, żvilupati u applikati l-aqwa użanzi ta' xogħol, speċjalment f'oqsma ta' post-clearance mid-dwana u kontrolli ta' verifika, analiżi ta' riskju u proċeduri simplifikati;

(ċ) illi tkun stabbilita sistema ta' tħaris fuq kif jaġixxu l-Istati Membri fl-amministrazzjonijiet doganali;

(d) illi jingħata appoġġ lil azzjonijiet biex ikunu evitati irregolaritajiet, per eżempju billi tiġi offruta informazzjoni dwar kontroll lill-postijiet doganali fuq quddiem;

(e) illi titjieb l-ugwaljanza u s-simplifikazzjoni ta' proċeduri, sistemi u kontrolli doganali;

(f) illi jitjiebu l-kordinazzjoni u koperazzjoni bejn laboratorji li jwettqu analiżi għal skopijiet doganali sabiex jiżguraw, b'mod partikolari, klassifikazzjoni ta' tariffa ugwali u ċara madwar l-Unjoni Ewropea;

(g) illi jingħata appoġġ lill-ħolqien ta' ambjent doganali elettroniku bi proċeduri doganali li ma jagħmlux użu minn karti permezz ta' l-iżvilupp ta' sistemi ta' komunikazzjoni flimkien mal-bidliet leġislattivi u amministrattivi neċessarji;

(h) illi jkun żgurat l-funzjonament ta' sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni li diġa jeżistu u, fejn jixraq, ikunu żvilupati u stabiliti sistemi ġodda;

(i) illi jkun hemm ir-rabta illi jitwettqu azzjonijiet li ser joffru appoġġ lis-servizzi doganali tal-pajjiżi li ser jissieħbu fil-preparazzjoni tagħhom lejn sħubija;

(j) illi jkun hemm għajnuna lill-pajjiżi terzi fl-immodernizzar ta' servizzi u proċeduri doganali;

(k) illi jkunu żvilupati miżuri komuni ta' taħriġ u l-qafas ta' organizzazzjoni għal taħriġ doganali li jkunu kapaċi jittrattaw mal-bżonnijiet li jiġu minn azzjonijiet tal-programm.

KAPITOLU II

AZZJONIJIET TAL-PROGRAMM

Artikolu 5

Sistemi ta' sskambju ta' komunikazzjoni u informazzjoni

1. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw għanhom ikunu żguri illi s-sistemi ta' skambjusskambju ta' komunikazzjoni u nformazzjoni li ġejjin, flimkien ma' kotba żgħar u ta' gwida, qedgħin jaħdmu, sakemm dan il-funzjonament ikun neċessarju skond leġislazzjoni Komunitarja:

(a) ir-rettikolat komuni ta' komunikazzjoni/sistemi komuni ta' interface (CCN/CSI) sakemm dan ikun neċessarju biex jappoġġja l-funzjonament tas-sistemi mniżżla f'dan il-paragrafu;

(b) is-sistema ta' tixrid ta' informazzjoni (DDS);

(ċ) is-sistema ġdida kkompjuteriżżata ta' transitu (NCTS/NSTI);

(d) is-sistema ta' informazzjoni dwar tariffi integri fil-Komunità (TARIC);

(e) is-sistema ta' informazzjoni għal bdil ta' bolol oriġinali u l-mogħdija ta' bolol ta' transitu (TCO/TCT);

(f) l-inventarju doganali Ewropew ta' sustanzi kimiċi (ECICS);

(g) is-sistema vinkolanti Ewropea dwar informazzjoni dwar tariffi (EBTI/RTCE);

(h) is-sistema ta' amministrazzjoni ta' sorveljanza tal-kwota ta' tariffi (TQS);

(i) is-sistema magħrufa bħala inward-processing relief system (IPR);

(j) is-sistema ta'valuri ta' unita;

(k) is-sistema ta' informazzjoni dwar Suspensions;

(l) sistemi komunitarji oħra ta' l-IT fil-qasam doganali biex jiżguraw il-kontinwita' tagħhom.

2. Il-Kummissjoni, bi sħubija ma' l-Istati Membri, tista' twaqqaf sistemi oħra ta' komunikazzjoni u skambjusskambju ta' informazzjoni skond kif dawn iqisu li hemm bżonn.

3. L-elementi Komunitarji tas-sistemi ta' skambjusskambju ta' komunikazzjoni u nformazzjoni, li għandhom ikunu komuni għall-pajjiżi kollha li jipparteċipaw sabiex jiżguraw l-interconnection u interoperability tas-sistemi, kemm jekk dawn ikunu nstallati fl-uffiċċji tal-Kummissjoni jew ta' subcontractor nominat jew fl-uffiċċji tal-pajjiżi li jkunu qiegħdin jipparteċipaw. Il-Kummissjoni ser tikkonkludi l-kuntratti neċessarji biex tiżgura n-natura operazzjonali ta' dawn il-komponenti.

4. Il-komponenti mhux Komunitarji tas-sistemi ta' skambjusskambju ta' komunikazzjoni u informazzjoni ser jinkludu d-databases nazzjonali li jagħmlu parti minn dawn is-sistemi, il-konnessjonijiet tar-rettikolat bejn il-komponenti tal-Komunità u dawk mhux tal-Komunità u tali software u hardware skond kif kull pajjiż li qiegħed jipparteċipa ser iqis xieraq għat-tħaddim sħiħ ta' dawk is-sistemi madwar l-amministrazzjoni tiegħu. Il-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw ser jiżguraw illi komponenti li mhumiex Komunitarji jinżammu jaħdmu u ser jiżguraw l-interoperability ta' dawn il-komponenti ma' komponenti Komunitarji.

5. Il-Kummissjoni ser tikordina, f'koperazzjoni mal-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw, dawk l-aspetti tat-twaqqif u l-funzjonament tal-komponenti tal-Komunità u dawk li mhux tal-Komunità tas-sistemi u infrastruttura msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Normi

Jistgħu jkunu organizzati attivitajiet li jistabillixxu normi li jinvolvu wieħed jew aktar mill-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw jew pajjiżi terzi oħra, b'mod partikolari s-sieħba fin-negozju prinċipali Komunitarji, sabiex jittejjeb ix-xogħol ta' l-amministrazzjoni doganali tagħhom f'oqsma speċifiċi.

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni "it-twaqqif ta' normi" ifisser paraguni ta' metodi ta' xogħol jew l-użu ta' werejja, miftehma u komuni biex jitkejjlu differenzi fix-xogħol, u l-proċessi nvoluti sabiex jinqasmu esperjenzi u tittieħed lezzjoni minn użanzi tajbin sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effettivita.

Artikolu 7

Skambju ta' uffiċjali

1. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw ser jorganizzaw skambju ta' uffiċjali mill-amministrazzjonijiet doganali biex jappoġġjaw il-miri tal-programm. Kull skambju ser jiffokka fuq aspett speċifiku tax-xogħol doganali u ser ikun ippreparat sew u issir valutazzjoni fuqu mill-uffiċjali u l-awtoritajiet ikkonċernati. Skambji jistgħu jkunu mħaddma jew immirati lejn attivitajiet fi prijoritajiet speċifiċi.

2. Meta jkun jixraq, pajjiżi li jkunu qiegħdin jieħdu sehem ser jieħdu l-passi neċessarji biex jgħinu sabiex uffiċjali tal-skambju jkunu jistgħu jaħdmu fis-servizz li qiegħed jilqaħhom. Għal dan il-għan, uffiċjali tal-skambju ser ikollhom l-awtorita illi jwettqu l-formalitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-obbligi li huma ġew fdati bihom. Jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jitolbu hekk, u, b'mod partikolari, sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tas-sistema legali ta' kull pajjiż li jkun qiegħed jieħu sehem, l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw jistgħu jimponu limitu fuq l-imsemmija awtorizzazzjoni.

3. Sakemm idum il-skambju, uffiċjali sejrin, waqt li jkunu qiegħdin jaqdu dmirijiethom, ikollhom l-istess responsabbiltà ċivili bħall-uffiċjali nazzjonali fl-awtoritajiet tal-post li qiegħed jilqaħhom. Uffiċjali li qiegħdin jieħdu sehem fil-skambju ser ikunu suġġetti għall-istess regoli dwar kunfidenza professjonali li japplikkaw għall-uffiċjali nazzjonali tal-pajjiż li qiegħed jospitahom.

4. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw jistgħu wkoll jorganiżżaw skambju ma' pajjiżi terzi biex jiksbu il-miri ta' dan il-programm.

5. Il-pajjiżi li jkunu qed jipparteċipaw joffru minn żmien għal żmien valutazzjonijiet, li jinkludu l-effett ta' l-amministrazzjoni tagħhom, kif mitluba mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Seminars, workshops u gruppi ta' proġetti

Il-Kummissjoni u l-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw ser jorganiżżaw seminars, workshops u konferenzi li għalihom ser jattendu uffiċjali tal-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw u l-Kummissjoni u, fejn jixraq, esperti oħra f'dan il-qasam. Għal dawn is-seminars, workshops u konferenzi jistgħu jattendu wkoll uffiċjali minn amministrazzjonijiet oħra fejn dan ikun jixraq għall-għanijiet ta' l-attività.

Il-Kummissjoni, bi sħubija ma' l-Istati Membri, tista' tistabilixxi gruppi ta' proġett biex jitwettqu xogħolijiet speċifiċi li għandhom jitlestew fi żmien speċifiku.

Artikolu 9

Taħriġ vokazzjonali

1. Sabiex jingħata sostenn lill-koperazzjoni strutturata bejn għaqdiet nazzjonali u ta' taħriġ u uffiċjali responsabbli mit-taħriġ doganali fl-amministrazzjonijiet, il-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw sejrin, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni:

(a) iwaqqfu normi għat-taħriġ, jiżviluppaw programmi ta' taħriġ eżistenti u, fejn ikun hemm bżonn, joħolqu programmi ġodda biex jipprovdu bixra komuni ta' taħriġ għall-uffiċjali li għandhom x'jaqsmu mas-sensiela sħiħa ta' regoli u proċeduri doganali Komunitarji sabiex jgħinuhom jiksbu l-kapaċita' u t-tagħrif professjonali komuni neċessarju;

(b) meta jkun xieraq, taħriġ vokazzjonali doganali offrut minn kull pajjiż lill-uffiċjali ta' dak il-pajjiż li qiegħed jipparteċipa miftuħ għall-uffiċjali mill-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw kollha;

(ċ) jiżvilupaw l-għodda neċessarja u komuni għal taħriġ doganali u taħriġ fl-amministrazzjoni doganali, inkluż l-iżvilupp ta' qafas organizzativ

2. Pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw għadhom ukoll ikunu ċerti illi l-uffiċjali tagħhom jirċievu t-taħriġ tal-bidu u t-tagħrif skond programmi ta' taħriġ komuni u t-taħriġ lingwistiku neċessarju għal dawk l-uffiċjali biex jiksbu livell ta' kompetenza lingwistika suffiċjenti

Artikolu 10

Azzjonijiet ta' Kontroll

1. Il-Kummissjoni, bi sħubija ma' l-Istati Membri, u, fejn xieraq, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' min jopera bi qliegħ, ser jagħmlu pjanijiet għall-kontroll ta' setturi speċifiċi ta' regoli u proċeduri doganali Komunitarji.

2. Kontrolli bħal dawn ser isiru minn timijiet konġunti magħmula minn uffiċjali doganali mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawn it-timijiet sejrin, fuq bażi ta' approċċ skond is-suġġetti jew skond ir-reġjun, iżuru postijiet differenti fit-territorju doganali Komunitarju fejn amministrazzjonijiet doganali jwettqu x-xogħolijiet tagħhom. Fl-aħħar ta' dawn il-laqgħat, huma ser jippreparaw rapport li jiddentifika u jagħmel analiżi ta' l-aħjar metodi ta' xogħol sabiex itejbu l-effiċjenza ta' attivitajiet doganali. ir-rapporti ta' dawn l-esperti ser ikunu komunikati lill-Stati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 11

Azzjonijiet esterni fil-forma ta' għajnuna teknika u taħriġ

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kordinazzjoni tat-taħriġ u l-għajnuna teknika u azzjonijiet ta' koperazzjoni li jsiru mill-Komunitàà u l-Istati Membri ma' amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi, biex jiżguraw konsistenza' ta' azzjonijiet Komunitarji, kemm esterni kif ukoll interni.

2. Il-Kummissjoni ser tiżgura wkoll l-implimentazzjoni ta' għajnuna ta' taħriġ u għajnuna teknika u azzjonijiet ta' koperazzjoni għall-benefiċċju ta':

(a) pajjiżi li ser jissieħbu biex tgħinhom ikunu skond liġijiet doganali Komunitarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal interconnectivity ta' sistemi ta' informazzjoni doganali u teknoloġija;

(b) pajjiżi terzi biex jgħinuhom fl-immoderniżżar ta' l-amministrazzjonijiet doganali tagħhom sabiex itejjbu kemm il-kondizzjonijiet għall-iżvilupp ta' negozju leġittimu kif ukoll il-koperazzjoni ma' amministrazzjonijiet doganali fl-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Azzjonijiet oħra

Il-Kummissjoni tista', bi sħubija ma' Stati Membri, tiżvilupa u tuża azzjonijiet oħra neċessarji biex tilħaq l-miri tal-programm.

Artikolu 13

Twaqqif ta' miri u fatturi li jservu ta' werrejja

L-azzjonijiet li ser isiru skond dan il-programm ser ikollhom għanijiet ċari, fatturi li jservu ta' werejja li jistgħu jitkejjlu biex jiżguraw valutazzjoni xierqa u indikazzjoni ċara ta' l-ispejjez mistennija u ser ikunu mfassla sabiex ir-riżultati jiksbu l-effett mistenni ta' l-azzjoni.

KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 14

Qafas Finanzjarju

1. Il-qafas Finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2007 qed jiġi stabbilit hawnhekk fil-livell ta' 133 miljun Euro.

2. L-approprjazzjonijiet ta' kull sena ser ikunu awtoriżati mill-awtorita tal-baġit skond il-limiti tal-perspettiva Finanzjarja.

Artikolu 15

Spejjeż

1. L-ispiża neċessaja għall-implimentazzjoni tal-programm ser tkun maqsuma bejn il-Komunità u l-pajjiżi li jipparteċipaw skond paragrafi 2 u 3.

2. Il-Komunità ser tkun responsabbli għall-ispejjeż li ġejjin:

(a) l-ispiża ta' l-iżvilupp, xiri, istallazzjoni u ġabrata' komponenti Komunitarji u sistemi ta' skambju ta' komunikazzjoni u informazzjoni li hemm fl-Artikolu 5 u l-ispejjeż ta' kuljum tat-tħaddim ta' komponenti Komunitarji installati fl-uffiċċji tal-Kummissjoni jew dawk ta' subcontractor nominat;

(b) l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien ta' kuljum li jkollhom jagħmlu l-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet sabiex jiġu stabbiliti normi, skambju ta' uffiċċjali, seminars, workshops u gruppi ta' proġetti, azzjonijiet ta' taħriġ u kontroll imsemmija fl-Artikolu 6 sa 10;

(ċ) l-ispejjez ta' organizzazzjoni ta' seminars u workshops;

(d) l-ispejjez li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet imsemmija f'L-Artikoli 11 u 12.

Il-Kummissjoni ser, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [8], jistabilixxi r-regoli dwar il-ħlas ta' spejjeż u ser jibgħathom lill-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw.

3. Il-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw ser ikunu responsabbli għall-ispejjez li ġejjin:

(a) l-ispejjez kollha minbarra dawk imsemmija f'2(a) li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif u l-funzjonament tal-komponenti mhux Komunitarji ta' sistemi ta' komunikazzjoni u skambju ta' informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 u l-ispejjez tat-tħaddim ta' kuljum tal-komponenti Komunitarji ta' dawk is-sistemi installati fl-uffiċċji tagħhom jew dawk ta' sotto-kuntrattur nominat;

(b) id-differenza bejn l-ispiża mħallsa mill-Komunità skond 2(b), 2(c) u 2(d), u l-ispiża attwali ta' l-attività;

(ċ) l-ispejjez li għandhom x'jaqsmu mat-taħriġ tal-bidu u dak kontinwu, inkluż it-taħriġ lingwistiku ta' l-uffiċjali tagħhom kif hemm imsemmi fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 16

Il-Kontroll Finanzjarju

Deċiżjoniiet finanzjarji u kwalunkwe ftehim jew kuntratti li jiġu bħala riżultat ta' din id-Deċiżjoni ser ikunu suġġetti għal kontroll finanzarju, u jekk ikun hemm bżonn, għall-verifikazzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra L-Frodi (OLAF) u l-Qorti ta' l-Awdituri. Kwalunkwe għotjiet li jsiru skond din id-Deċiżjoni ser ikunu suġġetti għall-ftehim bil-miktub min qabel mill-beneffiċjarji. Dan il-ftehim ser ikun fih l-aċċettazzjoni mill-benefiċjarji ta' verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-użu li sar mill-finanzjament li jkun ingħata.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 17

Implimentazzjoni

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm ser ikunu adottati skond il-proċedura ta' amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 18

Kumitat

1. Il-Kummissjoni ser tkun megħjuna mill-Kumitat tad-Dwana 2007 (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkonsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 19

Valutazzjoni u rapporti

1. Dan il-programm ser ikun suġġett għal valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw. Il-valutazzjoni ser issir permezz tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 u permezz ta' attivitajiet speċifiċi u ser tkun ibbażata fuq format, kriterji u werejja mwaqqfa matul l-ewwel sena tal-programm.

2. Pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw ser jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2005, rapport provviżorju dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-programm, u

(b) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007, rapport finali dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-programm.

3. Il-Kummissjoni ser tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005, rapport provviżorju li jagħmel valutazzjoni ta' l-effiċjenza u l-effettività tal-programm;

(b) sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2008, rapport finali li jistabilixxi l-impatt li kellu l-programm.

Dawn ir-rapporti ser jintbagħtu wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal skopijiet ta' informazzjoni.

4. Ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu 3 ser janalizza l-progress kollu li ntlaħaq fil-każ ta' kull miżura fil-programm u ser jinkludi analiżi tal-punti b'saħħithom u dawk batuti ta' kwalunkwe tip ta' sistemi ta' kompjuterizzazzjoni tad- dwani involuti fit-tħaddim tas-suq intern. Ir-rapport ser jistabilixxi kull proposta utli sabiex jiżgura illi jingħata trattament identiku lil min jaħdem għall-qliegħ madwar it-territorju doganali tal-Komunità u illi l-ġbir ta' l-informazzjoni jirrispetta l-protezzjoni xierqa ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżzjoni ser tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 Jannar 2003.

Artikolu 21

Għal min hija ndirizzata din id-Deċiżjoni

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni ser tkun torbot kollha kemm hi u tkun tapplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-11 ta' Frar 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

P. Efthymiou

[1] ĠU C 126 E, tat-28.5.2002, p. 268.

[2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 8.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta'Settembru 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002.

[4] ĠU L 33, ta' l-4.2.1997, p. 24. DEĊIŻJONI kif emendata minn DEĊIŻJONI Nru 105/2000/KE (ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 1).

[5] ĠU C 171, tal-15.6.2001, p. 1.

[6] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1.

--------------------------------------------------