Official Journal L 358 , 31/12/2002 P. 0125 - 0127
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2385/2002 tat-30 ta’ Diċembru 2002 li jissokta u jemenda s-sorveljanza Komunitarja minn qabel fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3285/94 [1] tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 518/94, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2474/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 519/94 [3] tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, (KEE) Nru 1766/82 u (KEE) Nru 3420/83, kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KE) Nru 1138/98 [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, Wara li kkonsultat lill-Kumitati Konsultattivi. Billi: (1) Bir-Regolament (KE) Nru 76/2002 [5] tas-17 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni daħħlet sorveljanza Komunitarja minn qabel fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar li joriġinaw f’pajjiżi terzi. Dan ir-Regolment kien emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1337/2002 [6] ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 sabiex jestendi l-iskop tas-sorveljanza. (2) Fis-6 ta’ Marzu 2002, ċerti Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni illi x-xejriet fl-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u l-azzar dehru li jsejħu għal miżuri tas-salvagward; issotomettew tagħrif li kien fih ix-xiehda disponibbli kif stabbilit fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 519/94; u talbu lill-Kummissjoni li timponi miżuri proviżorji tas-salvagwardar u li tiftaħ investigazzjoni ta’ salvagwardar. (3) Fl-20 ta’ Marzu 2002, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika imponiet miżuri definittivi ta’ salvagwardar fuq firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ l-azzar fil-għamla ta’ kwoti tat-tariffi u dazji addizzjonali li jinfirxu minn 8 % sa 30 % ad valorem. (4) Fit-28 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni li kellha x’taqsam mal-ħsara jew it-theddid serju ta’ din għall-produtturi Komunitarji bħall-21 prodotti ta’ l-azzar importati jew li jikkompetu b’mod dirett magħhom. (5) Fl-istess jum, fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur u vverifikat qabel il-bidu, kienu imposti miżuri proviżorji fuq 15-il prodott ta’ l-azzar koperti bl-investigazzjoni. (6) Bir-Regolament (KE) Nru 1694.2002 tas-27 ta’ Settembru 2002 [7], wara li l-Kummissjoni stabbilixxiet illi l-importazzjonijiet miżjuda fuq seba’ prodotti speċifikati fl-Anness 1(a) kienu qegħdin jagħmlu dannu gravi lill-produtturi Komunitarji, imponiet miżuri definittivi ta’ salvagwardar kontra dawn il-prodotti fil-għamla ta’ dazji addizzjonali li jitħallsu fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-kwoti rilevanti tat-tariffa. L-utilizzazzjoni ta’ dawn il-kwoti tat-tariffa tista’ tiġi mmonitorjata fuq bażi ta’ kuljum. (7) Bir-Regolament (KE) Nru 1695/2002 tas-27 ta’ Settembru 2002 [8], wara li l-Kummissjoni stabbilixxiet illi l-importazzjonijiet miżjuda ta’ l-14-il prodott speċifikati fl-Anness 1(b) kienu qegħdin jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji, u illi kien fl-interess tagħha li tagħmel dan, imponiet sistema ta’ sorveljanza retrospettiva fejn jidħlu dawn l-14-il prodott. (8) Is-sistemi msemmija hawn fuq rigward il-moniteraġġ tal-kwoti tat-tariffa ta’ salvagwardar u tas-sorveljanza retrospettiva jipprovdu tagħrif dwar l-oriġini ta’ wħud biss mill-importazzjonijiet li jidħlu fis-suq Komunitarju u ma jipprovdux tagħrif dwar il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet. Lanqas ma jipprovdu tagħrif dwar l-istruttura tal-flussi kummerċjali futuri. (9) L-istatistiċi Komunitarji dwar il-kummerċ barrani ma jkunux disponibbli fil-perjodi taż-żmien stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 [9], kif emendat bir-Regolament 1669/2001 [10]. (10) Madankollu, l-istatistiċi disponibbli dwar l-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ l-azzar speċifikati fl-Anness 1 juru x-xejriet li ġejjin, li jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji: (tunnellati metriċi) | It-Tip tal-prodott | 1999 | 2000 | 2001 | 2002(6 xhur) | Il-prodotti ċatti | 10818943 | 13641836 | 13916538 | 6058977 | Il-prodotti twal | 5053766 | 5184421 | 5482925 | 2772014 | It-Tubi u l-pajpijiet: | 2541117 | 2930406 | 2903729 | 1384322 | (11) Għalkemm ċerti kategoriji ta’ prodotti juru xi deklin fl-importazzjonijiet, irid jiġi mfakkar illi numru ta’ prodotti ta’ l-azzar kien bla ħsara għall-miżuri proviżorji ta’ salvagwardar għall-azzar matul parti minn dan il-perjodu taż-żmien. Barra minn hekk, huwa ċar illi l-kuntest internazzjonali jista’ jwassal għal iktar bdil fid-direzzjoni tal-kummerċ għall-Komunità minħabba l-fatt illi s-suq dinji ta’ l-azzar jibqa’ mhux stabbli u ħafna pajjiżi ħadu, jew qegħdin jikkunsidaw, miżuri tas-salvagward. (12) Saħansitra, mill-imposizzjoni tal-miżuri tas-salvagward fuq firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ l-azzar mill-Istati Uniti f’Marzu 2002, il-Komunità Ewropea u ħafna pajjiżi (inklużi l-Bulgarija, il-Kanada, iċ-Ċina, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Messiku u l-Polonja) interessati fl-impatt possibbli ta’ dawn il-miżuri u iktar bikrija fuq is-suq dinji ta’ l-azzar inizjaw investigazzjonijiet ta’ salvagwardar li għandhom x’jaqsmu ma’ firxa ta’ prodotti ta’ l-azzar. F’xi każijiet, diġà ttieħdu miżuri definittivi ta’ salvagwardar. Huwa għalhekk ċar illi jista’ jkun hemm iktar fluttwazzjonijiet maġġuri fl-istruttura tas-suq internazzjonali ta’ l-azzar, u b’mod partikolari l-liwja lejn is-suq Komunitarju li jikkawża dannu lill-produtturi Komunitarji. (13) Fl-istess waqt, l-istatistiċi tal-produzzjoni jindikaw illi l-produzzjoni ta’ l-azzar mhux maħdum fil-Komunità waqgħet mill-163,2 miljun tunnellata metrika fis-sena 2000, għal 185,5 miljun tunnellata metrika fi-sena 2001 u għal 118,9 miljun tunnellata metrika fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2002. L-impjiegi mill-produtturi Komunitarji niżel ukoll, minn 276700 fis-sena 2000 għal 270000 [12] fis-sena 2001, u huwa previst li jinżel iktar fis-sena 2002. Teżisti rabta ġenwina u sostanzjali bejn l-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi ekonomiċi u x-xejriet fl-importazzjonijiet, u huwa għalhekk ikkunsidrat illi x-xeriet fl-importazzjonijiet jheddu dannu lill-produtturi Komunitarji. (14) Għalhekk, l-interessi Komunitarji jeħtieġu illi l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ l-azzar għandhom jissoktaw u jkunu bla ħsara għas-sorveljanza Komunitarja minn qabel sabiex jiġi pprovdut it-tagħrif statistiku avanzat li jippermetti analiżi mħaffa tax-xejriet ta’ l-importazzjonijiet. (15) Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi illi, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 519/94, għandha tissokta sistema ta’ sorveljanza minn qabel fejn jidħlu l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ l-azzar li huma ddestinati għall-esportazzjoni lejn il-Komunità. Filwaqt li jitqies it-tul taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardar għall-azzar imposti mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika f’Marzu 2002, huwa xieraq illi din is-sistema għandha tissokta sa’ l-aħħar ta’ Marzu 2005. (16) Barra minn hekk, biex ma jiddaħħlux kostrizzjonijiet mhux meħtieġa u biex ma jiġux iddisturbati b’mod eċċessiv l-attivitajiet tal-kumpaniji qrib il-fruntieri, huwa mixtieq li jiġu esklużi l-importazzjonijiet ta’ kwantitajiet żgħar mill-iskop tas-sorveljanza Komunitarja minn qabel. Għalhekk, l-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jaqbżux il-500 kilogramma għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 76/2002 huwa emendat kif ġej: 1. fl-aħħar ta’ l-Artikolu 1, żid: "3. L-importazzjonijiet li l-piżijiet netti tagħhom ma jaqbżux il-500 kilogramma huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament." 2. fl-Artikolu 6 ibdel il-frażi "il-31ta’ Diċembru 2002" bil-frażi "il-31 ta’ Marzu 2005". Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Diċembru 2002. Għall-Kummissjoni Pascal Lamy Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 319, tal-31.12.1994, pġ. 53. [2] ĠU L 286, tal-11.11.2000, pġ. 1. [3] ĠU L 67, ta’ l-10.03.1994, pġ. 89. [4] ĠU L 159, tat-3.06.1998, pġ. 1. [5] ĠU L 16, tat-18.02.2002, pġ. 3. [6] ĠU L 195, ta’ l-24.07.2002, pġ. 25. [7] ĠU L 261, tat-28.09.2002, pġ. 1. [8] ĠU L 261, tat-28.09.2002, pġ. 124. [9] ĠU L 229, tad-09.09.2000, pġ. 14. [10] ĠU L 224, tal-21.08.2001, pġ. 3. [12] Id-data għadha m’hijiex iffinalizzata u hija soġġetta għar-reviżjoni. --------------------------------------------------