32002R1501



Official Journal L 227 , 23/08/2002 P. 0016 - 0016


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1501/2002

tat-22 ta’ Awwissu 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2848/98 fir-rigward tar-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-programm tal-kwota tax-xiri lura fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fit-tabakk mhux maħdum [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 546/2002 [2] u b’mod partikolari l-Artikolu 14a tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 35(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2848/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 fir-rigward tas-sistema tal-premiums, il-kwoti ta’ produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lill-gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk mhux maħdum [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1005/2002 [4], jipprovdi, bħala parti mill-proċedura tal-kwota tax-xiri lura, għall-perjodu li jibda jgħodd mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru li matulu l-Istati Membri jippubblikaw il-ħsibijiet tal-produtturi li jbiegħu l-kwoti tagħhom, sabiex produtturi oħra jkunu jistgħu jixtruhom lura qabel ma jinxtraw lura b’mod permanenti.

(2) L-esperjenza wriet li dan il-perjodu ta’ erba’ xhur huwa twil wisq u għalhekk għandu jitnaqqas bin-nofs u b’hekk titħaffef il-proċedura tax-xiri lura u jintgħamel aktar attraenti għall-produtturi, minħabba li l-perjodu ta’ inċertezza fir-rigward tal-konklużjoni tal-proċedura tal-bejgħ b’hekk jitnaqqas ukoll.

(3) Billi l-perjodu li għandu jiġi emendat jibda fl-1 ta’ Settembru, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

(4) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tat-Tabakk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 2848/98 huwa hawnhekk emdendat kif ġej:

(a) Ir-referenza għall-"1 ta’ Settembru" fl-Artikolu 35(1) u (2) hija sostitwita bi "l-1 ta’ Novembru";

(b) L-Artikolu 35(3)huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3. Malli l-perjodu ta’ xahrejn stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jintemm, kull kwoti li ma jkunux inxtraw mill-produtturi għandhom permanentement jinxtraw lura."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Awissu 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 70.

[2] ĠU L 84, tat-28.3.2002, p. 4.

[3] ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 17.

[4] ĠU L 153, tat-13.6.2002, p. 3.

--------------------------------------------------