32002R1496



Official Journal L 225 , 22/08/2002 P. 0013 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1496/2002

tal-21 Awissu 2002

li jemenda l-Anness I (ir-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(2)) u l-Anness II (il-lista ta' qrati kompetenti u awtortajiet) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 fuq il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [1], u partikolarment l-Artikoli 3(2), 4(2), 44 u 74 tiegħu,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitħarrku biss fil-qrati ta' Stat Membru ieħor bis-saħħa tar-regoli preskritti fit-taqsimiet 2 u 7 tal-Kapitolu II fuq il-ġurisdizzjoni; skond l-Artikolu 3(2), partikolarment ir-regoli tal-ġurisdizzjoni preskritti fl-Anness I m'għandhomx jgħoddu kontrihom.

(2) Għalhekk, jekk regola msemmija fl-Anness I titħassar fi Stat Membru, il-kontenut tal-lista għandha tkun modifikata kif jixraq.

(3) Għandha tintbagħat applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' esegwibbilità ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru u esegwibbli f'dak l-Istat, fi Stat Membru ieħor, lill-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

(4) L-Artikoli 38 et seq.u 57(4) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jippermettu li applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' l-esegwibbilità ta' strument awtentiku tista' tintbagħat lin-nutara bħala l-awtoritajiet kompetenti.

(5) L-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jipprovdi li Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test li jemendaw il-lista ta' l-awtoritajiet kompetenti preskritti fl-Anness I sa IV.

(6) L-Olanda nnotifikat lill-Kummissjoni b'emenda għar-regoli tal-ġurisdizzjoni preskritti fl-Anness I u l-lista tal-qrati u l-awtoritajiet kompetenti preskritti fl-Anness II u l-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni b'emenda għal-lista tal-qrati kompetenti preskritti fl-Anness II, għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jkunu emendati kif jixraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, it-tmien inċiż dwar l-Olanda, għandu jitħassar.

L-Artikolu 2

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, "fil-Ġermanja l-imħallef sedenti tal-kamra tal-"Landgericht"" għandu jinbidel b'li ġej:

"fil-Ġermanja:

(a) l-Imħallef sedenti tal-kamra tal-"Landgericht';"

(b) nutar ("…") f'proċedura tad-dikjarazzjoni ta' l-esegwibbilità ta' strument awtentiku."

L-Artikolu 3

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, "fl-Olanda, l-Imħallef sedenti ta' kamra tal-"arrondissementsrechtbank"" għandu jinbidel b'li ġej:

"fl-Olanda, il-"voorzieningenrechter van de rechtbank"."

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Awissu 2002.

Għall-Kummissjoni

António Vitorino

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1.

--------------------------------------------------