32003D0199



Official Journal L 076 , 22/03/2003 P. 0021 - 0024


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-18 ta’ Marzu 2003

dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ l-aldicarb fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet dwar prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li għandhom din is-sustanza attiva

(2003/199/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjant fis-suq [1] u b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/EEC dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [2] u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3A)(b) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE ipprovda biex il-Kummissjoni tista’ twettaq programm ta’ xogħol għall-eżami ta’ sustanzi attivi wżati fil-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li kienu diġà jinsabu fis-suq fil-25 ta’ Lulju 1993. Regoli dettaljati għat-twettiq ta’ dan il-programm ġew stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 t’April 1994 li jsemmi s-sustanzi attivi tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u li jaħtar lill-Istati Membri biex jaġixxu ta’ relaturi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 [3], indika s-sustanzi attivi li għandhom ikunu stmati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, indika Stat Membru biex jaġixxi ta’ relatur fir-rigward ta’ l-istima ta’ kull sustanza u identifika l-produtturi ta’ kull sustanza attiva li ressqu notifika fil-żmien stipulat.

(3) Aldicarb hi waħda mid-89 sustanza attiva msemmija fir-Regolament (KE) Nru 933/94.

(4) Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolamenti (KEE) Nru 3600/92, ir-Renju Unit, li hu l-Istat Membru maħtur bħala relatur, ressaq fit-30 April 1996 quddiem il-Kummissjoni r-rapport ta’ l-istima tiegħu tat-tagħrif mogħti min-notifikaturi skond l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

(5) Meta ġie riċevut ir-rapport ta’ l-Istati Membri relaturi, il-Kummissjoni daħlet għal konsultazzjonijiet ma’ esperti ta’ l-Istati Membri kif ukoll man-notifikatur ewlieni Rhône-Poulenc, (issa Bayer CropScience) kif stipulat fl-Artikolu 7(3) tar-Regolamenti (KEE) Nru 3600/92.

(6) Ir-rapport ta’ stima ppreparat mir-Renju Unit ġie rivedut mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar Ikel u s-Saħħa tal-Pjanti. Intwera li t-tagħrif mogħti ma kienx biżżejjed biex jiddetermina jekk, skond il-kondizzjonijiet proposti għall-użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva msemmija jissodisfawx jew le b’mod ġenerali l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-dokument u t-tagħrif mir-reviżjoni ġew mogħtija wkoll lill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti. Il-Kumitat ġie mistoqsi biex jikkumenta dwar l-istima ta’ riskju minħabba effetti tossiċi fuq l-ekoloġija, li tinkludi wkoll ir-riskju għall-għasafar żgħar. Il-Kumitat innota li l-istima ta’ riskju għall-għasafar żgħar esposti għall-qamħ żgħir tiddependi b’mod kritiku fuq is-suppożizzjoni li iktar minn 99 % tal-qamħ żgħir jinstabu fil-ħamrija. Waqt li dan jista’ jintlaħaq taħt kondizzjonijiet ideali, il-Kumitat jemmen li dan il-livell għoli ta’ inkorporazzjoni ma jistax jintlaħaq b’mod konformi taħt kondizzjonijiet ta’ użu agrikolu normali u għalhekk irrikmanda li hu neċessarju li terġa’ ssir stima. B’konnessjoni ma’ organiżmi oħra li m’humiex immarkati l-Kumitat ma jistax jagħmel stima mill-informazzjoni disponibbli jekk l-użu ta’ l-aldicarb għandu jibqa’ sal-ġenerazzjoni, is-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta’ aktar informazzjoni. Għalhekk, il-Kumitat stieden lin-notifikatur biex ilesti d-dokument tiegħu sa’ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001 għal firxa limitata ta’ użu rappreżentattiv.

Meta ġiet riċevuta informazzjoni addizzjonali, ir-reviżjoni ġiet iffinalizzata fit-18 t’Ottubru 2002 bħala rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għal aldicarb, skond l-Artikolu 7(6) tar-Regolamenti (KEE) Nru 3600/92.

(7) Stimi magħmulin fuq l-informazzjoni mogħtija ma wrewx sinjal li wieħed jistenna li, taħt il-kondizzjonijiet proposti għall-użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom aldicarb jissodisfaw b’mod ġenerali l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari rigward l-impatt possibli fuq organiżmi oħra. Hu xieraq li din id-deċiżjoni tittieħed minħabba r-riskju għoli ta’ l-aldicarb fil-forma preżenti tagħha ta’ qamħ żgħir b’mod partikolari għal għasafar żgħar. Informazzjoni mogħtija min-notifikatur għall-użu rappreżentattiv propost juru li qamħ żgħir jibqa’ fuq il-wiċċ tal-ħamrija wara trattament. Il-possibiltà ta’ teħid letali minn għasafar żgħar ma tistax tiġi eskluża. Stima ta’ riskju li hu probabbli kienet ippreparata min-notifikatur u evalwata mill-Istati Membri relaturi li kkonkludew li m’humiex mistennija effetti fuq popolazzjonijiet nazzjonali għalkemm jista’ jkun hemm xi impatt lokali. Irid jittieħed f’konsiderazzjoni li kriterji miftiehma għall-interpretazzjoni ta’ din l-istima ta’ riskju li hu probabbli għadhom ma ġewx konsolidati u ma’ jkunx xieraq, minħabba riskji li huma possibli, li t-teħid ta’ deċiżjonijiet jiddewmu aktar sakemm iseħħ il-qbil ta’ dawn il-kriterji. Barra minn hekk, ir-reviżjoni identifikat riskju għal ħniex, u l-informazzjoni disponibbli minn studju ta’ riċerka m’hiex biżżejjed biex jintgħelbu kompletament dawn il-biżgħat.

(8) Għaldaqstant aldicarb m’għandiex tkun inkluża fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE.

(9) Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom aldicarb huma rtirati sa’ perijodu preskritt u li ma jiġix imġedded u li l-ebda awtorizzazzjonijiet ġodda għal dawn il-prodotti ma jiġu mogħtija.

(10) Skond l-informazzjoni quddiem il-Kunsill jidher li, fin-nuqqas ta’ alternattivi effiċjenti għal ċertu użu limitat f’xi Stati Membri, hemm bżonn għal aktar użu tas-sustanza attiva biex jitħalla l-iżvilupp ta’ alternattivi. Hu għalhekk ġustifikat fiċ-ċirkustanzi preżenti jiġi ordnat taħt kondizzjonijiet stretti mmirati biex jitnaqqas ir-riskju (per eżempju programmi ta’ amministrazzjoni) perijodu itwal għall-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-użu limitat meqjusa bħala essenzjali għal liema ma jidher li hemm l-ebda alternattiva effiċjenti disponibbli għall-kontroll ta’ organiżmi perikolużi.

(11) Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja għal tneħħija, għal magażżinaġġ, għal tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ħażniet eżistenti ta’ prodotti għal-ħarsien tal-pjanti li fihom aldicarb permess minn Stati Membri, skond l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE għandu jkun limitat għal perijodu qasir biex jippermetti ħażniet eżistenti li jintużaw f’perijodu ta’ mhux aktar minn staġun ieħor ta’ tkabbir.

(12) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax lill-Kummissjoni milli tieħu xi azzjoni għal din is-sustanza attiva fi stadju aktar tard fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1978 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom ċerti sustanzi attivi [4].

(13) Fin-nuqqas ta’ opinjoni favorevoli tal-Kumitat Permanenti fuq Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta id-dispożizzjonijiet li hi pprevediet taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Aldicarb m’għandux jiġi nkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

1. awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom aldicarb jiġu rtirati sat-18 ta’ Settembru 2003;

2. mit-18 ta’ Marzu 2003 m’għandhom jinħarġu jew jiġu estiżi l-ebda awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom aldicarb taħt id-deroga msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE;

3. f’konnessjoni ma’ l-użu mniżżel fil-kolonna B ta’ l-Anness, Stat Membru speċifikat f’kolonna A jista’ jżomm fis-seħħ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom aldicarb sat-30 ta’ Ġunju 2007 sakemm:

(a) jiżgura li dawn il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li baqgħu fis-suq jergħu jiġu mmarkati biex jitqabblu mal-kondizzjonijiet restrinġenti għall-użu;

(b) jimponi l-miżuri xierqa kollha ta’ mitigazzjoni dwar r-riskji biex jitnaqqsu r-riskji li huma possibli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u l-ambjent; u

(ċ) jiżgura li prodotti jew metodi alternattivi għal dan l-użu qed jiġu mfittxija b’mod serju, b’mod partikolari permess ta’ pjanti t’azzjoni.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u b’mod partikolari l-azzjonijiet li ttieħdu skond punti (a) sa’ (c) u jipprovdu kull sena stimi ta’ l-ammonti ta’ aldicarb użati għal użu essenzjali skond dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Kwalunkwe perijodu ta’ grazzja mogħti minn Stati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, u:

(a) għall-użijiet li l-awtorizzazzjoniji tagħhom għandha tiġi rtirata fit-18 Settembru 2003, għandha tiskadi mhux aktar tard mit-18 ta’ Settembru 2004;

(b) għall-użijiet li l-awtorizzazzjoni tagħhom għandha tiġi rtirata sat-30 ta’ Ġunju 2007, għandha tiskadi mhux aktar tard mill-31 Diċembru 2007.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 18 Marzu 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/5/KE (ĠU L 8, ta’ l-14.1.2003, p. 7).

[2] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27).

[3] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 (ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1).

[4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta’ awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)

Kolonna A | Kolonna B |

Stat Membru | Użu |

Il-Belġju | Pitravi |

Il-Greċja | Patata Tabakk |

Spanja | Qoton Ċitru (masġar żgħir) Imxietel għall-injam |

Franza | Pitravi taz-zokkor Vinji |

L-Italja | Pitravi taz-zokkor Tabakk Imxietel |

L-Olanda | Ornamenti Pitravi taz-zokkor Patata (żerriegħa u lamtu) |

Il-Portugall | Ċitru Fjorikultura Vinji |

Ir-Renju Unit | Patata Zunnarija (li tinkludi zunnarija bajda) Basal Ornamentali |

--------------------------------------------------