32002R1835



Official Journal L 278 , 16/10/2002 P. 0009 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1835/2002

tal-15 ta' Ottubru 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1901/2000 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' l-oġġetti bejn l-Istati Membri

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' l-oġġetti bejn l-Istati Membri [1], kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1624/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta' l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 969/2002 [4], jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jużaw is-subintestaturi biex jilħqu ħtiġijiet nazzjonali, fejn dawn il-ħtiġijiet ma jistgħux jintlaħqu fil-livell tal-Komunità;

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1901/2000 [5], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2150/2001 [6], jawtorizza lill-dawk l-Istati Membri li jixtiequ jiġbru aktar tagħrif dettaljat minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, basta iżda li l-parti responsabbli biex jipprovdi t-tagħrif jitħalla li jagħżel li jforniha bi qbil jew man-Nomenklatura Kombinata jew mas-subdiviżjonijiet addizzjonali.

(3) Jista’ jkun meħtieġ għal xi Stati Membri li jiġbru tagħrif aktar dettaljat minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tan-Nomenklatura Kombinata fuq bażi ta' bil fors, u b'hekk jiksbu aktar tagħrif ta' l- istatistika aktar komprensiv dwar setturi ta' interess nazzjonali.

(4) L-introduzzjoni ta' dan il-livell ta' flessibilità hija mmirata biex jintlaħqu ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi, mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu riflessi sistematikament fin-Nomenklatura Kombinata. Din il-miżura għandha tgħin sabiex ikun hemm tnaqqis totali fil-piż fuq operaturi intra-Komunitarji billi jikkonċentraw l-obbligazzjoni biex jipprovdu tagħrif statistiku f'livell nazzjonali u jeżentaw operaturi fi Stati Membri oħra.

(5) L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla ta' jekk għandhomx jimplimentaw dan it-tip ta' ġbir ta' data u jekk ikun meħtieġ, li jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1901/2000 għandu għalhekk jiġi emendat.

(7) Il-miżuri provvduti f'dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Istatistika li Għandha x'taqsam mal-Kummerċ ta' Oġġetti bejn l-Istati Membri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1901/2000 qed jiġi mibdul bit-test li ġej:

"Dawk l-Istati Membri li jixtiequ li jkollhom tagħrif aktar dettaljat minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament bażi jistgħu, permezz ta' deroga minn dak l-Artikolu, jorganizzaw il-ġbir ta' dak it-tagħrif."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Ottubru 2002.

F'isem il-Kummissjoni

Pedro Solbes Mira

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 316, tas-16.11.1991, p. 1.

[2] ĠU L 187, tas-26.7.2000, p. 1.

[3] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1.

[4] ĠU L 149, tas-6.7.2002, p. 20.

[5] ĠU L 228, tat-8.9.2000, p. 28.

[6] ĠU L 288, ta' l-1.11.2001, p. 30.

--------------------------------------------------