32002R2182



Official Journal L 331 , 07/12/2002 P. 0016 - 0022


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2182/2002

tas-6 ta’ Diċembru 2002

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 rigward il-Fond Komunitarju tat-Tabakk

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 li jwassal għall-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tat-tabakk mhux maħdum [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 546/2002 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 14a tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 546/2002 emenda l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, rigward it-twaqqif ta’ Fond Komunitarju tat-Tabakk. L-emendi jikkonċernaw l-oqsma ta’ l-attivitajiet tal-Fond. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

(2) Jaqbel, min-naħa l-waħda, li jiġu previsti miżuri biex jiġi skoraġġit t-tipjip, u b’mod partikolari t-titjib ta’ l-informazzjoni li għandu l-pubbliku fuq il-ħsara li jikkawża l-użu tat-tabakk, u min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi ta’ finanzjament biex il-produtturi tat-tabakk jiġu mħajjra sabiex jibdew jipproduċu prodotti oħra. Dan għandu jsir flimkien ma’ programm ta’ xiri lura ta’ kwoti kif ukoll ta’ studji fuq il-possibbilitajiet li l-produtturi jiġu inkoraġġuti jaqilbu għal għelejjel jew attivitajiet oħra.

(3) Jabqel li r-riżorsi finanzjarji bejn iż-żewġ għanijiet prinċipali tal-Fond li huma dak li tingħata l-informazzjoni u l-inkoraġġiment lill-produtturi li jaqilbu l-produzzjoni jitqassmu b’mod xieraq. Madankollu, jekk jirriżulta li din l-allokazzjoni ma tkunx ġiet użata bis-sħiħ għal wieħed mill-għanijiet, jaqbel li t-tqassim ta’ dawn ir-riżorsi bejn iż-żewġ għanijiet jiġi aġġustat.

(4) Il-Fond tat-Tabakk hu ffinanzjat grazzi għat-tnaqqis mill-premiums mogħtija lill-produtturi tat-tabakk, u għaldaqstant hu ġust li l-għajnuna pubblika kollha għal miżuri ffinanzjati taħt il-Fond jiġu pprovduti mir-riżorsi tal-Komunità stess fil-Fond.

(5) Għall-programmi ta’ informazzjoni, il-proposti varji ppreżentati fil-qafas ta’ proċeduri adottati għandhom jitkejjlu skond il-kriterji li jiżguraw l-aħjar għażla possibbli. Hemm lok li tiġi attwata wkoll il-possibilità ta’ proġetti realizzati fuq l-inizjattiva ta’, u għan-nom tal-Kummissjoni. Għal dak il-għan, sejħa għall-proposti jew kif applikabbli, stedina pubblika għall-offerti, tidher li hija t-trieq l-aktar xierqa.

(6) Jaqbel li jiġu stabbiliti kriterji ta’ eliġibbilità għall-persuni fiżiċi jew morali li jistgħu jippreżentaw proposti fil-qafas tal-programmi ta’ l-informazzjoni.

(7) Sabiex il-programmi ta’ informazzjoni jkunu taħt ġestjoni amministrattiva tajba, jaqbel li l-proġetti approvati mill-Kummissjoni jkunu realizzati fi żmien stipulat. L-ewwel skadenza li ssir tista’ tkun qasira wisq sabiex tiġi rispettata. Billi huwa possibbili li ż-żmien oriġinarjament maħsub biex isir il-proġett f’każijiet eċċezzjonali, għandha ssir dispożizzjoni sabiex dan jġi estiz, taħt ċerti kondizzjonijiet.

(8) Sabiex ikun hemm ċans ta’ l-aħjar għażla tal-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-programmi ta’ informazzjoni u sabiex tiġi garantita l-aħjar eżekuzzjoni tal-proġetti approvati, hemm il-ħtieġa li ssir dispożizzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun assisstita fl-għażla tal-proġetti minn kumitat xjentifiku u tekniku. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għas-servizz ta’ esperti indipendenti għall-valutazzjoni tal-proġetti.

(9) Sabiex ikun hemm garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba ta’ kull proġett iffinanzjat fil-qafas tal-programmi ta’ informazzjoni, hemm bżonn li l-kondizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni jkunu ppreċiżati fil-kuntratt konkluż mal-Kummissjoni. Il-kuntratt għandu jagħti garanzija lill-Kummissjoni f’każ ta’ talba ta’ ħlas bil-quddiem, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jiffissa r-regoli ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ garanziji għall-prodotti agrikoli [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1932/1999 [4].

(10) Rigward il-programmi ta’ informazzjoni, trid isir dispożizzjoni sabiex jiġi evitat li jiġġemmgħu b’mod inġustifikat aktar minn miżura waħda għall-istess proġett, u li tkun tista’ ssir ir-rekuperazzjoni ta’ ħlas f’ċerti każi, b’mod partikolari jekk ikun hemm irregolaritajiet.

(11) Rigward il-miżuri speċifiċi ta’ konverżjoni tal-produzzjoni, jaqbel li jiġu definiti l-miżuri individwali ddestinati għall-konverżjoni tal-produtturi tat-tabakk, kif ukoll il-miżuri ta’ interess ġenerali u l-istudji fuq il-possibilitajiet li l-produtturi tat-tabakk jaqilbu l-poduzzjoni, jekk tali qlib ta’ produzzjoni tkunx eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond. Il-benefiċjarji ta’ kull tip ta’ miżura għandhom jiġu ddefiniti.

(12) Sabiex tiġi żgurata effikaċità approprjata għall-miżuri ta’ għajnuna għall-konverżjoni, jaqbel li tiġi determinata l-intensità ta’ l-għajnuniet allokati għat-tipi differenti ta’ miżuri, kif ukoll l-ammont totali ta’ għajnuna lil kull produttur, għandu jiġi kkalkulat għall-miżuri kollha. L-intensità ta’ l-għajnuna għal kull miżura għandha tkun ta’ livell attraenti biżżejjed, sabiex tħajjar lill-produtturi biex japprofittaw mill-possibilità ta’ konverżjoni, peress li din tirrikjedi bidla maġġura dwar kif jorganizzaw il-produzzjoni fil-qasam tagħhom.

(13) Il-Fond għandu jiggarantixxi għajnuna lill-produtturi fit-total tat-territorju tal-Komunità sabiex jibdlu l-produzzjoni u għandu jaħdem id f’id mal-programm ta’ xiri lura tal-kwoti. Għal dan il-għan, it-tqassim tal-finanzjament mill-Fond għandu jiġi deċiż għal kull Stat Membru produttur. Sabiex jirreaġixxi ukoll għas-sitwazzjoni reali ta’ abbandun ta’ produzzjoni f’ kull Stati Membru, għandha ssir dispożizzjoni għat-tieni tqassim ta’ finanzjament ibbażat fuq l-applikazzjonjiet għall-għajnuna irċevuti.

(14) Sabiex ikun żgurat li l-interventi ddestinati biex jgħinu lill-produtturi biex jagħmlu l-konverżjoni mill-produzzjoni tat-tabakk jiġu implimentati f’qafas adekwat, għandu jinħoloq programm minn kull Stat Membru produttur. Il-kontenut ta’ dawn il-programmi għandu jiġi ddeterminat flimkien ma’ l-obligazzjoni fuq l-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-monitoraġġ li huma għamlu dwar l-istat ta’ progress magħmul mill-programmi kull sena.

(15) Kull riskju ta’ finanzjament doppju għall-istess proġett mill-Fond tat-Tabakk u minn reġimi oħra ta’ għajnuna għandu jkun evitat. Barra minn hekk, kull deċiżjoni mill-produtturi tat-tabakk li jixtiequ jwaqqfu l-produzzjoni tat-tabakk għandha tkun iffaċilitata. Għandhom jiġu determinati l-kondizzjonijiet li fihom talba ta’ intervent lill-Fond tat-Tabakk tista’ tiġi aċċettata, għandha ssir dispożizzjoni dwar il-possibilità li dan il-proġett jiġi ffinanzjat minn skema oħra jekk ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond tat-Tabakk ikunu spiċċaw. In-natura tal-kontrolli li għandhom isiru kif ukoll is-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu ddefiniti.

(16) Sabiex jingħata lill-Istati Membri żmien biżżejjed biex iħejju pjanijiet għall-finanzjament għall-miżuri ta’ konverżjoni għas-sena 2003, is-sena maħsuba li fiha kellha ssir il-bidla, biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn il-pjanijiet - u konsegwentement, l-iskadenza għat-tqassim definittiv tar-riżorsi bejn l-Istati Membri - għandu jkun iddifferit.

(17) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1648/2000 tal-25 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 tal-Kunsill rigward il-Fond Komunitarju tat-Tabakk [5] għandhom jiġu emendati u sostitwiti. Madankollu, id-dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tibqa’ tgħodd għall-proġetti approvati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(18) Il-miżuri maħsuba f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tat-Tabakk,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jiffissa l-kondizzjonijiet għal finanzjament mill-Fond Komunitarju tat-Tabakk, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Fond", tal-miżuri fiż-żewġ oqsma li jissemmew fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 taħt forma ta’ programmi ta’ informazzjoni u tal-miżuri għall-promozzjoni tal-konverżjoni tal-produzzjoni.

L-Artikolu 2

L-ispejjeż tal-Fond għal kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ miżuri li jissemmew fl-Artikolu 1 huma ta’ massimu ta’ 50 % ta’ l-ammont totali tal-Fond.

Madankollu, f’każ li dawn l-ammonti disponibbli ma jiġux użati kollha għal xi waħda mill-kategoriji, il-Kummissjoni terġa’ tgħaddi l-ammont mhux utilizzat lill-kategorija l-oħra, bil-kondizzjoni li din ikollha ħtieġa tal-fondi biex tattwa l-proġetti.

KAPITLU II

PROGRAMMI TA’ INFORMAZZJONI

L-Artikolu 3

1. Il-programmi ta’ informazzjoni ffinanzjati mill-Fond għandhom bħala għan li jtejjbu l-għarfien tal-pubbliku fuq il-ħsara tal-kunsum tat-tabakk ikun taħt liema forma jkun.

2. Il-programmi jikkonsistu fi proġetti relatati ma’ l-informazzjoni u l-edukazzjoni, mal-ġbir ta’ informazzjoni u ma’ l-istudji. Il-proġetti kkonċernati jinvolvu b’mod partikolari:

(a) il-kontribuzzjoni għall-għarfien min-naħa tal-pubbliku ta’ l-effetti ħżiena tat-tipjip, inkluż it-tipjip passiv;

(b) it-titjib tal-pertinenza u l-effikaċità tal-messaġġi u l-metodi ta’ komunikazzjoni permezz tal-lingwaġġ jew l-immaġini rigward l-effetti ħżiena tal-konsum tat-tabakk;

(ċ) il-prevenzjoni u l-waqfien mit-tipjip;

(d) it-twassil tar-riżultati miksuba lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-setturi neċessarji, fl-oqsma li jissemmew fil-punti (a), (b) u (ċ).

L-Artikolu 4

1. Il-ġestjoni tal-Fond, rigward il-programmi ta’ informazzjoni, hi assigurata mill-Kummissjoni, mgħejjuna mill-kumitat xjentifiku u tekniku.

2. Il-kumitat xjentifiku u tekniku hu magħmul minn disa’ membi maħtura mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jkollha l-presidenza tal-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tara li l-Membri tal-kumitat għall-proġetti li jkunu sottomessi lilhom ikunu indipendenti mill-istess proġetti.

L-Artikolu 5

Il-proġetti għandhom, skond il-każ, ikunu soġġetti għal proposti jew invit għal offerti pubbliċi, skond id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, serje Ċ, fiż-żmien stipulat indikat fl-opinjoni.

L-Artikolu 6

1. Il-proġetti jistgħu jkunu ppreżentati minn kull persuna fiżika jew morali stabbilita fil-Komunità u li:

(a) għandha kompetenzi magħrufa u esperjenza professjonali ta’ mill-anqas ħames snin fil-qasam ikkonċernat;

(b) taċċetta li tagħti kontribut għall-finanzjament tal-proġett permezz tal-mezzi tagħha personali għal mill-anqas 25 % tat-total. Madankollu, il-proġetti magħmula fuq inizjattiva u f’isem il-Kummissjoni huma ffinanzjati mill-Fondi sa’ 100 % ta’ l-ispiża totali;

(ċ) taċċetta li twettaq il-proġett propost fiż-żmien stipulat miftiehem;

(d) taċċetta li tgħaddi rapporti fuq il-progress tax-xogħol minn żmien għal żmien;

(e) taċċetta li l-kont tagħha kif ukoll dokumenti oħra li jirrigwardaw l-ispejjeż disponibbli għall-verifika min-naħa tal-Kummissjoni;

(f) taċċetta l-kondizzjonijiet indikati fl-Artikoli 9, 10 u 11.

2. Il-proġetti jistgħu jitwettqu fuq bażi annwali, li tista’ tiġġedded, mingħajr ma jinqabeż il-perijodu ta’ ħames snin, li jibdew jgħoddu minn meta ssir il-firma tal-kuntratt.

Madankollu, iż-żmien stipulat għat-twettiq jista’ jitwal jekk il-parti interessata titlob lill-Kummissjoni biex testendi ż-żmien u tagħti l-prova li, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li tagħhom m’għandhiex kontroll, mhiex f’qagħda li tirrispetta ż-żmien stipulat previst fil-bidu.

L-Artikolu 7

1. Il-proġetti ppreżentati wara sejħa għal proposti għandhom jiġu vvalutati minn grupp ta’ esperti indipendenti magħżul mill-Kummissjoni. L-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta tinħadem l-istima:

(a) ix-xogħol għandu jsir b’kollaborazzjoni ma’ persuni fiżiċi jew morali stabbiliti fid- diversi Stati Membri;

(b) il-proġetti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-karatteristiċi kulturali u lingwistiċi ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna kampanji ta’ informazzjoni għall-pubbliku in ġenerali, kif ukoll lil gruppi suxxettibli;

(ċ) il-proġetti għandhom juru metodoloġija u għarfien xjentifiku solidu. Għandhom ikunu innovattivi u jikkunsidraw ix-xogħol li diġà sar u l-esperjenza miksuba fil-qafas ta’ programmi nazzjonali jew komunitarji tal-passat jew eżistenti, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ ripetizzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi komunitarji;

(d) il-proġetti għandhom, kif jixraq, jagħtu kontribut, b’mod oġġettiv u effikaċi, biex itejjbu l-għarfien tal-pubbliku fuq l-effetti ħżiena tal-konsum tat-tabakk fuq is-saħħa, għall-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni epidemjoloġika pertinenti, jew jippermettu t-twettiq rapidu ta’ miżuri konkreti ta’ prevenzjoni;

(e) il-kuntratturi għandhom jieħdu ħsieb li r-riżultati tal-proġetti jkunu mqassma permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi rikonoxxuti u/jew ippreżentati matul konferenzi internazzjonali;

(f) preferenza għandha tingħata lill-proġetti li jkopru t-territorju kollu komunitarju u li ġejjin minn organizzazzjonijiet ta’ saħħa pubblika rikonoxxuti u/jew li jibbenefikaw minn għajnuna espliċita mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali tas-saħħa.

2. A bażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku li jissemma fl-Artikolu 4 lista ta’ proġetti li se jkunu magħżula biex jiġu ffinanzjati. Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar din il-lista.

3. Bħala parti mill-proċedura pubblika ta’ offerti, proġetti li għandhom isiru b’inizjattiva u f’isem il-Kummissjoni u li jkunu magħżula biex jiġu ffinanzjati minnha, għandhom ukoll jiġu sottomessi mill-Kummissjoni lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku li jissemma fl-Artikolu 4. Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar dawn il-proġetti.

4. Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 646/96/KE [6], il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni dwar liema proġetti ġew magħżula biex jiġu ffinanzjati, u għandha tinformah bl-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku u Tekninku li jissemma fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 8

1. Wara li tikkunsidra l-opinjoni li tissemma fl-Artikolu 7(2) u (3) il-Kummissjoni għandha tagħżel il-proġetti u tiddeċidi dwar il-finanzjament tagħhom mill-Fond. Hi tista’ tiddeċiedi li ma tipproċedi bl-ebda proġett.

2. Il-proġetti aċċettati għall-finanzjament mill-Fond għandhom jagħmlu parti minn kuntratt konkluż mill-Kummissjoni. Lista tal-proġetti ffinanzjati għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Il-Kummissjoni għandha ssegwi t-twettiq tal-proġetti aċċettati għall-finanzjament mill-Fond. Għandha tinforma b’mod regolari lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tat-Tabakk dwar il-kuntratti konklużi u dwar l-istat ta’ avvanz tax-xogħlijiet.

L-Artikolu 9

1. Il-kuntratti għandhom ikunu bbażati fuq it-tip ta’ kuntratt standard stabbilit mill-Kummissjoni, u għandu jirrifletti fejn meħtieġ, l-attivitajiet differenti kkonċernati. Għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

(a) il-possibilità ta’ ħlas bil-quddiem mill-Fond, fi żmien xahrejn minn wara l-iffirmar tal-kuntratt;

(b) in-natura ta’ l-elementi tal-proġett li għandhom isiru meħtieġa għall-ħlas sussegwenti, li għandu jsir f’pagamenti minn żmien għal żmien li għandhom jirriflettu l-istat ta’ avvanz tax-xogħol, u a bażi ta’ fatturi u ta’ dokumenti li juru li saru pagamenti;

(ċ) iż-żmien stipulat għall-preżentazzjoni tat-talba għall-ħlas għall-pagamnet tal-bilanċ wara t-twettiq tal-miżuri msemmija fil-kuntratt, kif ukoll ma’ l-elementi li kellhom jitwettqu, li għandhom jinkludu mill-anqas sommarju tax-xogħol imwettaq, id-dokumenti adattati li juru li x-xogħlijiet saru, u valutazzjoni tar-riżultati miksuba u kif dawk ir-riżultati jistgħu jintuzaw;

(d) skadenza massima ta’ sittin jum għall-ħlas mill-Fond mid-data ta’ l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ meta l-proġett kellu jitlesta, din l-iskadenza tista’ tiġi sospiża mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq verifiki addizzjonali.

2. Il-ħlas bil-quddiem mill-Fondi għandu jkun bil-kondizzjoni li l-kuntrattur jagħti garanzija, favur il-Kummissjoni, ta’ ammont ugwali għal 110 % ta’ dan il-ħlas bil-quddiem, mogħtija skond il-kondizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85. Madankollu, l-istituzzjonijiet pubbliċi jistgħu jkunu eżentati minn dan l-obbligu.

3. Il-garanzija għandha tingħata lura skond il-ħlas tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni għall-miżuri kkonċernati.

4. Jekk il-ħlas bil-quddiem ikun qabeż l-ammont li kellu jitħallas, il-garanzija għandha tintilef parzjalment għall-ammont li tħallas aktar milli suppost.

L-Artikolu 10

Il-proġetti aċċettati għall-finanzjament mill-Fond ma jistgħux jibbenefikaw minn finanzjamenti komunitarji oħra.

L-Artikolu 11

1. Fil-każ fejn jinstab li sar ħlas għal proġett meta mhux suppost li sar, il-Kummissjoni għandha tiġbor mill-ġdid l-ammonti mħallsa lill-benefiċjarji, flimkien ma’ l-interess kurrenti li għandu jingħadd mid-data tal-ħlas sad-data tal-ġbir effettiv ta’ l-ammont.

Ir-rata ta’ l-interess għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tiegħu kif ippublikat fl-ewwel jum ta’ kull xahar (mit-tnejn sal-ġimgħa, minbarra l-festi) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-ammonti miġbura flimkien ma’ l-imgħax għandhom jitħallsu lill-Kummissjoni u għandhom jitnaqqsu mill-ispejjeż tas-settur tat-tabakk iffinanzjat mill-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola.

KAPITLU III

MIŻURI BIEX TIĠI PROMOSSA L-BIDLA FIL-PRODUZZJONI

L-Artikolu 12

Il-miżuri għall-promozzjoni ta’ bidla ta’ produzzjoni ffinanzjata mill-Fond għandha tikkonsisti f’miżuri speċifiċi u individwali u f’miżuri ta’ interess ġenerali biex jinkoraġġixxu l-produtturi tat-tabakk nej biex jaqilbu għal prodotti u attivitajiet ekonomiċi oħra li joħolqu l-impjiegi kif ukoll biex isostnu studji dwar il-possibilitajiet li produtturi tat-tabakk nej jaqilbu għal għelejjel jew attivitajiet oħra.

L-Artikolu 13

Il-miżuri individwali maħsuba biex jgħinu lill-produtturi tat-tabakk jaqilbu l-produzzjoni għandhom jinkludu:

(a) il-qlib għal prodotti oħra u t-titjib tal-kwalità ta’ prodotti agrikoli oħra minbarra t-tabakk, kif ukoll l-għoti ta’ inċentivi lill-oqsma għad-diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom;

(b) it-taħriġ meħtieġ lill-produtturi għall-bdil għal prodotti agrikoli oħra minbarra t-tabakk;

(ċ) il-ħolqien ta’ strutturi għal marketing ta’ prodotti ta’ kwalità minbarra t-tabakk, kif ukoll servizzi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali, id-diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet agrikoli jew semi-agrikoli bil-għan li jinħolqu diversi attivitajiet kapaċi jiġġeneraw impjiegi u dħul alternattiv, u b’mod partikolari li jinkoraġġixxu t-turiżmu u attivitajiet ta’ artiġjanat.

L-Artikolu 14

Il-miżuri ta’ interess ġenerali u l-istudji fuq il-possibilitajiet li l-produtturi tat-tabakk jaqilbu l-produzzjoni għanhom jinkludu:

(a) studji maħsuba biex jiżviluppaw l-opportunitajiet għall-produtturi tat-tabakk biex jaqilbu l-produzzjoni għal għelejjel jew attivitajiet oħra;

(b) iggwidar u servizz ta’ pariri għal produtturi li jiddeċiedu li jabbandunaw il-produzzjoni tat-tabakk;

(ċ) it-twettiq ta’ sperimenti innovattivi ta’ natura dimostrattiva.

Dawn il-miżuri jistgħu jiġu segwiti minn miużri li kxerrdu u jippromwovu r-riżultati.

L-Artikolu 15

1. Il-benefiċjarji tal-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 13 għandhom ikunu produtturi tat-tabakk li kienu jipparteċipaw fil-programm ta’ xiri b’lura kif jistabbilixxi l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 2075/92 mis-sena tal-ħsad 2002 u li l-kwota mixtrija lura mingħandhom tinvolvi kwantità ugwali għal jew akbar minn 500 kg.

Il-benefiċjarji jistgħu jippreżentaw talba biex jibbenefikaw minn għajnuna tal-Fond biss fl-ewwel sena li matulha ma jkollhomx kwota allokata lilhom.

2. Il-benefiċjarji tal-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 14 għandhom ikunu:

(a) l-awtoritajiet pubbliċi taż-żoni tal-produzzjoni;

(b) il-korpi pubbliċi li jispeċjalizzaw fir-riċerka agronomika u/jew ekonomika rurali magħżula mill-Istati Membri.

L-Artikolu 16

1. Il-valur massimu totali ta’ għajnuna komunitarja li tista’ tingħata taħt dan il-Kapitolu għandu jkun ugwali għal:

- 75 % ta’ l-ispiża eliġibbli, għall-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 13(a) u (ċ),

- 100 % ta’ l-ispiża eliġibbli, għall-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 13(b) u fl-Artikolu 14.

2. L-ammont totali ta’ l-għajnuna komunitarja għal kull produttur għall-miżuri kollha li jissemmew fl-Artikolu 13 għandhom ikunu kif ġej:

(a) għall-kwantitajiet ta’ tabakk nej kopert mill-kwota sa u tinkludi massimu ta’ 10 tunnellati, li tagħha l-produttur tħallas taħt il-programm ta’ xiri lura - tliet darbiet l-ammont tal-premium annwali;

(b) għall-kwantitajiet ta’ tabakk nej kopert mill-kwota li nxtrat minnu minn 10 tunnellati sa’ 40 tunnellata, li tagħha l-produttur tħallas taħt il-programm ta’ xiri lura - darbtejn l-ammont tal-premium annwali;

(ċ) għall-kwantitajiet ta’ tabakk nej kopert mill-kwota li nxtrat minnu minn 40 tunnellata ‘l fuq li tagħha l-produttur tħallas taħt il-programm ta’ xiri lura - darba l-ammont tal-premium annwali;

3. L-għajnuna komunitarja totali għal kull produttur għall-miżuri kollha li jissemmew fl-Artikolu 13 ma tistax taqbeż it-300000 euros. Madankollu, għall-miżuri li ma jinvolvux il-produzzjoni, il-marketing u t-trasformazzjoni tal-prodotti li jissemmew fl-Anness I tat-Trattat, l-għajnuna komunitarja totali għal kull produttur ma tistax taqbeż il-100000 euros.

L-Artikolu 17

1. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tikkomprendi t-totalità kollha tal-kontribuzzjoni pubblika għall-miżuri li jissemmew fl-Artikoli 13 u 14.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 kull sena qabel il-15 ta’ Frar allokazzjoni indikattiva bejn l-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond li għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jissemmew fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament, fuq bażi tal-kriterji li ġejjin:

- skond il-kwantitajiet ta’ kwoti mixtrija lura irrevokabbilment, fil-miżura ta’ 90 %,

- skond id-dħul fil-limitu ta’ garanzija nazzjonali, fil-miżura ta’ 10 %.

Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid it-tqassim tal-perċentwali ta’ l-allokazzjonijiet maħsuba fis-subparagrafu fid-dawl ta’ l-esperjenza.

3. L-Istati Membri għandhom jippreparaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-pjanijiet ipproġettati ta’ finanzjament li dwarhom ikunu saru talbiet għal għajnuna.

4. Fejn hu stabbilit a bażi ta’ l-informazzjoni li tissemma fil-paragrafu 3, li parti mill-fondi allokati lil wieħed jew uħud mill-Istati Membri ma jkunux se jintużaw minħabba nuqqas ta’ talbiet għal għajnuna, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, qabel il-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, allokazzjoni definittiva ta’ dan il-finanzjament bejn l-Istati Membri li jkunu rċevew talbiet ta’ għajnuna għal ammont totali li jaqbeż l-ammont totali akbar mill-budget tagħhom skond kif jistipula il-paragrafu 2. Din l-allokazzjoni definittiva hija stabbilita proporzjonalment skond l-allokazzjoni indikattiva kif iffissata bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 hawn fuq imsemmi.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-programmi relattivi mal-miżuri li jissemmew fl-Artikoli 13 u 14.

Il-programmi għandhom jinkludu:

(a) deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali fis-settur tat-tabakk u tal-linji gwida għal miżuri li jippromwovu l-qlib tal-produzzjoni kif ukoll ta’ l-oqsma kkonċernati, u tas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika fiż-żoni ta’ produzzjoni, b’mod partikolari rigward l-impjiegi u l-potenzjal għal żvilupp;

(b) deskrizzjoni ta’ l-istrateġija proposta, l-għanijiet ikkwantifikati tagħha u l-prijoritajiet magħżula għall-bidla tal-produzzjoni mit-tabakk;

(ċ) analiżi ta’ l-impatt mistenni li jseħħ f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali, b’mod partikolari rigward l-impjiegi;

(d) lista finanzjarja ġenerali indikattiva;

(e) deskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba sabiex jitwettqu l-programmi, u b’mod partikolari l-arranġamenti relattivi għall-kontrolli;

(f) id-definizzjoni tal-kriterji tas-selezzjoni tal-proġetti li dwarhom kienet saret applikazzjoni għal għajnuna.

2. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji għat-twettiq tal-programmi li jissemmew fil-paragrafu 1, inkluża l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-proġetti, u għandhom jindikaw l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal dan it-twettiq.

3. Kull sena, qabel il-31 ta’ Marzu, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni rapport dettaljat fuq l-istat ta’ avvanz tal-programmi li jkopri l-perijodu bejn l-ewwel ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena li tkun għaddiet.

L-Artikolu 19

1. Min jagħmel it-talba għal intervent skond l-Artikoli 13 u 14 għandu jiddikjara li mhux se jippreżenta l-istess proġett għall-finanzjament fil-qafas ta’ reġim ieħor ta’ għajnuna. Madankollu, hu ma jibqax marbut jekk il-finanzjament tal-proġett tiegħu fil-qafas tal-Fond hu rifjutat permezz ta’ deċiżjoni definittiva.

2. In-nuqqas ta’ adeżjoni mal-ftehim preskritt fil-paragrafu 1 għandu jġib:

- it-telf tad-drittjiet relattivi mal-programm ta’ xiri tal-kwota lura msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92, u

- it-telf tal-benefiċċju ta’ għajnuna għall-miżuri li jissemmew fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 20

1. L-Istati Membri, skond ir-regoli komuni li se jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni, għandhom jattrezzaw file kompjuterizzat li jinkludi l-informazzjoni kollha fuq il-proġetti ffinanzjati fil-qafas ta’ dan il-Kapitolu. Din l-informazzjoni għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-informazzjoni miġbura skond l-ewwel paragrafu tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet responsabbli mit-twettiq tal-programmi l-oħra tal-Komunità jew nazzjonali ta’ għajnuna ta’ natura strutturali.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ġew osservati, b’mod partikolari permezz ta’ kontroll amministrattiv u permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post. Dawn il-miżuri għandhom jassiguraw b’mod partikolari li l-proġetti ffinanzjati taħt dan il-Kapitolu ma jkunux ibbenefikaw minn reġim ieħor ta’ għajnuna.

4. Il-kontrolli li jissemmew fil-paragrafu 3 għandhom ikopru l-proġetti kollha ffinanzjati mill-Fond.

L-Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bil-miżuri li huma jadottaw skond l-Artikoli 18, 19 u 20.

L-Artikolu 22

1. Il-proġetti għandhom jitwettqu fi żmien sentejn mid-data tan-notifika mill-Istat Membru lill-benefiċjarju ta’ l-approvazzjoni tal-proġett.

2. L-għajnuna għandha tingħata wara verifika tat-twettiq tal-proġett ikkonċernat u mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tan-notifika mill-Istat Membru lill-benefiċjarju ta’ l-approvazzjoni tal-proġett.

3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għajnuna tingħata bil-quddiem, bil-kondizzjoni li:

(a) il-proġett ikun beda jitwettaq;

(b) il-benefiċjarju jkun ta garanzija ta’ l-ammont ugwali għal 120 % ta’ l-ammont imħallas bil-quddiem. Madankollu, l-istituzzjonijiet pubbliċi jistgħu jkunu eżentati minn dan l-obbligu.

Għall-fini ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligu għandu jkun li jiġi żgurat it-twettiq tal-proġett fiż-żmien stipulat speċifikat fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 23

L-Istati Membri, l-aktar tard fl-aħħar dikjarazzjoni dwar l-infiq għal dik is-sena, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ispejjeż kollha relattivi attwalment minfuqa matul is-sena finanzjarja korrenti relatata mal-miżuri li jkunu ttieħdu biex jippromwovu l-bidla tal-produzzjoni, kif speċifikata fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 [7].

L-Artikolu 24

Għal kull Stat Membru, l-ammont ta’ l-ispiża attwalment minfuqa innotifikata lill-Kummissjoni fid-dikjarazzjonijiet għal sena partikolari, għandha tiġi ffinanzjata skond ma jipprovdi l-Artikolu 23, dejjem jekk dawn l-ammonti totali ma jaqbżux fit-total tagħhom l-ammont allokat lill-Istat Membru skond l-Artikolu 17.

L-Artikolu 25

L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni rrekordjata skond dan il-Kapitolu għal mill-anqas perijodu ta’ għaxar snin wara s-sena li fiha ġiet irreġistrata.

KAPITLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

L-Artikolu 26

B’deroga mill-Artikolu 17(3) in-notifika ta’ l-iskadenza għall-pjani ta’ finanzjament għall-miżuri li għalihom għajnuna ġiet mitluba taħt il-programm ta’ xiri b’lura għas-sena tal-ħsad 2003 għandha titreġġa’ lura mill-31 ta’ Marzu 2003 għall-31 ta’ Mejju 2003, u bħala konsegwenza, b’deroga mill-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 17, l-iskadenza tal-31 ta’ Mejju 2003 hi mtaWwla sat-30 ta’ Ġunju 2003.

L-Artikolu 27

L-ammont tal-premium li għandu jitħallas lill-produtturi kif ukoll ir-rimbors li għandu jsir mill-Istati Membri lill-proċessuri, skond l-Artikoli 18 u 20 rispettivi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2848/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 rigward l-iskema tal-premium, il-kwoti ta’ produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lill-gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk nej [8], għandha titnaqqas, fil-mument tal-ħlas, bid-deduzzjoni li tissemma fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

L-ammont hekk imnaqqas għandu jiġi ddikjarat mill-Istati Membri bħala spiża taħt is-sezzjoni ta’ Garanzija tal-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola.

L-Artikolu 28

Ir-Regolament (KE) Nru 1648/2000 b’dan hu revokat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jibqgħu jgħoddu għall-proġetti approvati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Diċembru 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 215 tat-30.7.1992, p. 70.

[2] ĠU L 84 tat-28.3.2002, p. 4.

[3] ĠU L 205 tat-3.8.1985, p. 5.

[4] ĠU L 240 ta’ l-10.9.1999, p. 11.

[5] ĠU L 189 tas-27.7.2000, p. 9.

[6] ĠU L 95 tas-16.4.1996, p. 9

[7] ĠU L 39 tas-17.2.1996, p. 5.

[8] ĠU L 358 tal-31.12.1998, p. 17.

--------------------------------------------------