32002R1973



Official Journal L 305 , 07/11/2002 P. 0004 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1973/2002

tal-5 ta' Novembru 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bir-Regolament (KE) Nru 2026/97 [1], il-Kunsill adotta regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea.

(2) L-Artikolu tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 jistabbilixxi ċerti linji ta' gwida għall-kalkolu tal-benefiċċju għal min jirċevihom, inklużi l-valuri indikattivi tas-suq li magħhom għandu jitqies il-benefiċċju. Hu xieraq li jsir provvediment għal kjarifika dwar liema regoli għandhom jiġu segwiti fil-każijiet fejn ma jeżistix valur indikattiv tas-suq fil-pajjiż interessat. F'tali sitwazzjoni l-valur indikattiv għandu jiġi stabbilit abbażi ta' fatturi filfatt disponibbli f'dak il-pajjiż. Jekk dan mhuwiex possibbli fil-prattika għaliex, fost raġunijiet oħrajn, dawn il-prezzijiet jew l-infiq ma jeżistux jew mhumiex ta' min jorbot fuqhom, il-valur indikattiv appropjat għandu jkun determinat billi wieħed jagħmel referenza għat-termini u kondizzjonijiet ta' swieq oħra.

(3) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 jippreskrivi li ċerti sussidji għall-ambjent, għar-riċerka u għall-iżvilupp reġjonali ma humiex kompensatorji. Barra min dan, l-Artikolu 10(5) u (6) ta' dak ir-Regolament jiddikjaraw li jistgħu jinbdew investigazzjonijiet biex jinstab jekk sussidji li għandhom status mhux kompensatorju, u li ma jistgħux jinbdew investigazzjonijiet jekk għandhom x'jaqsmu ma' ċerti sussidji li mhumiex kompensatorji. Id-disposizzjonijiet korrispondenti fil-Ftehim WTO dwar Sussidji u Miżuri Kompensatorji kellhom jiskadu fil-31 ta' Diċembru 1999 kemm-il darba l-Membri tal-WTO ma jiftehmux mod ieħor. Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni bħal din u għalhekk d-disposizzjonijiet rilevanti ma jgħoddux aktar. Għalhekk, hu neċessarju li jiġi verifikat jekk għandhomx jinżammu fis-seħħ id-disposizzjonijiet dwar sussidji mhux kompensatorji fir-Regolament (KE) Nru 2026/97. F'dan ir-rigward, l-imseħbin maġġuri fil-kummerċ tal-Komunità ma għadhomx japplikaw dawn id-disposizzjonijiet fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar taxxi kompensatorji. In vista ta' dan, u biex jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi taħt l-imsemmi Ftehim WTO, hu meqjus xieraq li jiġu revokati d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar sussidji li mhumiex kompensatorji.

(4) L-Artikolu 28(5) tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 jispeċifika li, fil-każ ta' l-użu ta' fatti disponibbli, l-informazzjoni li tintuża għandha tiġi verifikata b'referenza għall-informazzjoni minn numru ta' egħjun. Hu kkunsidrat utli li jiġi speċifikat li dawn l-għejun jistgħu, meta ikun xieraq, jappartjenu ukoll għal data li tirrigwarda s-suq dinji jew swieq oħra rappreżentattivi.

(5) Hu kkunsidrat xieraq fl-interess taċ-ċertezza legali li jiġi preskritt li dawn l-emendi għandhom jgħoddu kemm jista' jkun malajr għall-investigazzjonijiet ġodda kollha,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 huwa b'dan emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 6(d), għandu jiżdied t-test li ġej:

"Jekk ma hemmx termini u kondizzjonijiet tas-suq eżistenti għall-prodott jew is-servizz in kwistjoni fil-pajjiż fejn tingħata l-provvista jew isir ix-xiri, li jistgħu jintużaw bħala valuri indikattivi xierqa, għandhom jgħoddu r-regoli li ġejjin:

(i) it-termini u l-kondizzjonijiet li jeżistu fil-pajjiż interessat għandhom jiġu aġġustati, fuq il-bażi ta' spejjeż attwali, prezzijiet u fatturi oħra disponibbli f'dak il-pajjiż, b'ammont xieraq li jirrifletti t-termini u l-kondizzjonijiet normali tas-suq; jew

(ii) fejn ikun xieraq, għandhom jintużaw it-termini u l-kondizzjonijiet li jeżistu fis-suq ta' pajjiż ieħor jew fis-suq dinji li huma disponibbli għal min jirċevihom."

2. L-Artikolu 4 u l-Artikolu 10(5) u (6) għandhom jiġu revokati.

3. Fl-Artikolu 28(5), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

"Din l-informazzjoni tista' tinkludi data rilevanti li tappartjeni lis-suq dinji jew swieq rappreżentativi oħra, fejn ikun xieraq."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jibda' jseħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jgħodd għall-investigazzjonijiet kollha mibdija skond ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 wara d-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-5 ta' Novembru 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Pedersen

[1] ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1.

--------------------------------------------------