32002R1687



Official Journal L 258 , 26/09/2002 P. 0015 - 0016


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1687/2002

tal-25 ta’ Settembru 2002

li jittratta dwar perjodu addizzjonali ta’ notifika ta’ ċerti sustanzi attivi li jinsabu digà fis-suq għal użu bioċida kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 rigward it-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti bioċidi [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Billi:

(1) Skond id-Direttiva 98/8/KE, programm ta’ xogħol għandu jitwettaq għall-valutazzjoni tas-sustanzi attivi kollha tal-prodotti bioċidi li jinsabu diġà fis-suq fid-data ta’ l-14 ta’ Mejju 2000, minn issa ‘l quddiem imsejjħa "is-sustanzi attivi eżistenti". L-ewwel fażi ta’ dan il-programm ta’ xogħol twettqet mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000 tas-7 ta’ Settembru 2000 rigward l-ewwel fażi tal-programm li jissemma fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relattiv għall-prodotti bioċidi. [2]. Bl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 98/8/KE, id-data ta’ dan il-programm ta’ xogħol għandha tiġi ffissata mill-Kummissjoni.

(2) Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000, kull produttur ta’ sustanza attiva eżistenti mqiegħda fis-suq għall-fini ta’ użu fi prodotti bioċidi għandu jidentifika din is-sustanza attiva billi jgħaddi l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni qabel it-28 ta’ Marzu 2002. Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) u ta’ l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, il-produtturi, il-formulaturi u l-assoċjazzjonijiet li jixtiequ jitolbu iskrizzjoni ta’ sustanza attiva eżistenti fl-Anness I, fl-Anness IA jew fl-Anness IB tad-Direttiva 98/8/KE għal wieħed jew uħud mit-tipi tal-prodotti għandhom jinnotifikaw b’din is-sustanza lill-Kummissjoni qabel it-28 ta’ Marzu 2002. Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, dawn il-produtturi jew formulaturi ma kellhomx jagħmlu identifikazzjoni separata.

(3) Lista preliminari tas-sustanzi attivi eżistenti identifikati skond ir-Regolament (KE) Nru 1896/2000 ġiet stabbilita [3]. Barra minn hekk, lista preliminari tas-sustanzi attivi eżistenti li dehru f’mill-anqas notifika waħda skond l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000 ġiet ukoll stabbilita. Din il-listatippreċiża, għal kull sustanza attiva eżistenti nnotifikata, it-tipi ta’ prodotti kkonċernati u l-Anness tad-Direttiva 98/8/KE li fiha l-iskrizzjoni hi mitluba [4].

(4) Dawn il-listi ma setgħux jiġu ppubblikati qabel ma għalqet l-iskadenza ffissata għat-28 ta’ Marzu 2002 biex jissottomettu n-notifika tas-sustanzi attivi eżistenti għal wieħed jew uħud mill-prodotti skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ kjarezza ta’ l-ewwel fażi tal-programm ta’ xogħol rigward is-sustanzi attivi li diġà jeżistu fis-suq, għandu jkun possibbli għall-produtturi, il-formulaturi u l-assoċjazjonijiet li jippreżentaw informazzjoni sabiex issir in-notifika ta’ sustanza attiva eżistenti għal wieħed jew uħud mit-tipi ta’ prodotti jekk din is-sustanza ġiet identifikata biss, jew għal tipi ta’ prodotti minbarra dawn li għalihom is-sustanza attiva diġà ġiet innotifikata. Notifika tali għandha ssir mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2003. Din l-iskadenza supplimentari m’għandux ikollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-istabbiliment tal-listi definittivi, fuq l-iffissar tal-prioritajiet għall-valutazzjoni jew fuq skadenzi oħra tal-programm ta’ xogħol hekk kif ġew iffissati mir-Regolament (KE) Nru 1896/2000.

(5) Dan il-perjodu supplimentari għandu jippermetti lill-produtturi, lill-formulaturi u lill-assoċjazzjonijiet li jixtiequ jitlobu l-iskrizzjoni ta’ sustanza attiva eżistenti fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE għal wieħed jew uħud mit-tipi ta’ prodotti, sabiex jgħarrfu b’din is-sustanza attiva lill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1896/2000 billi jibagħtulha l-informazzjoni li tissemma fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

(6) Il-miżuri pprovduti minn dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bioċidi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLMENT:

L-Artikolu 1

L-iskop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi skadenza supplimentari għan-notifika skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000 għas-sustanzi attivi eżistenti li ġew identifikati biss jew innotifikati biss għal ċerti tipi ta’ prodotti.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8/KE u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000 huma applikabbli għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

Id-definizzjonijiet li ġejjin huma applikabbli wkoll:

(a) "sustanza attiva eżistenti identifikata" tfisser sustanza attiva mqiegħda fis-suq qabel l-14 ta’ Mejju 2000 bħala sustanza attiva ta’ prodott bioċida għal għanijiet oħra minbarra dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 98/8/KE, u li kienet:

(i) identifikata skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000; jew

(ii) notifikata skond l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament,

minbarra sustanzi identifikati mill-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) ta’ dan l-istess Regolament;

(b) "sustanza attiva eżistenti nnotifikata" tfisser sustanza attiva mqiegħda fis-suq qabel l-14 ta’ Mejju 2000 bħala sustanza attiva ta’ prodott bioċida għal għanijiet oħra minbarra dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 98/8/KE, u li għaliha:

(i) mill-anqas notifika saret skond l-Artikolu 4(1) jew skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000, jew

(ii) mill-anqas Stat Membru wera l-interess għall-iskrizzjoni eventwali fl-Anness I jew fl-Anness IA skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000, jew fl-Anness IB skond l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3

Skadenza ġdida għan-notifika ta’ sustanzi attivi eżistenti

1. Il-produtturi, il-formulaturi u l-assoċjazzjonijiet li jixtiequ jitolbu l-iskrizzjoni fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE ta’ waħda mis-sustanzi attivi eżistenti, iżda mhix innotifikata għal wieħed jew uħud mit-tipi ta’ prodotti għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’din is-sustanza attiva skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000 mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2003.

2. Il-produtturi, il-formulaturi u l-assoċjazzjonijiet li jixtiequ jitolbu l-iskrizzjoni fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE ta’ waħda mis-sustanzi attivi eżistenti nnotifikata għal wieħed jew uħud mit-tipi ta’ prodotti minbarra dawk li jidhru diġà, għal din is-sustanza attiva eżistenti nnotifikata partikolari, fil-lista preliminari tas-sustanzi attivi eżistenti nnotifikati, għandu jippreżenta notifika lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2000, mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2003.

L-Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta’ Settembru 2002.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 123 ta’ l-24.4.1998, p. 1.

[2] ĠU L 228 tat-8.9.2000, p. 6.

[3] Dawn is-sustanzi attivi jinsabu fuq l-internet fil-lista preliminari ta’ sustanzi attivi eżistenti identifikati, li tista’ tinstab fl-indirizz li ġej: http://ecb.jrc.it/biocides.

[4] Dawn is-sustanzi attivi jidhru fil-lista preliminari ta’ sustanzi attivi eżistenti nnotifikati, li tista’ tinstab fl-indirizz li ġej: http://ecb.jrc.it/biocides

--------------------------------------------------